Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

id - dar ta' l-Orsolini ġewwa bormla
Silta meħuda mill-ktieb ta’
Patri Alexander Bonnici O.F.M. Conv
Mons. Sidor Formosa (1851 - 1931)

Fil-31 ta’ Diċembru, 1938, is-sinjorina Tereża Camilleri għamlet testment li bih ħalliet dar f’ Bormla lis-sorijiet Orsolini, b’ kondizzjoni li dawn jiġbru u jedukaw lit-tfal foqra ta’ dik il-belt. Jidher li hi ħadet dik id-deċiżjoni għaliex ħuha, Patri Redent, tereżjan, fi żmien meta missierhom kien għadu ħaj, kien ippropona li d-dar kbira tagħom titħalla li xi komunita’ reliġjuża. Id-dar imħollija waqgħet fil-gwerra. Għalhekk, is-sorijiet, fuq l-arja tagħha, ħasbu biex jibnu Istitut adattat għall-iskop tat-testatriċi. Imma ma bnewx malajr għax il-mezzi finanzjarji kienu neqsin. Ġara li parti mill-art ittieħdet mill-Gvern biex tinfetaħ triq. Imbaghad, fuq il-parti li baqgħet f’ idejhom, inbena l-Istitut li hemm illum. L-ewwel ġebla tbierket minn Mons. Dun Karm Bonniċi, il-vigarju tas-sorijiet, fit-22 ta’ Mejju 1952. Fl-1954, il-bini kien lest. L-ewwel superjura lokali kienet Madre Roża Mifsud; kienet komunita’ bi tliet sorijiet, li marru biex jitlesta x-xogħol aktar malajr. Ftit xhur wara, żdiedu erba’ ohra.


Id-dar ta’ Bormla ġiet inawgurata fil-faqar; is-sorijiet ma kellhomx ħlief sodda fejn jorqdu. Lanqas il-bieb ta’ barra ma kien lest. Biex jagħlqu, huma kellhom bieb proviżorju bil-puntali minn ġewwa iserrħu mat-taraġ biex iżomm magħluq. It-taraġ kien mingħajr poġġaman. Fid-dar kien għad fadal ħafna x’ isir. Imma n-nies ta’ Bormla lill-Orsolini laqgħuhom bil-ferħ. Sa mill-ewwel ġranet, ħafna bdew iġibulhom x’ jieklu u jagħtuhom bżonnijiet oħrajn biex jgħammru d-dar. B’hekk, akkwistaw siġġijiet, imwejjed u affarijiet ta’ l-akbar ħtiega.


L-iskola bdiet f’ Ottubru 1955. Fi żmien qasir, huma faru bit-tfal. It-tfal, subien u bniet, kienu jwasslu fuq 200, u kien hemm ħames klassijiet. Dawk li ma setgħux iħallsu kienu jinżammu b’ xejn. Flimkien mas-sorijiet, kien hemm zewg tfajliet jgħallmu. Mingħandhom, imbagħad, it-tfal kienu jgħaddu għall-iskola tal-Gvern.


Kien għadu żmien diffiċli għas-sorijiet. Ġie li kien ikollhom imorru sa Raħal Ġdid, iħabbtu bieb bieb biex jakkwistaw xi ħaġa għall-għajxien. Oħrajn kinu jmorru ħdejn il-bieb tat-tarzna biex jaqilgħu xi ħaġa. Sorijiet oħrajn kienu jagħmlu xi xogħol biex jgħinu bih lill-komunita’. Kien hemm Sor Konsolata li kienet tpitter xi kwadri, u tbigħhom, u kienet tagħti wkoll xi lezzjonijiet lil dawk li riedu jgħaddu għall-iskola sekondarja.


F’ Ottubru 1956, tlesta l-artal għall-kappella. Mons. Dun Karm BonnicArtali bierku u qaddes l-ewwel quddiesa fuqu. Id-dar beda jkollha jkollha s-sagrament fil-kappella. Dun Ġużepp Zammit kien l-ewwel kappillan tagħhom, u baqa’ jaqdihom fil-bżonnijiet spiritwali u materjali tagħhom. Qabel ma tlestiet il-kappella, is-sorijiet kienu jmorru fil-parroċċa għall-quddies. It-toroq kienu għadhom imħarbtin għaliex Bormla kienet ġarrbet ħsarat kbar fil-gwerra.


Madonna ta' FatimaIl-kappella pubblika ta’ l-Orsolini f’ Bormla hija ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima, u ta’ kull sena, f’ Mejju, issir il-festa li jattendu ghaliha ħafna nies. L-Orsolini f’ Bormla, minbarra li jgħallmu, jagħtu edukazzjoni nisranija lil mijiet ta’ tfal u familji. Huma jaħdmu fil-parroċċa billi jgħallmu liċ-ċkejknin, u jippreparawhom għall-ewwel tqarbina u għall-griżma. Jagħtu wkoll xi istruzzjonijiet lil dawk li jsiru ommijiet qabel iż-żwieġ, ħalli jippreparawhom għall-magħmudija tat-tarbija tagħhom. Lill-Orsolini nsibuhom fil-Kunsill Parrokkjali, u narawhom jagħtu kull għajnuna f’ appostolat b’ mod speċjali man-nies li jgħixu qrib tagħhom.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com