Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Il-Familji madwar Marija
Kan. Joe Mifsud


 

Għandna diskors biżżejjed, imma mhux biżżejjed fatti dwar il-familja. Bla ma nkunu qed nirrepetu xejn, l-importanza tal-familja qatt ma nistgħu nieqfu nitkellmu dwarha. Madankollu nafu x’konsegwenzi qed ikollhom il-bidliet mgħaġġla ta’ żmienna fuq il-ħajja tal-familja.

 

 

Din is-sena, l-parroċċa tagħna qiegħda twassal permezz tad-devozzjoni tas-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni, messaġġ favur il-familja. Marija, flimkien ma’ San Ġużepp għexet l-esperjenza tal-familja fit-trobbija ta’ binha Ġesu`. Jekk iż-żminijiet inbidlu, imma l-familja tibqa’ l-post fejn kull ħajja ssib u tikber fl-imħabba u fl-għożża. Anzi, aktar kibru l-bżonn u r-responsabbilta` tal-familja bħala l-post fejn jiġu mgħallma l-valuri umani u nsara. Dan kien il-ħsieb ta’ kuntatt ma’ diversi familji permezz ta’ żjajjar minn operaturi pastorali.

Grazzi Mulej li:

  1. tant familji għadhom jinġabru flimkien madwar il-mejda għall-ikel u wkoll għat-talb.
  2. tant familji jissieħbu flimkien fl-Ewkaristija fil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u b’mod regolari, anke jekk b’sagrifiċċju, iwasslu lil uliedhom għat-tagħlim tal-katekiżmu.
  3. tant familji jsibu ħin għall-attenzjoni ta’ uliedhom speċjalment fil-komunikazzjoni, il-progress ta’ l-iskola u mpenji oħra ta’ taħriġ.
  4. tant familji nteressati fit-tagħlim biex iħarsu lil uliedhom mill-ġiri barra fit-toroq, mill-għażż u l-vizzji, minn ħbiberiji perikolużi, minn żbalji li jkollhom konsegwenzi fuq ħajjithom.
  5. tant familji miftuħa għal familji oħra fil-mumenti tal-mard u l-mewt, fil-problemi u d-diffikulta`.

 

Nitolbu li dawn is-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa ta’ l-Immakulata jġibu tiġdid, tisħiħ u ħeġġa fil-familji tal-parroċċa tagħna. Il-familja Bormliża madwar Marija Immakulata hija l-isbaħ u l-aqwa mod kif niċċelebraw il-festa tal-Kunċizzjoni. Int ukoll, fil-familja tiegħek u f’familji oħra wassal dan il-messaġġ ta’ Marija, biex kull familja tgħix fl-imħabba u l-paċi.

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com