Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Mummy Ħudni....


Kan. Joe Mifsud


 

Kemm esperjenzi ta’ nies, ħafna minnhom żgħażagħ, li qasmu miegħi weġgħat, ferħ, xewqat, tifkiriet u x’nafu lkoll marbutin ma’ l-imħabba ta’ l-omm. Kont tista’ tgħajru u toffendih biex trid, imma mhux b’ommu, avolja kienet li kienet.

Jista’ jkun li għalkemm qed niċċelebraw “Jum l-Omm”, forsi lanqas l-ommijiet stess m’huma qed jagħrfu kemm hi kbira s-sejħa u l-missjoni tagħhom fil-familja, fit-trobbija umana u l-edukazzjoni tal-familja, fil-għożża ta’ l-aħwa, fil-mudell ta’ l-imħabba u s-sagrifiċċju, fl-għażliet tal-valuri u fid-direzzjoni tal-futur. Il-mara li hija wkoll omm hija s-salvazzjoni, fiż-żmien  li qed ngħixu, tal-familja tagħha.

Kulħadd għandu jkollu stima kbira lejn l-omm. Kulħadd għandu jaħdem f’rabta biex kull omm taqdi sehemha fil-familja tagħha. Kulħadd għandu jkun ta’ support fejn l-omm minħabba xi raġuni, ma tistax taqdi b’mod sħiħ il-missjoni tagħha. Aktar u aktar, jekk l-omm hija nieqsa.

Quddiem id-dinjita` ta’ kull omm, ma nistgħux f’dan ix-xahar ma nsellmux b’devozzjoni lil Marija, l-Omm ta’ Ġesu` li tahielna biex tkun ukoll ommna. Kif naċċettaw il-kliem offiż lejn dik il-mara-omm li tfawwar bl-imħabba għalina? Kif infissru l-folol wara d-Duluri u l-entużjażmu tal-festa mal-kliem joffendu l-qdusija u s-safa tagħha?

Marija, ta’ omm li tħobb lil uliedha, u għalhekk omm li waqfet taħt is-salib ta’ Binha, hija triq li twassalna għand Ġesu`. Kemm tfal qed jaqsmu magħna d-dispjaċir li jixtiequ jmorru fl-oqsma tat-tagħlim nisrani, li jixtiequ nhar ta’ Ħadd jieħdu sehem fil-quddiesa, li jixxenqu għall-Ewkaristija wara l-Ewwel Tqarbina u l-omm ma teħodhomx. Kemm tfal qed ikunu mċaħħda mill-kuntatt ma’ Ġesu` minħabba kliem u egħmil, mentalita` u kultura li tbegħdek flok tressaq għall-fidi f’Ġesu`.

Grazzi kbira u mill-qalb, ja omm twajba li kabbartni fl-għożża ta’ l-imħabba, li tajtni tagħlim sod u ta’ veru fir-reliġjon nisranija, li kont dejjem hemm meta fittixtek, li kaxkartni għas-sewwa bl-eżempju tiegħek, u li f’kull periklu kont ħelsien għalija. Żgur li hekk ilissnu f’qalbhom ħafna ulied. Żgur ukoll li uħud ilissnu f’qalbhom: “Mummy, ħudni..... għand Ġesu`”.


 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com