Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


L-APPELL TA’ L-IMMAKULATA


Kan. Joe Mifsud


 

 

Intasabt quddiem il-vara ta’ Marija Immakulata. Il-knisja kienet magħluqa. Kont waħdi u stajt ngħix mumenti ta’ silenzju u intimita` ma’ Marija. Is-soltu aktar kienu jiġu f’moħħi l-ħtiġijiet tan-nies u tal-parroċċa biex nitlob l-interċessjoni ta’ Marija għalihom. Din id-darba, bil-ħsieb tal-festa f’moħħi, staqsejt lil Ommna Marija x’tixtieq tgħid hi lilna lkoll fl-okkażżjoni tal-festa tagħha.

Kull festa nisranija hija l-festa tal-komunita` parrokkjali. Illum qed nisħqu ħafna u nitkellmu fuq il-parroċċa bħala komunita`; fi kliem ieħor familja. Fil-komunita` importanti r-relazzjonijiet u r-rabta bejn il-persuni. Ma għandniex dubju li Marija Immakulata hija għajnuna kbira biex dan is-sens ta’ komunita`, dan l-ispirtu ta’ familja, din ir-rabta ta’ bejnietna jeżistu fostna, speċjalment fil-ġranet tal-festa. Kif se nagħmlu biex tul din is-sena kollha l-ħajja tal-parroċċa tkun tassew komunitarja?

Marija Immakulata tistedinna biex bħala mgħammdin li nħaddnu l-fidi u bħala ulied devoti tagħha npoġġu lil Ġesu` fiċ-ċentru tal-ħajja personali tagħna u tal-ħidma u kull attivita` tal-ħajja tal-parroċċa. Kollox irid ikollu l-marka ta’ l-Evanġelju; ta’ l-ispritu ta’ Kristu. Fi żmienna għandna bżonn insara konvinti u mhux dilettanti, parruċċani li jaħdmu mal-komunita` tal-parroċċa s-sena kollha u mhux biss għall-festa; prijoritajiet jaqblu mal-missjoni tal-Knisja u mhux attiviżmu bla skop ta’ evanġelizzazzjoni, katekeżi jew djakonija. Il-liturġija trid tkun ċelebrazzjoni u mhux funzjoni, ritwal jew ċerimonji.

Għalhekk Marija ssejħilna biex ninteressaw ruħna fit-tagħlim u l-formazzjoni ħalli nikbru fil-fidi, nitħarrġu fl-ispiritwalita` biex inkunu missjunarji fost il-familji, fost il-batuti  u fost l-imbegħdin. Xi grazzja li Marija tatna minn dawn l-insara fil-parroċċa! Xi grazzja kieku jkollna aktar! Xi grazzja kieku nibdlu u nikkonvertu fil-mentalita` tagħna biex flok ningħalqu fil-knisja, fl-għaqdiet u l-gruppi, nitferrxu aktar fl-ambjent tal-parroċċa u barra minnha biex nixhdu għall-imħabba u l-fidwa ta’ Ġesu` għalina!

Żgur li Marija turi apprezzament għall-impenn u s-sagrifiċċju ta’ ħafna minna. Fl-istess waqt twissi u ċċanfar biex inżommu dejjem l-intenzjoni tal-bini tas-Saltna ta’ Alla fostna, u ma nibżgħux inqegħdu lilna nfusna u l-interessi tagħna fil-ġenb. Tħeġġiġna nistiednu lill-oħrajn, bla biża’ li se nispiċċaw fl-aħħar post jew imwarrba; anzi nifirħu naraw il-familja ta’ Alla tikber u tieħu wiċċ żagħżugħ.

Tajjeb li nifhmu li ebda komunita` ma tilħaq l-iskop tagħha mingħajr il-komunjoni. Komunjoni tfisser li minkejja kull nuqqas u differenzi bejnietna nkunu kapaċi nirbħu lilna nfusna biex naċċettaw lil xulxin u naħdmu flimkien għall-istess għan. Aktar ma nikkonvertu għal dawn l-attitudnijiet aktar il-parroċċa tilħaq l-għan li tkun komunita` missjunjarja li tagħti tifħir lil Alla u tixbaħ lil Marija fl-ubbidjenza tal-fidi tagħha għas-sejħa u l-missjoni li ried Alla minnha.

Ix-xewqat tal-festa ta’ Marija Immakulata jnisslu permezz tagħha aktar rabta, sehem u mpenn f’kull wieħed u waħda minna fil-missjoni tal-Knisja.

 

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com