Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


L-Istatwa tal - kunċizzjoni

minn Sunny Aquilina

F’dan l-artiklu se nkomplu nitkellmu fuq statwi kbar li jżejnu t-toroq u l-pjazez ta’ Bormla.  Statwi sbieħ u artistiċi li għandna napprezzaw u nieħdu ħsiebhom.  Huma wirt ta’ beltna u tagħna l-Bormliżi.  Fl-ewwel artiklu ta’ qabel dan bdejna bl-istatwi ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ quddiem il-Knisja Parrrokkjali u dik li kienet qrib il-mina ta’ Santa Liena, li sfortunatament inqerdet wara l-gwerra. 

F’dan it-tieni artiklu se niktbu fuq statwa oħra tal-Kunċizzjoni, dik li qiegħda fi triq imsemmija għaliha; Triq il-Kunċizzjoni, fit-taraġ ftit ‘il fuq mill-każin tas-St. Thomas S.C.Statwa tal-Madonna f'kantuniera ta' Triq il-Kunċizzjoni (ħdejn il-Każin tas-St. Thomas S.C.)

Din l-istatwa twaqqfet fis-seklu tmintax kif jikteb Michele Grech Taylor fil-ktieb tiegħu – Storja ta’ Bormla (1924):

‘Il-Madonna tal-Kunċizzjoni li qiegħda fuq pedestal mal-ħajt, fi Strada Concezione (it-triq ta’ Kozzu) saret fl-1788.

Din l-istatwa tinsab f’parti mill-eqdem ta’ Bormla.  Hija statwa maħduma fi stil barokk u bis-simboli ta’ l-Immakulata; ir-ras imdawra bil-kwiekeb, bir-riġel fuq ras is-serp bit-tuffieħa f’ħalqu u l-qamar.  L-idejn huma magħqudin ma’ xulxin f’għaqda simbolika ta’ talb u għandha wiċċ hieni li jirrifletti qdusija u umilta'.

Tinsab fuq pedestal għoli li f’nofsu, fuq quddiem, insibu rħama b’kitba li tfakkar l-indulġenza ta’ 40 jum li ngħatat minn Mons. Labini ‘Isqof ta’ Malta’ fit-8 ta’ April, 1801, lil min jgħid ‘Salve Regina’ quddiema.  Nintebħu li din l-indulġenza ngħatat eżattament 200 sena ilu u l-istatwa għandha aktar minn mitejn sena.  L-istatwa, flimkien mal-kantuniera fejn qiegħda, li turi l-qedem tagħha, ħelsitha ħafif mill-qerda tal-gwerra.  Hekk għadna nistgħu narawha, ingawduha u ngħidu xi talba quddiema.
Din l-istatwa tinsab f’nofs it-taraġ li ġej fit-tond f’kantuniera. 

Quddiem il-pedestall huwa magħluq b’ħadid ornamentali u prominenti fih hemm emblema tal-Madonna.  Illum ma tantx għadek tara bħalu.  Hemm ukoll żewġ gastri bil-qsari fuqhom u fuq il-pedestall, f’riġlejn il-Madonna, vażun bil-fjuri u fanal jixgħel fin-nofs.  In-nies jieħdu ħsiebha, hekk li nżebgħet dan l-aħħar.  Fl-1924 sar xogħol ta’ rikostruzzjoni u dan dokumentat. 

Fix-xellug ta’ dan il-pedestall, ma’ ċint mibni ma’ ġenb il-pedestall hemm irħama oħra li tfakkar il-promuturi Salvu Darmanin, li għamel ukoll id-disinn u x-xogħol li sar minn Ċikku Zahra u Pawlu Aquilina.

Statwa tal-ġebel fi Triq il-Kunżizzjoni Bormla‘Memorja tal-promuturi S. Darmanin, F. Zahra, P. Aquilina u n-nies tat-triq, disinn ta’ l-istess Darmanin, tlesta fl-1 ta’ Frar, 1924.’

Din l-istatwa hija miżmuma tajjeb u fl-għożża, hekk li nsibu rħama żgħira oħra li tixhed dan.  ‘id-devoti b’qima kbira lejn Marija Santissima, kulħadd huwa mitlub biex ma jħallix dan il-lok jiġi mkagħbar.’

L-istoriku Tony Terribile fil-ktieb ‘Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin’ (Pin 2000) jikteb li x-xogħol li semmejna sar fl-1929, imma d-data fuq il-lapida hija ċara 1924, u jkompli li dan sar f’għeluq il-75 sena mill-proklama tad-Domma ta’ l-Immakulata nhar it-8 ta’ Diċembru, 1854 meta f’Bormla saru ċelebrazzjonijiet speċjali. 

Fil-fatt sar ħames snin qabel, f’għeluq is-70 sena.  Fuq l-istatwa nnifisha Tony Terribile jikteb li din l-istatwa kbira tal-Kunċizzjoni hi waħda mill-isbaħ statwi li nsibu f’dawn il-gżejjer.  Wieħed jista’ jgħid dan, wara li jifli sew l-iskultura li fiha, b’mod speċjali fil-panneġġi tal-libsa tagħha.  Hi statwa devota ħafna u għalhekk miżmuma tajjeb min-nies ta’ l-inħawi.

Din l-istatwa sabiħa hija f’ambjent Malti ta’ l-antik, tixhed żminijiet ta’ l-imgħoddi.  It-taraġ ukoll huwa tipiku ta’ Bormla ta’ dari.  U dan għandu sinifikat, kif għidna l-istess isem tat-triq hu għall-patruna speċjali tal-Belt Cospicua.

Tajjeb li dan il-patrimonju   tagħna, nagħrfuh, ngħożżuh, nieħdu ħsiebu u ngħadduh fi stat tajjeb lil uliedna u lil dawk li jiġu warajna.  Dawn l-istatwi pittoreski jixhdu wkoll id-devozzjoni popolari ta’ niesna.  Ħelwa u tajba t-tradizzjoni li ngħidu talba żgħira meta ngħaddu minn quddiemhom.  Mhux b’qima lejn l-istatwa imma lejn il-Madonna, dik l-Omm li dejjem tħarisna.  “O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.”

Referenzi
Michele Grech Taylor, ‘Storja ta’ Bormla’ ms. 1924
Tony Terribile, ‘Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin’  (Pin 2000)

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com