Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Bormla fiċ-Ċentinarju
Artiklu li deher fuq il-ġurnal Leħen is-Sewwa
tat- 3 ta’ Diċembru 2005

Awtur : Aġġornat

Nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru, mad-dinja kollha tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna bit-titlu ta’ Immakulata Kunċizzjoni.

Għall-Belt ta’ Bormla, it-8 ta’ Diċembru hija ħafna aktar minn sempliċiment Jum Marjan fil-kalendarju liturġiku. Dal-jum sabiħ huwa kollox għall-Bormliżi. Milli nara u nisma’ minn dak li jgħidu nies li jiġu minni minn Bormla jkolli ngħid li dil-belt tgħix għal dan il-jum. Jum li fih ħafna aktar minn 24 siegħa!

Imbagħad dis-sena kienet okkażjoni speċjali, anzi messni għidt straordinarja. Kif forsi jafu l-qarrejja tal-Leħen, dis-sena kienet waħda ċentinarja: iċ-ċentinarju ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari tal-pittur magħruf Caruana fl-1905 u l-150 Anniversarju mid-Domma ta’ l-Immakulata fl-1855. “U fejn jidħlu festi ċentinarji”, nismagħha tgħid ommi Alla jaħfrilha, “Bormla dejjem kienet minn ta’ quddiem”. U għalkemm ommi Bormliża, dan jien dejjem kont konvint minnu. Narah b’għajnejja kull meta jkolli x-xorti mmur f’jum il-festa u nassisti għall-paniġierku u l-mużika tant sabiħa ta’ Carlo Diacono. L-istess Mro. Diacono li kiteb tant antifoni sbieħ għal festi ewlenin ta’ Malta.

Imma dis-sena kif għidt, kienet waħda kontinwa ta’ ċelebrazzjonijiet u attivitajiet mifruxa matul ix-xhur kollha li l-qofol tagħhom kien fix-xahar ta’ Ġunju u jintemmu nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru, il-Paniġierku filgħodu u l-Purċissjoni devota filgħaxija.

Għalkemm il-maġġoranza tal-Bormliżi, kulħadd jaf li jappartjenu għall-klassi tal-ħaddiema, il-festi li għamlu kienu denji ta’ poplu sinjur. Sinfur fis-sentimenti reliġjużi u patrijottiċi. Biżżejjed wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn il-programm ta’ attivitajiet li saru biex wieħed jifhem is-sinjifikat ta’ dan li qed ngħid……ibda mill-inawgurazzjoni ta’ l-istatwa artistika mtellgħa fiċ-ċentru tal-Pjazza Gavini Gulia, proprju quddiem id-daħla ta’ dak li kien il-bieb prinċipali tat-Tarzna. Statwa tabilħaqq artistika u devota miġbura bil-ġenerożitaċ ta’ ħafna Bormliżi. Immaġinaw biss xi ġmiel se toffri din l-istatwa meta, jekk Alla jrid, ikun lest il-proġett tal-Baċir Numru 1. Dieħel bid-dgħajsa jew b’xi jott u tgħaddi minn quddiem il-Knisja Parrokkjali u storika ta’ San Lawrenz fil-Birgu, tkompli tgħaddi minn quddiem il-Knisja ta’ Santa Tereża u fl-aħħar issib din l-istatwa tilqgħek.

Xi darba din il-ħolma għad issir realta’!

Imbagħad, dejjem fis-sajf, kien hemm il-pellegrinaġġ devot bl-istatwa mat-toroq ewlenin tal-Parroċċa, kunċerti mużikali reliġjużi, translazzjoni solenni bir-relikwa mill-knisja ta’ Santa Tereża sal-Kolleġġjata, tiżjin kullimkien, spettaklu ta’ nar mhux tas-soltu, marċi brijużi minn bosta baned mistiedna u, fl-aħħarnett, il-Purċissjoni bil-Kwadru Titulari mżejjen maestożament li għalqet iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sajf.

Dan kollu ma kienx biżżejjed għax għall-aħħar tas-sajf grupp attiv ħafna fil-Parroċċa, b’maġġoranza żgħażagħ taħt id-direzzjoni tal-Viċi-Parroku Dun Anton Galea Scannura tellgħu musical  bl-isem “Ulied l-Immakulata” fl-apert tal-Junior Lyceum tas-subien ta’ Verdala. Musical imtella’ u esegwit bi professjonalitaċ iżda wkoll b’ħafna mħabba. Dan sar aktar minn tliet darbiet u jien infurmat li kull darba attendiet folla kbira.

Proprju f’dawn l-aħħar jiem seħħew żewġ attivitajiet importanti ħafna li kienu milqugħa tajjeb ħafna mill-poplu Bormliż u minn bosta nies oħra li bħali, kellhom ix-xorti li jkunu preżenti għalihom. Dawn kienu l-Oratorio “Marija Inkurunata” miktub mill-E.T. Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritus, bil-mużika ta’ Mro. Michael Camilleri, u Cantata: “Ave Maria, Regina et Mater” immużikata mill-Mro. Raymond Sciberras fuq versi ta’ Sunny Aquilina.

F’dan il-kontest ta’ festi ċentinarji, ma nistax ma nsemmix lil żewġ kanonċi ħabrieka u devoti ta’ l-Immakulata li naf li taw kontribut kbir: dawn huma Dun Ġużepp Zammit u fuq kollox Dun Ġużepp Bonello. L-Arċipriet, il-Kan. Dun Joe Mifsud, il-mutur ta’ dawn l-avvenimenti, hu bniedem ixxurtjat li kellu lil dawn li semmejt u mijiet oħra ta’ lajċi li lkoll se jkunu sodisfatti bil-kbir bir-riżultata miksuba wara aktar minn sentejn ta’ ħidma u tħejjija biex kollox imur sew u jħallu ħafna frott spiritwali.

Festi fix-Xitwa

U la ktibt daqshekk fit-tul fuq il-festa tal-Kunċizzjoni nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nikteb kelmtejn swar il-festi fix-xitwa. Min isegwi din ir-rubrika s’issa żgur li nduna li jien inħobb ħafna l-festi. Inħobbhom għax jesprimu ħafna aspetti sbieħ tal-Maltin. Għax huma l-vetrina ta’ dak kollu sabiħ u li jafu jagħmlu tajjeb bosta Maltin. U meta taqta’ l-ikraħ u l-ħażin tagħhom, jibqa’ ħafna u ħafna tajjeb minkejja dak li jgħidu l-ġeremiji Maltin.

Issa min hu ta’ ċerta eta’ avanzata jiftakar li dari, fis-sajf, ma kienx ikollna din il-geġwiġija kbira ta’ festi jaħbtu kollha f’Ħadd wieħed. U dan għaliex x’uħud minn dawn il-festi kienu jsiru fix-xitwa. Minn dawn baqa’ biss 3: il-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru, f’Bormla; San Pawl, fl-10 ta’ Frar, fil-Belt Valletta u San Ġużepp, fid-19 ta’ Marzu fir-Rabat, Malta.

Jien niftakar il-festi ta’ Sant’ Andrija, f’Novembru, f’Ħal-Luqa; Santa Katarina, fil-25 ta’ Novembru, fiż-Żejtun (jekk mhux ukoll fiż-Żurrieq), u San Nikola, fis-6 ta’ Diċembru, fis-Siġġiewi. Jista’ jkun li kien hemm iżjed festi imma l-etaċ tiegħi ma twassalx daqstant.

Insomma. Kienu aħjar fix-xitwa? Sar progress kemm ilhom isiru fis-sajf? Jien ma nafx. Il-parruċċanti ta’ dawn l-ibliet u rħula jistgħu jgħidu. Veru li l-maltemp u x-xita jaqtgħu qalb ħafna nies. Iżda meta toħroġ ġurnata sabiħa fix-xitwa, tgħidu xejn, m’hemmx festa isbaħ minnha. Dan allura jfisser li ż-Żwieten, il-Luqin u s-Siġġiwin huma baħrin tal-bnazzi waqt li l-Bormliżi, il-Beltin u r-Rabtin huma baħrin tal-maltemp? Xejn minn dan. Kollox fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu.

Intom xi tgħidu?

Ferneżija ta’ ġbir!

Dalwaqt nibdew, jekk mhux diġa’ bdejna, il-perjodu tal-ferneżija tal-ġbir. Perjodu li jilħaq il-quċċata tiegħu bil-programm l-“iStrina” fuq it-T.V., l-għada tal-Milied. F’dawn l-aħħar snin, pero’ nibtu tant sforzi ġodda ta’ kull tip li, fl-opinjoni tiegħi, qegħdin nesaġeraw bil-kbir. Minix se jagħti eżempji. Mhux biex ħadd ma jieħu fastidju iżda għax ma rridx b’xi mod innaqqas mill-isforzi ta’ dak li jintrigaw bil-ġbir.

Iżda lkoll nafu li hawn karitajiet u bżonnijiet li jistħoqqilhom kull prijoritaċ fil-ġbir, ewlenija fosthom hija d-Dar tal-Providenza. Kull ġbir huwa meħtieġ, s’intendi sakemm isir minn nies responsabbli li tista’ tafdahom u li lesti li jagħtu rendikont pubbliku ta’ dak li jkunu ġabru. Iżda ma naqbilx ma’ dawk li f’dawn l-aħħar snin bdew jirkbu fuq dil-mewġa ta’ ġenerożitaċ tal-Maltin biex jagħmlu ġbir li jistgħu jagħmluh fi żmien ieħor tas-sena.

Min jaf, kieku xi ħadd mill-Knisja joħroġ bl-idea ta’ karus wieħed nazzjonali li jelimina l-ħafna sforzi partikulari u jikkonċentra fuq sforz wieħed kollettiv għal daż-żmien li jikkulmina fil-programm ta’ l-“iStrina”? Naturalment, imbagħad irid isir tqassim differenti mill-ġbir li jkun sar. Jew għandna nħallu lil kulħadd għal riħu jagħmel li jrid?

 

Ta’ l-aħħar…

Il-battalji kollha tal-ħajja, anke dawk li ntilfu jservu biex jgħallmuna xi ħaġa.

Aħtaf kull opportunita’ li tiġik, għax għandu mnejn jgħaddi ħafna żmien sakemm terġa’ tiġi okkażjoni oħra!

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com