Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


L-Istatwa tal - kunċizzjoni ta '
quddiem il- knisja parrokkjali u
dik li kien hemm santa liena


minn Sunny Aquilina

F'dan l-artiklu, kif jindika t-titlu, se nitkellmu fuq statwi kbar li nsibu jżejnu t-toroq u l-pjazez ta' Bormla.  Ta' min jibda biex jgħid li għandna għadd sabiħ ta' statwi tassew artistiċi kif se naraw.  Hemm oħrajn li ntilfu bil-gwerra, bit-traskuraġni jew maż-żmien u żgur li meta se nitkellmu dwar dawn l-istatwi li ntilfu, nies ta' ċerta etaċ se taqbadhom xi ftit tan-nostalġija billi jiftakruhom fi tfulithom jew ħsiebhom itir fl-imgħoddi meta f'Bormla kien hawn ħajja oħra.  Bix-xieraq li nibdew bl-istatwi ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li huma l-akbar fil-għadd. 

F'din il-kitba se nitratta żewġ statwi kbar tal-Kunċizzjoni mill-erbgħa li kellna; b'xorti tajba tnejn minnhom għadhom magħna fis-sbuħija tagħhom u d-devozzjoni lejhom.  Darba oħra nitkellmu fuq l-istatwi l-kbar l-oħra u mbagħad ngħaddu għan-niċeċ, imma kif għidna nibdew b'żewġ statwi tal-Patruna speċjali għall-Bormliżi, Omm Beltna - Marija Immakulata!

 

 

Il-Kunċiżżjoni ta' quddiem il- knisja parrokjali

L-aktar statwa li tolqot l-għajn hija  l-opra tassew sabiħa u tabilħaqq artistika ta' l-Immakulata Kunċizzjoni li naraw quddiem iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.  Din tinsab tiddomina l-fetħa ta' quddiem il-knisja kolleġġjata, in-naħa l-oħra ta' Triq il-Pellegrinaġġ ta' l-1944. Qiegħda f'lok l-aktar imponenti, tikkomplimenta l-istess knisja parrokkjali u fuq l-apside fejn insibu l-monument kolossali u artistiku tal-Pellegrinaġġ tad-19.XI.1944 u l-vittmi tal-gwerra.  Hekk din l-istatwa eleganti u għanja fl-esekuzzjoni hija ċ-ċentru ta' dan kollu.  Tinsab kif xieraq fin-nofs!  Marija Immakulata li twassalna għand Ġesu’, fil-qalba taċ-ċentru parrokkjali mhux biss ġewwa s-Santwarju Nazzjonali tagħha imma wkoll barra! 

Tabilħaqq, dawn il-monumenti u statwi juru fejn tħabbat il-qalb tal-poplu u l-qima kbira lejn Kristu, il-Madonna  u l-qaddisin.  Din l-istatwa tal-Kunċizzjoni hija kapolavur li ħareġ mid-disinn ta' l-artist prolifiku Bormliż Abram Gatt (1863-1944), devot kbir tal-Madonna, li mhux biss iddisinja kif kellha tiġi l-vara titulari tal-Kunċizzjoni meta nksiet bil-fidda għall-okkażjoni ta' l-Inkurunazzjoni fl-1905, imma għamel ukoll id-disinn ta' din l-istatwa ġawhra li tnaqqxet fl-irħam ġewwa Carrara, l-Italja. 

Hija xogħol ieħor mill-aqwa ta' dan l-artist li ħareġ xbieha ta' l-Immakulata eleganti u fl-istess waqt hekk umli b'idejha magħqudin fit-talb u r-rassenjazzjoni lejn il-Mulej!  Artistika minn kull lat u l-patena taż-żmien kompliet toħroġ sbuħitha b'dak il-wiċċ tal-ġenna!  L-anatomija tinħass mhux biss f'dan il-wiċċ u l-idejn imma wkoll minn taħt id-drapp li jintelaq f'panneġġi eleganti u f'posthom hekk li ma jtellfu xejn, anzi jagħnu din l-istatwa. 

Il-mant qisu qiegħed itir ħelu, ħelu  maż-żiffa fuq in-naħa tal-lemin.   Kemm il-pedestall ta' taħt l-istatwa kif ukoll il-pedestall għoli li qiegħda fuqu, imdawwar bix-xogħol tal-ħadid, huma eleganti fis-sempliċitaċ tagħhom u jkomplu jelevaw din l-istatwa hekk sabiħa u artistika.

Ma' l-erbat iġnub tal-pedestall l-għoli hemm skrizzjonijiet bil-Latin fuq skudetti li fihom naqraw, Ego Sum Immaculata - Jien l-Immakulata, bla dnub! Barra dan naqraw li saret biex ir-Rev. Kapitlu, Kleru, u l-poplu jfakkru ċ-Ċinkwantinarju mid-Domma tat-tnissil bla tebgħa ta' Marija Santissima li kienet proklamata fl-1854 mill-Q.T. l-Papa Piju IX, li f'din is-sena 2000, ġie beatifikat mill-Q.T. l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni. 

Hemm miktub li d-disinn sar minn Abram Gatt u l-kuratur kien Pawlu Cordina, devot kbir ta' l-Immakulata, li ġabar il-kontribuzzjonijiet biex saret din l-istatwa.  Kien ħa ħsieb ukoll li jordna x-xogħol u meta tlestiet mar l-Italja biex tinġieb Malta. (1)   Is-Sinjuri Pawlu u ħuh Fortunatu Cordina kellhom negozju tal-ħelu qrib fejn kienet tpoġġiet din l-istatwa oriġinarjament, jiġifieri f'tarf it-taraġ taz-zuntier l-antik fejn kien jibda min-naħa ta' Triq l-Oratorju.  (2)

L-Inawgurazzjoni

L-Inawgurazzjoni ta' l-Istatwa taz-zuntier fl-1919.L-inawgurazzjoni u t-tberik ta' din l-istatwa grazzjuża kienu saru bil-kbir, nhar l-Ewwel Ħadd ta' l-Avvent li ħabat it-30 ta' Novembru, 1919, kif jidher minn ritratti antiki li għadhom jeżistu.  Fuq it-taraġ taz-zuntier quddiem l-istatwa ntrama palk imżejjen bid-damask, kuruni u girlandi tal-fjuri, li fuqu kien hemm pultruna kbira għal Mons. Angelo Portelli, Isqof, li kien ġie mistieden biex jinawgura u jbierek din l-istatwa ġdida.  Mons. Portelli ħareġ mill-Kolleġġjata flimkien mal-Kapitlu u l-Kleru proċessjonalment għal fuq il-palk fost folla kbira ta' nies li mliet l-inħawi, id-daqq tal-qniepen u tal-Banda ta' Bormla li kellha l-istandardi tagħha.  Kien hemm ukoll bandalori tal-ħarir koħol bin-Nome di Maria fuqhom. 

Tkanta l-Magnificat u l-Isqof Portelli għamel diskors ta' l-okkażjoni fejn spjega x'inhu u xi jfisser dan il-monument fost tifħir lill-Madonna.  Dan id-diskors intlaqa' b'applaws kbir u wara tala' żewġ tarġiet għal quddiem l-istatwa li kienet mgħottija bi drapp ikħal li kien imdendel minn kuruna kbira.  In-nies kellha għajnejha fuq dik l-għata  u kif l-Isqof Portelli ġibed il-lazz ta' dak il-velu feġġet minn taħtu dik ix-xbieha ta' Marija Immakulata bis-sbuħija kollha tagħha fost iċ-ċapċip tal-folla!  Indaqqet fanfara, sar talb imqanqal minn Mons. Portelli u wara nstemgħu għal darba oħra l-mota tal-qniepen u d-daqq ta' l-Ave Maria mill-Banda San Ġorġ ta' Bormla li l-kumitat tagħha kien ukoll mistieden qrib il-palk. (3)

Fil-għaxija saret illuminazzjoni.  Kienet inawgurazzjoni memorabbli għal statwa ta' barra.  Ħaġa oħra partikolari hija li din hija statwa ta' l-irħam meta ġeneralment dawn l-istatwi ta' barra jkunu tal-ġebel.  Dan kollu juri li l-Kunċizzjoni għall-Bormliżi hija Patruna Speċjali b'għeruq fil-fond.  Kienu tqassmu santi ta’ l-okkażjoni bix-xbieha tal-Kunċizzjoni u talbiet.

L-Istatwa titpoġġa
fejn qiegħda issa

Tista' tgħid li b'miraklu, flimkien mal-knisja parrokkjali, din l-istatwa ħelset mill-qirda tal-bombi matul il-gwerra għalhekk huwa tassew xieraq il-post fejn qiegħda issa, quddiem l-istess tempju u fuq il-monument li jfakkar il-Pellegrinaġġ kolossali li kien sar b'wegħda bl-istatwa u l-kwadru tal-Kunċizzjoni minn Birkirkara, kif ukoll il-vittmi Bormliżi tal-gwerra. 

L-istess triq issemmiet Triq il-Pellegrinaġġ 19 ta' Novembru, 1944.  Dak il-jum fi qlub il-Bormliżi żgur kien merżuq dawl biex Bormla tarġa' tibda tqum mill-ġdid mill-ħerba!  Fil-fatt din l-istatwa hekk devota u grazzjuża tpoġġiet fejn narawha llum fl-1957, wara li sar xogħol tassew estensiv ta' rikostruzzjoni, twaqqa' l-bini kollu ta' quddiem il-knisja parrokkjali u nkixfet il-faċċata li issa tiddomina, kemm meta tħares min-naħa ta' fuq San Pawl, minn Triq ix-Xatt ta' Bormla kif ukoll minn Pjazza Paolino Vassallo.            

Meta saret ir-rikostruzzjoni fl-inħawi tal-knisja parrokkjali li bdiet mill-1953, sar ħafna xogħol minħabba l-festi speċjali li kellhom isiru fl-1955 fl-għeluq il-50 sena mill-Inkurunazzjoni u ċ-Ċentinarju mid-Domma ta' l-Immakulata.  Ġie l-Kardinal Federico Tedeschini biex dawwar ras l-Immakulata fil-Kwadru Titulari bi stillarju li twassal proċessjonalment f'idejn ir-Rev. Kan. Ġużeppi Cassar, Teżorier u Kustodju tal-Kwadru Titulari Inkurunat u mill-Onor. Perit Dom Mintoff Prim Ministru ta' Malta u President tas-Soċjeta’ Filarmonika Cospicuana San Ġorġ. 

Il-Kardinal  żejjen Ras il-Madonna fis-Santwarju hekk devot bl-istillarju quddiem baħar ta' nies fi Pjazza Santa Margerita!  Għal din l-okkażjoni kien tlesta wkoll iz-zuntier u ftit tas-snin wara l-istatwa familjari tal-Kunċizzjoni, li kienet tneħħiet minħabba x-xogħol, reġgħet tpoġġiet bil-pedestall b'kollox fejn narawha llum.  Lok li għalkemm ħa s-snin biex intgħażel huwa edifikanti u tassew jixirqilha, quddiem il-knisja kolleġġjata u parrokkjali tal-Belt Cospicua.  Żgur li din l-istatwa tal- Kunċizzjoni hija waħda mill-isbaħ statwi li nsibu f'Malta u Għawdex li tinseġ flimkien talb, rassenjazzjoni, umiltaċ u qdusija.

Fuq waħda mill-iskudetti nsibu miktub li l-Arċisqof ta' Malta Mons. Mauro Caruana O.S.B. jikkonċedi 100 jum indulġenza lil min jgħid Ave Maria quddiem din l-istatwa devota.  Fil-fatt ħafna ħaddiema, l-aktar dari, kienu jsellmulha bil-qalb u jgħidu Ave Maria meta jgħaddu minn quddiemha, il-biċċa l-kbira meta jkunu sejrin jew ġejjin mix-xogħol, x'aktarx mit-Tarzna.

L-Istatwa tal - kunċizzjoni
li kien hemm qabilha; ta ' santa liena

Il-Madonna tal-ġebel li kien hemm faċċata tal-mina ta' Santa Liena bil-bini mġarraf tal-gwerra. Qabel kienet flok dik li hemm ħdejn iz-zuntier tal-knisja.

Qabel saret din l-istatwa ta' l-irħam fuq disimm ta Abram Gatt, kien hemm statwa oħra tal-ġebel li kienet saret fl-1759.  L-istatwa ta' qabel kienet statwa tal-Kunċizzjoni sabiħa wkoll, li meta saret l-istatwa l-ġdida poġġewha fuq pedestall għoli, tħares lejn il-mina ta' Santa Liena li huwa l-Bieb Ewlieni tas-Swar ta' Bormla.  Il-pedestall il-ġdid tal-ġebel ftit wara ornawh b'zokklatura ta' l-irħam.  Meta l-istatwa tlestiet fuq il-pedestall saret ċerimonja u anke kien hemm l-armar kif juru r-ritratti ta' l-okkażjoni.

L-inawgurazzjoni saret nhar il-24 ta' Awissu 1919, wara l-quddiesa kantata.  Kien hemm preżenti r-Rev. Kapitlu, il-Kleru u l-poplu.  F'parapett imżejjen bid-damask ta' dar biswit l-istatwa li kienet mgħottija, kien hemm Kor tat-tfal tal-kappella tas-Sur Salv Buttigieg.  Mad-daqq ta' l-armonju kantaw il-Magnificat flimkien mal-Kleru u l-poplu, l-Ave Maris Stella u Antifona tal- Kunċizzjoni.  Wasal il-waqt mistenni meta l-Arċipriet, Dun Ġwann Cauchi, qal l-Oremus u inawgura l-istatwa tal-Kunċizzjoni l-antika li issa kienet sabet post ġdid in-naħa ta' Santa Liena.  Inxteħtu l-karti mill-bjut u n-nies ċapċpet u għajtet "Viva l-Immakulata". 

L-Arċipriet imbagħad bierek l-istatwa u mill-post imżejjen, wara l-kant ta' l-Ave Maria, ir-Rev. Kan. Penitenzier Dun Pawl Caruana, Vigarju Kurat, għamel diskors mill-isbaħ u storiku.  Fil-għaxija saret illuminazzjoni f'dawk l-inħawi.   Kitba bit-Taljan, taħt ritratti li juru din l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-inħawi bit-tiżjin għall- Inawgurazzjoni tgħid, 'Xbieha antika ta' l-Immakulata miġjuba mill-post tas-Santwarju fejn kien it-tempju l-antik ta' Bormla 24.08.19.'

Dan kollu għen biex id-devozzjoni lejn Marija L-istatwa ta' l-Inkurunazzjoni (xogħol l-istatwarju Ġużeppi Caruana ta' Marċjol). Din intilfet fil-gwerra ta' l-1940 - 1945.Immakulata baqgħet dejjem tikber hekk li minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet u l-armar fil-Festa tal-Kunċizzjoni fit-8 ta' Diċembru, kienet issir ukoll il-Festa ta' l-Inkurunazzjoni u kienu jarmaw in-naħa ta' Santa Liena.  L-anzjani jsemmu l-vara ta' l-Inkurunazzjoni li kienet tiffigura lill-Q.T. l-Papa Piju X jagħti l-kalċi lill-Kardinal Domenico Ferrata u anġlu jdoqq tromba bħala tħabbira ta' l-Inkurunazzjoni.  Kienet parti mill-armar li dari kien iżejjen it-toroq ta' Bormla; b'xorti ħażina ntilfet ma' bosta statwi oħra u armar matul il-gwerra.  Tkun idea tajba jekk naħsbu għal xi vara simili, li tfakkar l-Inkurunazzjoni għall-ewwel Ċentinarju minn din il-ġrajja kbira fl-2005!

Hija ħasra li l-istatwa tal-Kunċizzjoni n-naħa ta' S. Liena sabet ruħha qalb it-tiġrif tal-gwerra.  Wara l-gwerra kienet għadha hemm, għalkemm intlaqtet u kellha ħsarat, imma flok irranġawha, meta sar il-bini mill-ħdid tneħħiet u ntilfet għal dejjem.  Minħabba l-ispazju nkomplu darba oħra fuq dawn l-istatwi devoti, artistiċi u kif qed naraw, storiċi li jagħtu karattru lit-toroq u l-pjazez tagħna.

Intemm dan l-artiklu b'silta mill-kitba ta' kompajżan tagħna, ukoll devot ta' l-Immakulata, is-Sur Carmelo Galea Scannura, li wara sar qassis u miet din is-sena.  Niftakru fih u f'Bormliżi oħra li ħallewna.  B'din is-silta tajjeb ukoll li nsellmulu għax-xogħol li għamel b'riżq Bormla.  Fil-fatt din il-kitba tiegħu kienet dehret fil-Cospicua, li kien id-Direttur ta' dan il-perjodiku popolari fis-snin ħamsin. Kiteb hekk;

‘ Il-qima lejn il-Gran Verġni Marija fil-Parroċċa ta' Bormla hija qadima daqs kemm qodma l-ewwel nies li ġew jgħammru ġewwa Bormla meta din kienet għadha għoljiet u widien; u ma' dan kollu kien jinstama' jidwi u jirbombja l-isem ħelu ta' Marija Omm Alla. Dan tixhdu l-istorja ta' pajjiżna, jixhduh il-knejjes tagħna, jixhduh il-kappelli mġarrfa mal-milja tas-sekli...Jixhduh l-ismijiet tat-triqat ta' Beltna, jixhduh ix-xbihat wisq għeżież li kienu darba jżejnu l-pjazez tagħna.

Kemm kienet devota l-Madonna ta' Pjazza Sant' Elena!  Dik ta' Pjazza Bonnici!  Dik ta' Pjazza Paolino Vassallo u bosta oħrajn li sfaw meqruda fl-aħħar gwerra; l-istatwi nqerdu, imma l-fidi tagħna baqgħet hemm ferma u sħiħa. U jekk il-fidi tagħna għadha hemm ferma u sħiħa, dan kollu dovut lejn il-protezzjoni kontinwa li aħna nirċievu minn għand Ommna Marija Santissma. ' (5) 

Referezi

(1) Emmanuel Fiorentino, "Il-Kunċizzjoni Ta' Quddiem Il-Knisja," Bormla Leħen il-Belt ta' l-Immakulata Vol. 19  Għadd 227,  (Diċ`. 1993): p.3.
(2) Ibid.
(3) Michele Grech Taylor, Storia Ta' Bormla (Bormla: ms. 1924) pp. 194-197.
(4) Ibid. pp. 193, 194.
(5) Carmelo Galea Scannura, "Il-Ġrajja Ta' l-Inkurunazzjoni (1)," il-Cospicua Għadd 2, (Aw. 1954) p. 3.

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com