Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

 


IL-ĦMISTAX-IL KUNJOM KOMUNI F’BORMLA

FIS-SENA 2004

Riċerka u Studju ta'
Mario Attard

 

L-għan

L-għan tiegħi f’din ir-rċerka huwa li nistabbilixxi liema huma l-aktar ħmistax-il kunjom komuni f’Bormla. Nafu per eżempju li l-iżjed tliet kunjomijiet komuni fil-gżejjer Maltin huma Camilleri, Borg u Vella. F’Għawdex l-iżjed kunjomijiet komuni huma Attard, Vella u Camilleri. Imma f’Bormla?

Sabiex nilħaq il-mira tiegħi, fittixt li jkolli b’bennejja tiegħi lis-sorsi li ġejjin:

The Surnames of the Maltese Islands, Mario Cassar, B.D.L., Malta 2003

Journal of Maltese Studies, Faculty of Arts, Royal University of Malta, 1964, No 2  -  A Comparative Study in Lexical Material Relating to Nicknames and Surnames, J. Aquilina, pp. 147 - 176.

Kun Af Kunjomok, Gino Muscat Azzopardi, Librerija Popolari ‘It-Torċa’, Għadd 29, 1964

Journal of Maltese Studies, Faculty of Arts, Royal University of Malta, 1968, No 5  -  The Distribution of Surnames in Malta in 1419 and the 1480s, , G. Wettinger, pp. 25 - 48.

Reġistru Elettorali, It-Tieni Disrett, April 2004, Bormla, pp. 39 - 74, Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, Valletta

Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300 - 1800, Godfrey Wettinger, P.E.G., Malta, 2000.

Irrid inżid li jissemmew indirettament tliet listi:  il-Lista tal-Militia tal-1419, il-Lista Roster tal-1417 u l-Lista tal-1480,

Bil-ħsieb li niċċara ruħi ngħid li kull meta nagħmel referenza għal xi kitba jew oħra minn ta’ hawn fuq, partikularment fejn jidħlu Wettinger u Aqulina, jiena nagħmel hekk: Wettinger, p.203 tkun tirreferi għall-ktieb Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300 - 1800; meta nagħti Wettinger, J.M.S., p.24 inkun qed nirrferi għal Journal of Maltese Studies No 5, 1968, u meta nagħti Aquilina, J.M.S., p.34 inkun qed nirrferi għal Journal of Maltese Studies No 2, 1964. L-istess fejn jidħol Ġino Muscat Azzopardi, fejn kull refrerenza għalih tkun tirreferi għal Kun Af Kunjomok.

Naturalment hemm ukoll id-dizzjunarji siewi ta’ Mario Cassar. Żewġ studjużi oħra, qodma ġmielhom u daqstant ieħor huma rinomati huma Annibale Preca li kiteb Malta Cananea (1904) u C.L. Dessoulavy awtur ta’ Maltese-Arabic Word- List (1938)

Ħaġa ta’ l-aħħar, għalkemm dan l-istudju huwa msemmi għall-aktar ħmistax-il kunjom komuni f’Bormla, b’danakollu hemm sittax għaliex Camillieri u Schembri huma kkunsidrati ndaqs bħala l-ħames l-aktar kunjom komuni f’Bormla fl-2004.

 

Statistika

Ir-Reġistru Elettorali maħruġ mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni f’April 2004 jinkludi fih 454 kunjom li huma lkoll reġistrati bħala residenti f’Bormla. Jibda dan l-elenku l-kunjom Abdilla u jispiċċah Zerafa.

Wara li qist kull kunjom, stajt insib l-iktar kunjomijiet komuni f’Bormla. F’din l-għażla ġbart l-aktar ħmistax-il kunjom. L-ordni ta’ dawn il-kunjomijiet komuni hija kif ġej:                        

  • Farrugia
  • Vella
  • Grech
  • Spiteri
  • Camilleri  u  Schembri
  • Cassar
  • Muscat
  • Gatt
  • Attard
  • Borg
  • Pace
  • Azzopardi
  • Bugeja
  • Agius
  • Aquilina

Meta jinflew il-kunjomijiet kollha, insibu l-ewwel nett il-kunjomijiet li popolarment, aħna l-Maltin, inqisuhom bħala tagħna (anki jekk m’humiex). B’danakollu, insibu kunjomijiet li ftit jew wisq ma huma xejn komuni. Nazzarda ngħid li meta l-qarrejja jaqraw dan ix-xogħol isibu kunjomijiet li qatt ma semgħu bihom aħseb u ara kemm jafu li b’kunjomijiet bħalhom jeżistu residenti f’belthom stess.

Insibu fost oħrajn  il-kunjomijiet Abu Zeid, Ackhr, Akinola, Amerikawa Obi, Benaoun, Blenkinship, Bottone, Borumaiza, Buongiovanni, Cakmak, Cavallo, Clotten, Coutts, Cricchiola, Darghi Shafa, Dibben, Djelassi, Dounis, Edgoose, El Gazzar, Fajella, Fidler, Foca (anki jekk dan l-kunjom ilu għexieren ta’ snin jezisti f’Bormla), Galvagno, Gaunt, Guazzo, Healey, Idrissi, Illatar, Khadraoui, Latina, Lebrun, Lo Casto, Lemesre Guy, Lomax, Lucey, Mentosa, Meryami, Milan, Niggar, Ordway, Oulawi, Pelham, Pepe, Poulton, Purkiss, Saffrett, Santolli, Schieda’, Scinto, Serag, Serpina, Simiana, Stanyer, Stout, Tarhuni, Thick, Ucanaer, Vukovic, Webb, Whitelaw u Zbaida.

Persuni b’żewġ kunjomijiet huma skarsi ħafna fost ir-residenti ta’ Bormla. Dawk ir-residenti li jġibu żewġ kunjomijiet huma Amerikawa Obi, Attard Ghiller, Attard Gialanze’, Coleiro Seychell, Dargahi Shafa, Fenech Taylor, Kareem Camilleri, Lemesre Guy, Leone Ganado, Mifsud Bonnici, Phiri Micallef u Rahim Debono

Ma jonqosx ukoll, quddiem din il-lista ta’ kunjomijiet, li ma nosservax kunjomijiet li għebu minn Bormla. Għandi f’moħħi l-kunjomijiet Mintoff, Wright u Serracino Inglott. Biċ-ċans li jgħibu, fost kunjomijiet oħra, insibu Clews, fejn persuna waħda hija reġistrata fir-Reġistru Elettorali ta’ April 2004. Castaldi huwa kunjom ieħor. Hekk ukoll huma Carbonaro, Burlo’, Cini, Costa, Delorenzo, Dougall, Figallo, Fiorentino, Fiteni, Giusti, Gonzi, Jenkins, Parretti, Pool, Pule’, Saccasan, Scotto, Troisi u Wait.

 

Il-Kunjomijiet l-iktar
komuni f’Bormla

Nibdew billi nħarsu lejn l-iktar kunjomijiet komuni f’Bormla fis-2004 u tagħrif marbut ma’ kull wieħed minnhom. Farrugia huwa l-ewwel wieħed bħala l-iktar komuni.

Farrugia

FarrugiaFir-realta’, Farrugia beda bħala laqam - Farruġ li jfisser fellus (Wettinger p.113 u Aquilina J.M.S., p.155). Minn dan il-laqam oriġina Farrugia tal-lum li fl-Għarbi huwa isem (Wettinger, p.236). Fil-Palestina nsibu Għajn Farrugia li tfisser l-għajn tax-xaqq fil-ħajt. Jista’ jkun li dan il-fatt ipprovda d-derivazzjoni topografiku għall-kunjom Farrugia. Barra minn hekk bejn Ħal-Luqa u Ħal Qormi nsibu Ħal Farruġ, fis-snin tan-Nofs nafuh b’raħal Casali Farrug.

Ir-raġuni biex minn Farruġ isir Farrugia huwa frott l-użu jew l-influwenza fil-kitba tan-nutara f’testmenti u kuntratti li kienu jagħmlu. Fl-imgħoddi ġmielu dawn in-nitara kienu jkunu Sqallin u nazzarda ngħid dawn ma kinux jiskrutinaw tajjeb ismijiet u kunjomijiet li għal ilsienhom ma kinux idurulhom.

B’kużita’ nsemmi l-kunjom Far li kien komuni f’Malta tas-Seklu 15. Fl-istess seklu kien komuni wkoll il-plural tiegħu Firien. Mil-lat l-ieħor, fil-Lista tal-Militia tal-1480 insibu l-kunjom Farrugiu li kien joqgħod ir-Rabat (Aqulina, J.m.s., p.159-160).

Fiż-żewġ volumi tiegħu Il Nobiliario di Sicilia, Antonio Mango di Casalgerardo fl-1915 jagħti l-kunjom Ferrugia bħala wieħed mill-ismijiet tan-Nobbli Sqallin.

Vella huwa t-tieni l-aktar kunjom komuni f’Bormla, dejjem skond ir-Reġistru Elettorali ta’ April 2004. Dan il-kunjom insibuh imniżżel fil-Lista tal-Militia tal-1419 u b’kollox huwa mniżżel 47 darba. Fiż-żewġ volumi diġa’ msemmija ta’ Antonio Mango de Casalgerardo nsibuh bħala Vella-Varrios u Vella di Contini. Bla dubju huwa kunjom Sqalli.

Mario Cassar f’The Surnames of the Maltese Islands (p.146) jippreżenta lill-kunjom Farrugia bħala xogħol min jieħu ħsieb it-tiġieġ, mill-Għarbi al-farruġi. Madwar l-1417 insibu lil dan il-kunjom miktub bħala Faruge.

Ma nistagħġbux li f’Bormla Farrugia huwa komuni għax huwa fost l-iżjed kunjomijiet komuni fil-gżejjer Maltin.

Fl-1187, fiż-żmien li Sqallija kienet immexxija min-Normanni, insibu l-format bikri ta’ dan il-kunjom fost ‘l-ilsiera’ Musulmani f’idejn il-mexxejja fewdali. 

Grech

Il-kunjom li jmiss huwa Grech bħala wieħed mill-iżjed komuni f’Bormla fl-2004.

Fil-Lista tal-Militia tal-1419 u tal-1480 insibu lil dan I-kunjom imniżżel ġmielu uGrech ġmielhom ukoll huma l-varjazzjonijiet li bihom Grech huwa miktub. Fil-lista tal-1419 insibuh imniżżel dsatax-il darba f’żewġ varjazzjonijiet li huma: Grech darba u Grecu tmintax-il darba. Fil-lista tal-1480 insibu mogħti fi tliet varjazzjonijiet li b’kollox ilaħħaq ħmistax-il darba: Grec tnax-il darba, Grecu daribtejn u Chrec darba (Wettinger, J.M.S., p.40). Bħala tifsira, Ġuże’ Aquilina jikteb li Grech ifisser ‘iben ta’ Grieg.’ (Aqulina, J.M.S., p. 162). F’ Il Nobiliario di Sicilia Antonio Mango di Casalgerardo jagħtih Grech kif nafuh il-lum. Aquilina jikteb li Grech huwa ta’ nisel Grieg .

 

Spiteri

SpiteriIr-raba’ kunjom l-iktar komuni f’Bormla fl-2004 huwa Spiteri u jagħmel mal-lista ta’ l-iktar ħamsin kunjom komuni f’Malta li jagħti Gino Muscat Azzopardi. L-istess Muscat Azzopardi (p. 76) jkteb li Spiteri huwa forma Taljana ta’ Ptieri, jiġifieri Sptar jew korruzzjoni ta’ sptarijiet. Fil-fatt, dawk it-trabi li kienu jitwieldu minn mara mhux miżżewġa u kienet trid teħles mit-tarbija tagħha, kien hemm żmien meta kienet teħodha l-isptar, fuq rota li kienet titħalla apposta mill-isptar stess. Dawk it-trabi li kienet tmisshom dik ix-xorti kien jingħatalhom dan il-kunjom ta’ Spiteri.

Il-kunjom Spiteri nsibuh imniżżel fil-Lista tal-Militia tal-1419. hemm insibu lil dan il-kunjom imniżżel tnax-il darba bħala Spiteri u tliet darbiet bħala Spitali (immela fuq iz-zokk morfemiku ta’ ospetale). Mentri fil-lista tal-1480 insibu serba’ darbiet Spiteri u darba Spitali. (J. Aquilina, J.M.S. p.45).

F’Il Nobiliario di Sicilia, Antonio Mango di Casalgerardo jagħtih Spiteri. Lill-oriġini ta’ dan I-kunjom, Wettinger jagħtih mill-Isqalli Spitaleri.

Bħala l-ħames kunjom l-aktar komuni f’Bormla fl-2004 insibu kemm lil Camilleri kif ukoll lil Schembri. Naraw liż-żewġ kunjomijiet bl-istess attenzjoni fejn osservazzjoni komuni bejniethom hija li liż-żewġ kunjomijiet insibuhom imniżżlin f’ Il Nobiliario di Sicilia maħruġ fl-1915 (ikkwotat minn J. Aquilina, J.M.S. pp.159-160). Nerġgħu nsibuhom mill-ġdid imniżżlin fil-lista tal-ħamsin kunjom l-iżjed komuni fil-gżejjer Maltin mogħtija fl-1974 minn Ġino Muscat Azzopardi (Kun Af Kunjomok, p.6). 

Camilleri

Naraw issa liż-żewġ kunjomijiet individwalment u nibdew b’Camilleri. Ngħidu mill-Camilleriewwel li Camilleri huwa l-iżjed kunjom komuni fil-gżejjer Maltin segwit kważi kważi ras imb’ras ma’ Borg. Bl-Isqalli Camellieri jfisser sewwieqa ta’ l-iġmla, immela huwa isem ta’ ħaddiem partikulari. Barra minn hekk fl-Italja nsibuh ukoll  dan il-kunjom, anki jekk f’derivazzjoni - Gamaleri. Fl-Ispanjol, camillero tfisser dak li jġorr l-istrecher. Hawn min isostni li huwa kunjom Taljan.  Imma Gino Muscat Azzopardi (p.25) jorbot lil dan il-kunjom ma’ Ħal Millieri. Dan il-lokal, bejn iż-Żurrieq u l-Imqabba, fis-Snin tan-Nofs kien raħal jew aħjar Casal Millieri. Bħala riżultat Muscat Azzopardi jikkonkludu li huwa Malti u huwa kompost minn Ca(sal)+Millieri, u ż-żmien biddlu f’Camilleri. Ma’ din it-teorija Godfrey Wettinger ma jaqbel xejn. Ġieli wkoll ħarġu bit-teorija li Camilleri ġej mil-Latin Camillus u li jfisser il-qassis il-kbir. B’danakollu lil din it-teorija ma sabux provi b’saħħithom biżżejjed biex isaħħuha.

Kif rajna taħt Grech, Camilleri nsibuh taħt forma bikrija ħafna fost l-ilsiera Musulmani fi Sqallija mmexxija min-Normanni lejn l-1213.

Schembri

SchembriSchembri skond Annibale Preca għandu nisel Lhudi u jfisser Xekem (li tfisser sehem) + Beri (li tfisser tifel). Għalhekk Schembri jfisser ‘sehem it-tifel’, grammatikament fl-istat kostrutt. Lil dan il-kunjom, jiena personali ltqajt miegħu fi Sqallija bħala Schembari, eżattament f’Modica, Ragusa. Fil-fatt Mario Cassar (p.326) jippreżenta lil Schembri bħala forma maħruġa minn Schembari, fejn l-oriġini hija Griega, Skembris. Possiblita’ oħra hija li ġej mil-laqam Taljan relatat ma’ Schimpfer fil-Ġermaniż, li mit-tifsira tal-kelma tista’ tfisser wieħed ferrieħi.

Schembri jinsab imniżżel fil-Lista Roster madwar l-1417 bħala Skembri. Waħda mill-ilsiera suwed f’Malta ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kien jisimha Zeina bint Schamber (fil-bidu tas-Seklu 17). Dan il-fatt, jikteb Wettinger, jagħtina x’nemmnu li jista’ jkun li l-oriġini tiegħu iktar jaf lill-Afrika milli lill-Italja.  

Cassar

Cassar huwa l-kunjom, is-sitta l-aktar komuni f’Bormla, li sejrin naraw fid-dettal bħal Cassarta’ qablu. Wettinger jagħti l-probabbilita’ li Cassar ġej minn Cassarinu fejn insibuh wieħed mill-kunjomijiet ta’ Malta fl-1487. Aquilina (JMS, p.154) jikteb illi Cassar ġej minn Cassaru, li huwa distrett agrikola ta’ Noto fi Sqallija. Insibu wkoll Cassaro’ f’Caltanisetta fi Sqallija u Cassari f’Reggio Calabria, fin-nofsinhar ta’ l-Italja. Agius jgħid li Cassar huwa oriġini tal-verżjoni Sicolu-Għaraba  -  al Kassar, li tfisser wieħed li jaqta’ l-ġebel. Fil-fatt din is-sura qadima ġmielha ta’ Cassar inġibuha b’eżempju minn ġewwa Catania ta’ l-1145 permezz ta’ lsira Musulmana Ahwad Husani bin bint Abi Al Kassar. Min-naħa l-oħra, fl-Għarbi Kasr tfisser Kastell. Inċidentalment Kassar huwa l-kastell mibni fil-fortifikazzjonijiet Medjovali li jħaddnu r-raħal ta’ Castronovo. It-Taljani għandhom il-verżjoni tagħhom ukoll ta’ x’inhuwa Cassar. Huma jemmnu li Cassaro ġej minn ‘cassa’ (jiġifieri senduq jew kaxxa mdaqqsa). Għalhekk Cassaro tfisser dak li jaħdem is-sniedaq. Fil-Latin Cassarium jirreferi għal min ibiegħ il-ġobon.

Nagħmluha ċara, lil Cassar ma norbtuhx b’xi mod ma’ Caxaro jew Cascaro, għaliex huma żewġ kunjomijiet għal kollox differenti.

Bil-ħsieb li jkun ingħad sa fejn naf jien, kollox, inġib ukoll il-fehma ta’ Gino Muscat Azzopardi. Huwa jgħodd lil Cassar b’kunjom Malti u jgħid li ħareġ minn Qassar  -  fl-imgħoddi l-Q kienet K (immela Kassar).

Finalment ngħidu li Cassar huwa t-tnax-il kunjom l-aktar komuni fost il-Maltin u jinsab fil-lista ta’ l-aktar ħamsin kunjom komuni ta’ Muscat Azzopardi.

Muscat

MuscatMuscat huwa s-sebgħa wieħed fil-lista tiegħi ta’ kunjomijiet l-iżjed komuni f’Bormla fl-2004. Huwa wkoll il-ħmistax-il kunjom l-iktar komuni f’Malta. Min-naħa l-oħra huwa wieħed mill-iktar kunjomijiet li jieħu kunjom ieħor miegħu  -  popolari huma Muscat Azzopardi, Agius Muscat u Muscat Doublesin. Ngħid ukoll li bħal ta’ qablu, dan il-kunjom huwa fost l-iktar ħamsin kunjom komuni f’Malta, skond G. Muscat Azzopardi. Wettinger jikteb (p. 405) li Muscat ilu jeżisti f’Malta mill-inqas sa mill-1419. Fil-fatt l-istess Wettinger (JMS, p. 43) jikteb li Muscat jinsab imniżżel tnax-il darba fil-Lista tal-Militia tal-1419. jikteb ukoll li fil-lista tal-1480 huwa mniżżel 22 darba.

Ġuże’ Aquilina (JMS, p.155) jorbot lil Muscat bħala kunjom ma’ Muscat bħala l-belt li tinsab fin-nofsinhar tal-Golf ta’ Oman. Mario Cassar (p. 263 ) jikteb li Muscato, fl-Isqalli, huwa kemm isem kif ukoll kunjom u ġej mil-Latin  muscus li jfisser għata ħażiż. Imma fil-Latin inqas antik muscatus tfisser sustanza b’riħa qawwija li tintuża biex issir il-fwieħa, għalhekk nistgħu ngħidu li huwa negozjant jew produttur mid-dielja tal-muskatel (li huwa nbid ħelu ħafna magħmul mill-muskat jew aħjar xorta ta’ għenba tal-muskatel li tikber fil-Wied Loire - tinqara lwar). Muscatello mbagħad insibuh b’kunjom fl-Italja. Kif inhu mniżżel ‘il fuq, fl-Għarbi, Rabat (jew Masqat) huwa l-belt kapitali ta’ Oman kif ukoll port ewlieni. Preca u Dessoulavy jagħtuh għal xi ħadd sieket. Hawnhekk nirreferu għal Muscat Azzopardi (p.79) fejn jirreferi għal min isostni li Muscat ġej mill-partiċipju passiv tal-verb siket u jagħtih b’ifsira bniedem sieket. Wettinger kien tah b’oriġini Lhudija fl-1999. Il-Franċiżi wkoll għandhom laqam simili fil-ħoss imma mhux fit-tifsira: mousque li tfisser mustaċċi. Barra minn hekk huwa wkoll kunjom f’Savoia u Ardennes. U biex inkunu għedna kollox, fil-lingwa Sarda (ta’ Sardinja), Muscau tintuża għal xi annimal mikdud mit-tingiż ta’ l-insetti. Għalhekk figurattivament, jirreferi għal persuna dejjem taqbeż, bla kwiet f’ġisimha.

Bħala varjazzjoni fejn jidħol il-kunjom Muscat f’pajjiżna, insibu Muscat kif nafuh il-lum, Muscato, Muscatu, u Muscatelli fil-Furjana fl-1849. Bħala qedem insibuh imur lura lejn l-1372.

Gatt

GattNgħaddu issa għal Gatt bħala t-tmien kunjom fil-lista tagħna u nkluż ukoll fil-lista tal-ħamsin kunjom l-iktar komuni f’Malta mogħtija minn Muscat Azzopardi. Fil-Lista tal-Militia tal-1419 insibuh imniżżel erba’ darbiet bħala Gactu u tal-1480 huwa mniżżel għaxar darbiet bħala Gat. (Wettinger , J.M.S., p.39).

Fin-nofsinhar ta’ l-Italja huwa komuni l-kunjom Gatto, mentri fil-Lombardija u fil-Ligurja huwa popolari Gatti. Dan minbarra li ma’ l-Italja nsibu diversi ismijiet ta’ nħawi bħala Gatti u Gatta.

Muscat Azzopardi (p.61) jikteb li Gatt hija x-xejra Maltija ta’ Gatto, u għalhekk huwa ta’ nisel Taljan. Fil-waqt li Mario Cassar (p.169) jikteb li Gatt ġej minn Gatto jew Gatti, jikteb ukoll li oriġinarjament gatto (jew qattus) kien laqam u biż-żmien sar kunjom kif nafuh il-lum. Fl-Eġittu l-qattus kien meqjus bħala annimal qaddis. Mentri fl-ewwel seklu wara Kristu daħal fl-Ewropa bħala annimal domestiku.

Matul is-snin insibu diversi forom ta’ dan il-kunjom f’pajjiżna: Gattu(s), Gat, Gactu, De Gact, Gatto u Gatta. Lill-kunjom Gatt, (bħala Gatto) insibuh f’pajjiżna fl-1358. Irridu ngħidu wkoll li waħda mill-familji nobbli f’Malta fl-erbatax-il seklu kienet ta’ Gatto. Insibu wkoll Gatto bħala Baruni fl-1783.

Skond Mario Cassar (p.170) l-oriġini bikrija ta’ Gat  satgħet imbniet mill-Ebrajk bibbliku Gat  -  fejn Gad tfisser xorti tajba.

Attard

Wasalna għad-disa’ kunjom l-aktar komuni f’Bormla fl-2004  -  Attard.Attard

Dan huwa l-għaxar kunjom l-aktar komuni f’Malta u t-tielet l-aktar komuni f’Għawdex.

Ma jonqosx l-anqas li jagħtih Muscat Azzopardi ma’ l-aktar komuni f’Malta. Il-Lista tal-Militia tal-1419 tinkludi l-kunjom Attardu darba u tmien darbiet Atardu  -  imxerrdin f’Ħal-Lija, Ħ’Attard (sitt eżempji ), Ħal Qormi (dak iż-żmien Curmi) u r-Rabat.

Il-Lista tal-1480 fiha erbatax-il eżempju, kollha bħala Actard  - tmienja f’Ħ’Attard, erbgħa f’B’Kara u Ħal Qormi u r-Rabat.(Wettinger , J.M.S., p.30). Wettinger, din id-darba fi Place-Names of the Maltese Islands, jagħmel  referenza fejn jidħol Attard. F’p.205 jorbot Għattar mal-persuna Abdallah ben el-Attar u min-naħa  l-oħra jsemmi Ħal Għattar jew  rachal attar - iżda jikteb li ma għandux rabta mal-kunjom Attard.

Muscat Azzopardi jgħidilna li r-raħal ta’ Ħ’Attard tana l-kunjom Attard kif għamlu postijiet oħra bħal Ħal Lija u Ħal Kirkop (p.7).

Min-naħa l-oħra jikteb ukoll li l-Maltin taw lil dawn il-kunjomijiet il-libsa Taljana  -  Attardo, Cassaro... (p.71). Cassar jinterpreta r-rabta ta’ Attard il-kunjom ma’ Attard isem ir-raħal b’mod differenti. F’paġna 20 jikteb li Ħ’Attard oriġinalu ismu mill-familja bil-kunjom Attardo li fis-Seklu 15 kienet marret toqgħod Ħaż-Żebbuġ u li kellu ħafna artijiet f’Ħ’Attard tal-lum.

Insaħħu dan billi ngħidu li l-familja Attardo kellha sehem importanti ħafna fil-għaqda ta’ parroċċa waħda ta’ rħula qodma bħal Ħal Muxi, Ħal Bordi, Ħal Mann u aktarx Ħal Kaprat ukoll. Finalment, fl-1575, kollox mar favur Ħ’Attard. Interpretazzjonijiet qodma ta’ dan ir-raħal huma De vill tard fis-6.3.1537, Rachal Tardo fis-7.10.1538 u Casal tard fis-16.4.1556.

B’referenza ma’ Attar li hija msemmija ‘l fuq, inżid insemmi lill-poeta Persjan Farid U-Din Attar (c.1150-1230) fejn ‘Attar’ miżjud mal-persuna kienet tindika l-professjoni jew ix-xogħol tiegħu, jiġifieri spiżjar. Id-dizzjunarju Oxford jagħti d-definizzjoni ta’ Attar bħala żejt ifuħ magħmul mill-petali tal-ward (biex niftiehmu, roses).

Immorru lura lejn is-snin 1568-80 meta l-Ordni ta’ San Ġwann kienet qiegħda tippopola mill-ġdid lil Għawdex bħala effett ta’ l-invażjoni ta’ Lulju 1551 meta l-Musulmani litteralment kaxkru lil Għadex kollu, għajr għal erba’ xjuħ għakka. Minn fost il-Maltin li spiċċaw Għawdex insibu lil Leonardu Attard minn Ħal Lija, Damma Attard mill-Mosta u lil Petrus Attard iben Leonardus Attardo.

Naraw iżjed x’jgħid Mario Cassar. Hawnhekk insibu li Attard huwa l-forma maħruġa minn Attardo (fil-Franċiż il-Qadim huwa isem femminili) u Actardo (bil-Ġermaniż il-Qadim Athard , Actard huwa għaqda ta’ żewġ tifsiriet: atha tfisser nobbli u hard(u) tfisser qalbieni, determinat). Cassar (p.19) ma jwarrabx il-possibilita’ li Attardu hija korruzzjoni tal-Latin Artaldus li tfisser artal. L-ittri tat-tarf -dus hija singular fil-Latin u f’każ li tispiċċa -i tkun fil-plural fl-istess lingwa.

Ma tonqosx il-possibilita’ li Attard huwa ta’ oriġini Għarbija, fejn fl-Għarbi   -  al-attar  - tfisser spiżjar jew negozjant tal-fwejjaħ  -  dan jaqbel sewwa ma’ li nkiteb ‘il fuq dwar Farid U-Din Attar. Wettinger (p. 41) isemmi firxa ta’ art bl-isem ta’ Għattar (u jistaqsi hix Attard) f’ Binwerrad. Mentri f’p.60 Wettinger jikteb li Għattar huwa spiżjar. Iktar tagħrif u nsibu lill-istess awtur (p.219) jippreżenta lil dan I-kunjom bħala Attar u Benatthar  - u li huwa komuni fost il-Lhud  u mal-Magħreb kollu (fl-Afrika ta’ Fuq, mill-Marokk sal-Libja). Insibuh ukoll fin-nofsinhar ta’ Franza. Godfrey Wettinger isostni (p. 271) li Attard huwa ta’ oriġini Ġermaniża.

Forom qodma tal-kunjom Attard kif nafuh il-lum huma Attardo jew Attardi. Dwar il-kunjom Attardi ngħid b’esperjenza li għall-Isqallin jekk inti kunjomok hekk mela inti minn Modican ta’ Ragusa, u jekk jismek Mario iżjed u iżjed!. Min-naħa l-oħra, fil-kuntatti tiegħi mar-Ragusani, sija bil-kitba kif ukoll personalment, lili jinidirizzawni bħala Attardi. Irrid inżid ingħid li l-artista li ħadem l-istatwa ta’ Enea fil-Gonna tal-Barrakka ta’ Isfel huwa Ugo Attardi (1923-2006), minn Modica u li għamel isem kbir mhux biss ma’ l-Italja kollha imma mad-dinja. Intant, iktar forom: Actardi jew Actardu, A(t)tardu, Tard(u), Attardus u Actard(o).

Mario Cassar jgħidilna (p.19) li Attard deher l-ewwel darba bħala isem  -  Actardu (jew Artaldux) de Barba fis-Seklu 13. Lejn tmiem is-Seklu 14 kien stabbilixxa ruħu sewwa Actard bħala kunjom. Xi eżempji mill-kitba l-qadima nsibu Francesco Attardo (magħruf ukoll bil-kunjom Actardi) u Francisco Actardo li kien sid tal-fewdu tas-Saqqajja (fil-limiti tar-Rabat, Malta).

Borg

BorgWasalna għall-għaxar kunjom komuni f’Bormla  -  Borg. Kif issemma iktar qabel, flimkien ma’ Camilleri, Borg  huwa t-tieni l-iktar kunjom komuni fil-gżejjer Maltin. Speċifikament, Borg (flimkien ma’ Micallef huwa komuni f’Birkirkara). Fl-Istatus Animarum tal-1687 insibu lil Borg bħala l-iktar kunjom komuni f’Malta. Huwa wkoll wieħed mill-ħamsin kunjom li jagħti Muscat Azzopardi. Insibuh fil-Lista tal-Militia tal-1419 bħala Burgi f’total ta’ 25 darba. Fil-lista tal-1480 jissemma 29 darba bħala burg.

F’dik li hija tifsira, Ġuże’ Aquilina jagħti torri bħala tifsira ta’ Borg u ta’ oriġini Għarbija. (J.M.S., p.154). Gino Muscat Azzopardi jgħid li Borg huwa tabilħaqq kunjom Malti (p.5) u m’għandux x’jaqsam mal-Berg (anki jekk tfisser ġebel jew muntanja). Bħala tifsira jagħti borg ġebel, ħafna bini, palazz jew kastell. Jagħmel referenza għat-Taljan, għall-Għarbi u għall-Ġermaniż fejn Borgo u Borgata jfissru raħal jew kastell. Jorbot ma’ Borg il-kelma Skoċċiża burgh li tfisser imdawra bis-swar (bħal Edinburgh, post fl-Iskozja).  

Burg fl-Għarbi huwa isem ta’ post u jfisser borg ġebel, torri, fortizza jew sur. (Cassar, p.47). Fl-Isqalli burgiu tfisser borg kbir tat-tiben, mentri fil-Grieg purgos u fit-Taljan borgo tfisser belt iffortifikata. Burc fl-Ingliż il-Qadim tfisser lok prejistoriku fuq għolja ffortifikata. Lill-kunjom Borg insibu ekwivalenti għalih fi Franza Bourgh fi Spanja Burgos, Alborge u Borge, fl-Alġerija Bordj ufl-Afrika ta’ Fuq u fil-Palestina El Burdj,

Forom lokali differenti tal-kunjom Borg insibu Borge, Borgio, Borgius, Burgiu, Borgium u Borgij.

Storikament dan il-kunjom eżista fi Sqallija mhux iktar tard mill-1178. Kien jappartjeni lill-‘ilsiera’ Musulmani fiż-żmien li Sqallija kienet taħt idejn il-Musulmani.

Pace

Pace huwa l-ħdax-il kunjom komuni f’Bormla. Bħal ta’ qablu, huwa mniżżel fil-lista tal-Paceħamsin ta’ Muscat Azzopardi. Pace nsibuh imniżżel fil-Lista tal-Militia tal-1419, tmintax-il darba b’kollox. Fil-Lista tal-1480 insibuh disa’ darbiet imma huwa miktub Pachi (Wettinger, J.M.S., p.43). Wettinger jagħtih bil-probabilita’ ta’ traduzzjoni ta’ Selmun, Salama (jiġifieri Sliema) jew Salem (bil-Lhudi - Shalom). Jekk tinnotaw ilkoll għandhom l-għerq ta’ Sliem (paċi) (p. 420). Fil-lista ta’ Antonio Mango di Casalgerardo, insibu li l-kunjom Pace jappartjeni lin-nobbilta’ Siċiljana.

Muscat Azzopardi (p.30) jikteb li dan il-kunjom daħal f’Malta mill-Italja. Saħansitra jirreferi għal dan il-kunjom bil-Latin, Pax (p.71). Fil-fatt Mario Cassar (p.273) jippreżenta tliet forom qodma ta’ dan il-kunjom: Pax, Pac(i) u Pachi. Mill-inqas dan il-kunjom imur lejn l-1372.

 Biex inkunu għedna kollox, Pace huwa isem ta’ post kemm fil-Comune ta’ Messina kif ukoll ta’ Aquila.

Azzopardi

AzzopardiNgħaddu għat-tnax-il kunjom komuni f’Bormla fl-2004 u nsibu lil Azzopardi. Muscat Azzopardi jagħtih mal-ħamsin kunjom tal-lista tiegħu. Insibuh ukoll fil-Lista tal-Militia tal-1419 taħt tliet devjanti fi 23 darba: Azupardi (darba), Azuparda (darba) u l-bqija Azupardu. Fil-lista tal-1480 insibuh f’żewġ devjanti: aczupard (24 darba) u Zupard (darba).

Aquilina (JMS, p.154) jikteb li Azzopardi għandu oriġini Ebrajka  -  Hassefardi u hija referenza għal-Lhud ta’ Spanja u ta’ artijiet Latini oħra. Gino Muscat Azzopardi jikteb li dwar Azzopardi l-filoloġi ma jaqblux bejniethom dwar in-nisel tiegħu. Jgħidilna li fl-antik kien hawn ħafna Azzupardo u Zuppard (p.75). Jikteb li ġej minn Separdi (kelma Lhudija li tfisser Spanjol - p.76). Ngħidu iżjed. Minn Annibale Preca nsibu li kienu l-Feniċi li ssetiljaw ġewwa Spanja  u tlaqqmu Spanjoli (jew Separdi). Cassar jippreżentaha bħala Lhud Sefardi (p.22). Hawnhekk qed immorru għas-sena 1492, sewwa sew fi żmien l-esploratur Kristofru Colombu.

Mario Cassar (p.21) jagħti l-kunjom Azzopardo għaqda ta’ żewġ ismijiet fil-Ġermaniż il-Qadim: azzo (nobbli) + pardi (daqna). Possibilita’ li jagħti f’dak li huwa nisel hija li ħiereġ mil-Latin ‘pardus’ li tfisser leoparda. Iż-żieda fit-tarf -ard (kif sibna f’Attard), hija Ġermaniża u tfisser qlubija.

Bugeja

BugejaBugeja huwa t-tlettax-il kunjom. Huwa wkoll wieħed mil-lista tal-ħamsin ta’ Ġino Muscat Azzopardi. Jinsab ukoll fil-Lista tal-Militia tal-1419 eżattament sittax-il darba bħala Bugeya. F’ta’ l-1480 imbagħad insibuh bħala Bugeja għal sbatax-il darba. Fl-antik Bugeja kien ukoll il-kunjom ta’ ċertu Konti.

Bugeja huwa marbut minn Cassar (p.56) u Aquilina (JMS, p. 154) ma’ belt marittima fil-qasam ta’ Kostantinu fl-Alġerija bl-isem Bougie (bit-Taljan Bougia). Din il-belt ilha marbuta mal-produzzjoni ta’ fejn titqiegħed ix-xama’, għalhekk Bugeja tfisser Buġija (mhux gidba eh, ma ninsewx!) jew fejn iddaħħal ix-xema’ u jkollha bażi tonda. Bougiue nsibuh ukoll isem ta’ diversi postijiet fi Franza. Fl-Isqalli nsibu żewġ kelmiet: Buggea li tirreferi għal min jieħu ħsieb il-merħla, bħal ragħaj, u Buggia li tfisser jew dik il-borża li jġorr miegħu l-kaċċatur  inkella min jaħdimha. Muscat Azzopardi (p.77) jikteb li Bugeja hija għaqda ta’ żewġ partijiet: ‘Bu’ li tfisser kap jew missier, u ‘Gejja’ mill-verb ‘gie’. Immela huwa Kap ta’ familja kbira.

Forom qodma ta’ dan il-kunjom huma Bugia, Bugeya, Bugeija u Bogeria.

Agius

AgiusNiġu għall-erbatax-il kunjom, Agius. Huwa nkluż fil-lista tal-ħamsin ta’ Muscat Azzopardi. Dan il-kunjom Semitiku huwa mniżżel tnax-il darba bħala Haiuz fil-Lista tal-Militia tal-1419. Hekk ukoll huwa mniżżel fil-Lista Roster tal-1417. Fil-lista tal-1480 huwa mniżżel 28 darba bħala Aiuz.  Wettinger f’The Surnames of the Maltese Islands (p.58) jagħtih b’Għaġuż, mentri f’paġna 303 Wettinger jgħidilna li fil-waqt li fil-Grieg Agius ifisser qaddis (agios), fit-tifsira tiegħu ma għandu x’jaqsam xejn. Fil-Għarbi minn fejn għedna li huwa ġej, Agius ifisser ‘iben mara xiħa’ (il-lum flok xiħa jgħidulha anzjana) jew iben l-għaġuża (J. Aquilina, J.M.S., p.151) mentri f’p.154 ifissru b’mara xiħa.

Muscat Azopardi jistqarr (p.52) li għal xi żmien kien jgħodd lill-kunjom Agius bi plural ta’ għaġuża. Iżda mbagħad sar jaħsibha xorta oħra. Jemmen li Agius daħal f’Malta minn Sardinja fejn jgħid li hemm numru sew ta’ kunjomijiet  Agius u Agus.

Cassar (p.3) jagħti l-possibilita’ li Agius ġej mill-Grieg Agegius u fl-Għarbi Hadju; għalhekk Agius huwa dak li jagħmel spiss il-pelligrinaġġ għal Mecca. Fir-ruman insibu Accius u fi Sqallija huwa isem. Fi Sqallija taħt in-Normanni kien jeżisti l-kunjom Agius.

Agius huwa l-isem ta’ lokalita’ fil-provinċja ta’ Sassari, f’Cagliari ġewwa Sardinja.

Aquilina

AquilinaIl-kunjom Aquilina jagħlaq din il-lista tal-ħmistax-il kunjom komuni f’Bormla fl-2004. Muscat Azzopardi jikteb li Aquilina huwa ta’ nisel Taljan. Huwa ma jorbtux mat-tifsira ta’ Aqulia bħala ajkla imma mal-belt Taljana ta’ Aquila (p.38). Ġuże’ Aquilina (J.M.S., p.148) jkkteb li huwa kunjom femminili u jfisser bint l-ajkla. Konvint iktar minn hekk hija li Aquilina hija d-diminuttiv  ta’ Aquilo (li Muscat Azzopardi jagħtiha Aquilotto). Wettinger (p.5) jinterpretah b’Hayculina, Haiculina u Auculina. Dan il-kunjom insibuh imniżżel fil-Lista tal-Militia tal-1419 erba’ darbiet bħala haiculina u sitt darbiet fil-lista tal-1480 bħala aiculina (Wettinger, J.M.S., p.30).

Mario Cassar (p.13) jagħti lil Aquilina bħala ajkla ċkejkna. Idjomatikament tippreżenta persuna makakka. Possibilita’ oħra li jagħti Cassar tappartjeni għal min ikollu mnieħru jixbah il-munqar ta’ ajkla. Fid-dinja Rumana nsibuh Aquilius. F’Agrigento, Sqallija, insibu l-Comune ta’ Acquilina u Aquilonia fil-provinċja ta’ Avellino.

Fil-Medju Evu kien hemm munita msejħa mezza aquila u kienet tiswa 10 grani. Popolarment din il-munita kienet magħrufa b’ayculina (Cassar, p.14).

Hekk tintemm il-lista ta’ l-iktar ħmistax-il kunjom l-aktar komuni f’Bormla u li jiena bnejt minn fuq ir-Reġistru Elettorali ta’ April 2004.

 

Images taken from the book :
An Illustrated Collection Of the Coats of Arms of Maltese Families
by Dr. Charles Gauci MD, FRCA, FSA.SCOT., LT. COLONEL, RAMC (Retd)
Published by Peg Publications. ISBN: 99909-0-069-8

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com