Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Is-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni

Kan. Joe Mifsud


 

 

Ir-rabta bejn is-Sibt u d-devozzjoni tal-Madonna hija drawwa antika. Anke l-ħmistax-il Sibt tal-Kunċizzjoni issa ilhom ħafna jsiru fil-parroċċa bi preparazzjoni għall-festa. Bħal kull ħaġa oħra jistgħu jindraw u jitilfu l-messaġġ tagħhom. Isiru biss rutina. Isiru biex ikunu saru. Kif nistgħu nagħmlu minnhom mezz li tassew ikunu ta’ preparazzjoni xierqa għall-festa?

 

 

ARA

Nitilqu mill-qagħda li ninsabu fiha. Kull wieħed u waħda rridu naraw fejn aħna fir-relazzjonijiet tagħna magħna nfusna, ma’ l-oħrajn speċjalment fil-familja u f’kull struttura ta’ parroċċa u fuq kollox ma’ Alla. Żgur li nsibu x’nistgħu ntejbu. Jekk għandna għajnejn u naraw, jekk għandnda widnejn u nisimgħu, jekk għandna moħħ u jaħseb, jekk għandna qalb u tħoss, allura s-Sibtijiet huma mezz kif nieqfu biex niġġeddu u nitħeġġu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu ta’ Alla.

QIS

Il-qagħda tal-ħajja rridu nitgħallmu nifhmuha billi nqabbluha mal-kelma ta’ Alla. Fuq dan żgur li Marija tagħtina l-aqwa eżempju. “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet iżżomm sewwa f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod  taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha”. (Lq 2, 19) X’qed tgħidilna l-kelma ta’ Alla fuq il-fidi tagħna, il-mod kif ngħixu l-ħajja nisranija, il-mod kif naċċettaw id-dnub f’ħajjitna? Importanti naraw kif il-kelma ta’ Alla ddawwalna dwar il-ħajja tal-familja meta tant bidliet qed idgħajfu u jagħmlu iebsa li ngħixu flimkien, f’armonija u paċi. U xejn inqas għall-parroċċa, fejn ilkoll, speċjalment membri ta’ għaqdiet u kummissjonijiet, gruppi ta’ voluntiera rridu nkunu  tassew xhieda u dawl għall-oħrajn.

AGĦMEL

X’tagħmel se ssib żgur! Importanti li kif tgħallimna u twissina Marija nobdu l-kelma tagħha: “Agħmlu dak li jgħidilkom HU”. (Ġw 2, 5) Bi preparazzjoni għall-festa tal-Kunċizzjoni, aktar Bormliżi vera devoti ta’ Marija, rridu nilbsu l-ispirtu li għexet Marija. Hi kellha tassew lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitha. Kien għalhekk li kollox kien isir biex togħġob lil Alla. Kollox kien il-frott ta’ l-imħabba, b’mod li hi tiġġenneb u tiġi l-aħħar. B’hekk kienet tassew “il-qaddejja tal-Mulej” u f’egħmilha riedet li “isir minni skond kelmtek”. (Lq 1, 38)

 

 

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com