Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Deċenza


Kan. Joe Mifsud


 

 

Jirrakkuntaw li l-Papa Ġwanni XXIII meta kien għadu nunzju f’Pariġi, kien qiegħed waqt pranzu statali u waħda mara kienet liebsa mhux xieraq. Beda jistedinha biex tiekol tuffieħa, iżda hi ma riditx. Baqa’ jinsisti, iża ma riditx. Fl-aħħar, biex iwasslilha messaġġ b’ċajta, qalilha: “Ħudha din it-tuffieħa, Eva wara li kielet it-tuffieħa ndunat li kienet għarwiena”. Tistgħu taħsbu kif ħmaret is-sinjura b’dak il-kumment.

Illum il-valuri tal-modestja u d-deċenza naqas sew; l-aktar fl-ilbies u xejn anqas fid-diskors. Dan huwa wkoll sinjal li jikxef kemm persuna kapaċi tonqos mir-rispett lejha nfisha l-ewwel, iżda wkoll lejn l-oħrajn. Diskors bħal dan igħodd kemm għas-sess femminili, u wkoll maskili. Tinħasad kif uħud mill-ġenituri qed itellgħu lil uliedhom meta għadhom żgħar, b’mod li fl-adolexxenza jitilfu kull kontroll fuqhom.

Id-deċenza tapplika għal kull post pubbliku. Fil-fatt ħadd ma jitħalla b’ilbies mhux xieraq il-qorti. Ħaġa tajba għax hekk għandu jkun.

Anke fid-dar jeħtieġ ikollna sens ta’ deċenza; il-ġenituri quddiem uliedhom, u l-aħwa bejniethom. Tistagħġeb kif ċerta mġieba hi aċċettata fuq il-karozzi tal-linja, fil-ħwienet, fit-toroq u nħawi oħra.

Imma tassew ikraħ meta tara nuqqas ta’ deċenza f’postijiet sagri bħall-knisja. U jeħel l-isqof jew il-qassis. Minn jikkummenta għax kollox igħaddi; oħrajn allaħares tkellimhom. Xi drabi tidher nuqqas ta’ deċenza fil-quddies tal-Ħadd. Anke waqt funerali. Iżda l-esaġerazzjonijiet joħorġu fil-quddies tat-tiġijiet. Mhux tuffieħa jkollhom bżonn jieklu! Veru wiċċhom ikollu għalfejn jiħmar u jsir vampa bil-mistħija. Imma ħej, mur kellimhom.

Alla u l-knisja jixirqilhom aktar rispett u serjeta’. Jekk se tippreżenta ruħek fuq l-artal, quddiem saċerdot, fl-uffiċċju jew ċentru parrokkjali, l-ilbies tagħna u l-imġieba tagħna għandhom ikunu xierqa. Wara kollox, kullimkien suppost li nidhru u naġixxu b’mod deċenti.

 

L-Arċipriet

 

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com