Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


ASSEMBLEA PARROKKJALI  - 2006

Kitba ta’ Mary Darmanin
Segretarja (K.P.P.) 

 

L-Assemblea Parrokkjali saret nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa , 9 u 10 ta’ Novembru. Din is-sena fuq proposta ta’ membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali saret b’mod differenti mis-soltu. L-ewwel jum ta’ l-Assemblea, flok sar fic-Ċentru Sagra Familja, saru laqgħat f’sitt postijiet differenti : Ċentru Sagra Familja, Knisja ta’ San Pawl,  Il-Parroċċa,  Il-kunvent tas-Sorijiet Franġiskani, Il-Kappella tal-Konservatorju, u fil-Knisja ta’ Santa Tereża.

F’dawn il-laqgħat saru diskussjonijiet fuq temi differenti, u tmexxew minn moderatur u segretarju/a . It-temi diskussi kienu :

  1. Animazzjoni tal-Fidi
  2. Ċelebrazzjoni tal-Liturġija
  3. Formazzjoni Operaturi Pastorali
  4. Oqsma Partikolari
  5. Ħajja Sinodali
  6. Promozzjoni ta’ Valuri u Tagħlim Socjali.

Għal dawn il-laqgħat attendew numru sabiħ tassew, 124 ruħ li taw il-kontribuzzjoni siewja tagħhom. Wara dawn il-laqgħat il-moderaturi u s-segretarji ltaqgħu ma’ l-Arċipriet fic-Ċentru Sagra Familja biex jingħataw r-rapporti dwar dawn il-laqgħat.

Bi tħejjija għal laqgħa tal-Ġimgħa dawn ir-rapporti nġabru f’rapport wieħed biex ikun ippreżentat għal kummenti, osservazzjonijiet, u suġġerimenti tal-ġemgħa.

Il-Ġimgħa t-tieni jum ta’ l-Assemblea, ħadu sehem iktar minn mitt ruħ.  Il-laqgħa bdiet b’mument ta’ talb.

Fil-bidu tkanta l-innu ‘Ejjew Nimlew il-Ġarar bl-Ilma’  megħjun minn preżentazzjoni tal-Powerpoint, li kienet tassew sabiħa u effettiva. Il-ġemgħa kollha ħadet sehem fil-kant u kienet tinħass ċertu għaqda u ferħ. Wara l-kant inqrat silta mill-Vanġelu : ‘It-Tieġ ta’ Kana.’ U wara saret riflessjoni dwar din is-silta. Il-ġemgħa reġgħet ingħaqdet flimkien fil-kant ta’ l-innu ‘Xmara’ għal darb’oħra bi preżentazzjoni eċċellenti tal-‘Powerpoint’ - ‘Il-Powerpoint Presentation’ u tħejjijiet oħra saru mill-Arċipriet, Il-Vici, u oħrajn.

Wara indirizza l-Assemblea, Dun Charles Cordina, id-delegat ta’ l-Arċisqof, fejn faħħar l-ininzjattiva ġdida u oriġinali, l-mod kif il-parroċċa organizzat din l-attivita din is-sena. Il-parroċċa tagħna kienet l-unika waħda li organizzat l-Assemblea b’dan il-mod, u Dun Charles qal li se jsemmi dan lill-parroċċi oħra biex jieħdu l-eżempju tal-parroċċa tagħna. Id-delegat ta’ l-Arċisqof qal ukoll li l-attendenza kienet tassew tajba, filwaqt li wassal ir-ringrazzjamenti ta’ l-Arċisqof lil dawk preżenti u ‘l parroċċa.

Kien imiss li jkun ippreżentat ir-rapport tal-laqgħat li saru l-Ħamis. Wara l-qari ta’ dan ir-rapport, saret diskussjoni dwar bosta punti u suġġerimenti li ssemmew fir-rapport. Saru wkoll suġġerimenti ġodda, li dawn se jservu biex il-Pjan Pastorali għas-sentejn li ġejjin, jkompli jurina d-direzzjoni li l-parroċċa trid taqbad, u x-xogħol sfiq li l-membri kollha jeħtieġ jagħmlu. Nota pożittiva kienet, li ħafna ma qagħdux lura biex jitkellmu, u b’hekk taw kontribut siewi f’din l-Assemblea.

Għalaq id-diskussjoni l-Arcipriet fejn semma x-xogħol kbir li jeħtieġ isir fil-parroċċa, filwaqt li dawk li jaħdmu huma ftit. Fil-parroċċa għandna bosta sfidi li biex nirbħuhom irridu naħdmu sewwa u flimkien. Fl-aħħarnet Fr. Joe rringrazzja lil dawk li attendew u lil dawk kollha li taw sehemhom biex tkun organizzata din l-Assemblea.

Il-laqgħa ntemmet bil-qari ta’ l-għeluq tal-Vanġelu ta’ San Mark u wara  bit-talba tal-Ħolqien ta’ San Franġisk .

Fl-aħħar saret tislima lil Ommna Marija bil-kant ta’ l-innu: Għalik O Marija

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com