Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


eternita'


Kan. Joe Mifsud


 

Taħseb li sibt is-sens veru tal-ħajja? Qatt tieqaf taħseb dwar l-esperjenza tal-mewt li trid tgħaddi minnha? Ġieli ssaqsi dwar x’hemm wara l-mewt?

Dawn il-mistoqsijiet ġew suġġeriti lilna mill-Arċisqof Pawlu ta’ Malta u l-Isqof Mario ta’ Għawdex fl-ittra pastorali tagħhom nhar Sta. Marija. Ngħid għalija meta qrajt il-pastorali, bqajt sorpriż bl-għażla tas-suġġett. Iżda meta waqaft nirrifletti ndunajt kemm l-Isqfijiet, fid-dawl ta’ l-istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu llum, kienu qed jolqtu l-musmar fuq rasu. Il-fidi dwar il-ħajja ta’ dejjem turina l-valur u l-mod kif għandna ngħixu l-ħajja ta’ issa.

 

"Għax jekk ngħixu ħajjitna daqs li kieku
Alla ma jeżistix, qisu noqtlu lil Alla,
kollox isir leċitu".

Forsi mhux veru li għandna taħwid sħiħ f’dak li hu tajjeb u ħażin? Forsi mhux veru li l-istil tal-ħajja llum warrab fil-ġenb il-kmandamenti ta’ Alla? Forsi mhux veru li dak li hu ħażin sirna niġġudikawh bil-qies tagħna; x’inħoss u x’jaqbilli, x’inhi l-moda u x’jagħmel kulħadd? U allura mhux veru, anke jekk taħsadna u ma nammettux li “qisu noqtlu lil Alla”?

Il-fatt li llum ma tantx nisimgħu dwar “l-aħħar ħwejjeġ” li jissejħu n-novissimi, dan ma jfissirx li fl-antik kienu hemm biex ibeżżgħu u llum ma jeżistux. Il-mewt iġġib magħha l-ġudizzju li jwassal għall-hena tal-ġenna u d-dannazzjoni ta’ l-infern. Min igħix tajjeb u min igħix ħażin ma jitpoġġewx fuq l-istess keffa tal-miżien. Kull persuna bl-egħmil tagħha tagħżel il-ġudizzju tagħha.

Għalhekk tajjeb timmaġina lilek innfisek fuq is-sodda tal-mewt jew f’tebut u staqsi ftit: xorta tibqa’ ma taħfirx, iżżomm f’qalbek u tpatti? Tibqa’ bil-kilba li għandek għall-flus bix-xogħol jew bil-qerq? Tħalli l-vizzji jkomplu jikkmandawlek ħajtek? Tibdel il-mod kif iġġib ruħek mal-persuni tal-familja li tgħix magħhom? Tkompli bl-eżempji ħżiena li qed tagħti? Tibqa’ biered u ndifferenti lejn Alla? Tersaq xi naqra lejn l-għatba tal-knisja biex issib il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla?

L-eternita` hija l-mument ta’ dejjem, imma l-eternita` tiddependi mill-mument ta’ issa. Illum, issa, kif qed tgħix biex tidħol fl-eternita`?

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com