Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Statwi f' bormla - San Ġużepp

minn Sunny Aquilina

Il-Vara ta’ San Ġużepp
fil-Knisja Parrokkjali

F’Bormla, il-Belt Cospicua, meta nsemmu San Ġużepp mill-ewwel tiġi f’moħħna l-vara artistika u mirquma, kapolavur ta’ l-artist u disinjatur Bormliż Abram Gatt (1863-1944) li f’Malta u Għawdex, u b’mod speċjali f’Bormla, ħallielna tant ġojjelli artistiċi.  Din il-vara tal-missier putattiv ta’ Ġesu’ hija mill-isbaħ, ħafna jaħsbuha tal-kartapesta u mhux ta’ l-injam!  Il-vara tirrappreżenta lil San Ġużepp, il-kustodju matur, kast u ġust, bil-ġilju fuq il-bastun iserraħ fuq is-serp simbolu tad-dnub u l-ħażen mirbuħ.  San Ġużepp qiegħed jagħti ħarsa fuq il-Bambin diġa tfajjel, u b’idu l-leminija fuq spallet Ġesu’ li għandu salib żgħir f’idu li juri li ġie fid-dinja biex jifdina bil-mewt tas-salib!  Il-Bambin ukoll qiegħed jagħti ħarsa ħelwa lil San Ġużepp.  Hemm rabta intimaSan Ġużepp taħt il-mant l-antk f'għeluq il-50 sena Patrun tal-Knisja Universali fl-1920. bejniethom kif qegħdin fuq sħab bajdan tas-sema.

F’nofs dan is-sħab hemm ukoll knisja żgħira billi l-Papa Piju IX kien ipproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja universali nhar it-8 ta’ Diċembru, 1870, Jum l-Immakulata Kunċizzjoni!  Fl-1920 kienu saru festi speċjali f’Bormla f’għeluq il-50 Sena ta’ din il-proklama.  Għażilt li nikteb fuq statwi ta’ San Ġużepp billi din il-vara li nsibu fil-knisja parrokkjali saret minn Abram Gatt meta kellu 40 sena, fl-1903 u għalhekk is-sena d-dieħla, 2003, tagħlaq 100 sena.

Fil-Belt Cospicua, id-devozzjoni lejn San Ġużepp, l-għarus kastissimu ta’ Marija Verġni, mhix nieqsa.  Insibu Triq San Ġużepp qrib fejn kien hemm il-Konservatorju ta’ San Ġużepp li l-kappella tiegħu għadha tintuża wara li ġiet restawrata.  Flok il-konservatorju llum hemm id-Dar ta’ l-Anzjani. 

Fl-1716 il-mastrudaxxi kienu diġa jagħmlu l-festa tal-patrun tagħhom San Ġużepp fil-knisja parrokkjali u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp kienet diġa twaqqfet fl-1728 u kienu jagħmlu l-festa nhar id-19 ta’ Marzu u kellhom vara għall-purċissjoni. (1)  Fl-1780 twaqqfet Konfraternita' oħra fil-knisja ta’ Santa Tereża fejn wkoll hemm vara ta’ San Ġużepp. Qabel saret il-vara ta’ San Ġużepp minn Abram Gatt kien hemm oħra li kienet skolpita mill-iskultur Pawlu Azzopardi fl-1843 u wara li saret il-ġdida ngħatat lill-parroċċa ta’ Marsaxlokk.

Kif saret il - vara

Dwar kif saret il-vara ta’ San Ġużepp kien għaddieli tagħrif interessanti Noe Farrugia, li kien iħobb lill-qaddis kif ukoll lil Bormla.  Kitibli li Abram kien iħobb ukoll lil San Ġużepp hekk illi ried jagħmel ieħor flok dak li kien hemm.  Kien ta’ fommu sieket u għalhekk qabad jaħdem fuq abbozz bla ma qal xejn għalkemm mal-Fratellanza ntwera’ l-ħsieb li ssir vara ġdida, imma din riedet li l-ewwel isir ventartal tal-fidda.  Meta l-Fratellanza rat li Abram ma riedx jagħmel disinn ordnaw wieħed l-Isla imma meta dan wasal kien hemm ħafna li bdew igergru. 

Minn hemm u minn hawn reġgħu kellmu lil Abram u sar arranġament li jagħmel San Ġużepp u tahom il-kelma li jagħmlilhom abbozz.  Dan ġeneralment jieħu ċertu żmien imma Abram kien diġa laħaq lesta l-abbozz.  Meta fi żmien qasir urihulhom kulħadd baqa’ skantat u kien hemm min tħasseb jekk Abram jasalx biex ilesti dik il-biċċa xogħol!   Imma Abram diġa kellu l-pjan lest, talab lill-Ammirall biex jixtri njama kbira u tajba kif xtaq hu.  Malli waslet beda x-xogħol u wieħed jista’ jobsor kif Abram intilef fil-ħidma biex il-ħolma li kellu sseħħ. 

Fl-aħħar din l-istatwa meqjusa bħala kapolavur tlestiet u kulħadd stagħġeb bir-reqqa u l-ħila fix-xogħol minn kull naħa.  Kien tant ħareġ li wħud qalu li dnub jinżebagħ, ħafna kienu tal-fehma li xogħol hekk mirqum kien joħroġ aktar kieku kellu jibqa’ njam.  Il-vara ttieħdet għall-wirja l-Belt u refugħha x-shipwrights Bormliżi, li wkoll ġabuha lura.  Jingħad ukoll li din il-vara nżebgħet mill-istess Abram. 

Din l-istatwa famuża għadha tista’ titgawda fil-knisja parrokkjali ta’ Bormla u kull sena ssir il-festa f’Mejju (2). Fil-bidu tas-snin tmenin kienu serqu d-deheb ta’ din il-vara li kienet ingħatat sett  ta’ l-għodda żgħir miksi bid-deheb b’wegħda.

F’dawn l-artikli qiegħed nikteb fuq statwi li nsibu barra, fil-pjazez u t-toroq ta’ Bormla, imma f’dan iċ-ċentinarju ma stajtx ma ssemmix  ukoll din l-istatwa hekk devota u mfaħħra!  F’Malta nħoss li għandna l-kult tal-vari qawwi wisq l-aktar fejn jidħlu l-vari titulari fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna.  Kull vara jew statwa, sabiħa u artistika kemm tista’ tkun, hija biss xbieha. 

Jeħtieġ li naraw aktar ‘l fuq bl-għajnejn ta’ fidi u twemmin.  L-istatwi qegħdin hemm biex ifakkruna f’Ġesu’, f’Marija u fil-qaddisin li hemm igawdu ‘l Alla u biex inħarsu lejhom bħala mudelli li jgħinuna fil-mixja tagħna fuq din l-art lejn is-salvazzjoni.  Il-kuntrarju tat-tmaqdir u l-piki! Ġesu’ wieħed u Madonna waħda hemm u Alla wieħed fuq kollox u fuq kulħadd!

Statwi fit - toroq

Dari kien hemm statwa ta’ San Ġużepp li llum m’għadhiex teżisti.  Jidher li din kienet fi Triq il-Ġdida billi Michele Grech Taylor ħallielna dan it-tagħrif dwarha.

‘San Ġużepp, li qiegħed f’niċċa mal-ħajt fit-Telgħa ta’ Santa Liena, fuq il-bieb ta’ Giuseppe Buttigieg, (Tal-Ħall), magħmul fis-sena 1872 a spejjeż tiegħu u maħdum minn Mastru Antonio Busuttil tar-Rabat.’ (3)

Statwa ta’ San Ġużepp li għadha teżisti

F’kantuniera fi Triq Feliċ ma’ Sqaq Feliċ insibu niċċa b’żewġ pilastri li fiha hemm statwaIn-niċċa bl-istatwa ta' San Ġużepp fi Triq Feliċ. Ritratt - Sunny Aquilina mdaqqsa ta’ San Ġużepp bil-Bambin.  Hija waħda mill-bosta niċeċ bil-lavur fil-ġebla Maltija li nsibu fit-toroq tagħna.  San Ġużepp jidher wieqaf, dritt b’ħarstu mistika ‘l quddiem biċ-ċkejken Bambin fuq driegħu tax-xellug.  Il-Bambin Ġesu’ għalkemm żgħir, ukoll għandu bixra żvelta u jidher wieqaf.  Wiċċu b’ħarsa dritta quddiemu bħallikieku juri li huwa tarbija speċjali.  F’din l-istatwa b’arti popolari nilmħu żewġ temi li jistgħu jidhru kontra xulxin. 

Hemm l-għaqda ta’ Ġesu’ mal-missier putattiv tiegħu san Ġużepp li tinħass xi ftit iebsa, u fl-istess waqt kemm Ġesu’ kif ukoll San Ġużepp jinħassu distakkati qishom it-tnejn mexjin fi triq għalihom, kull wieħed b’missjoni għalih!  Għandi l-impressjoni li din in-niċċa mhix daqshekk magħrufa u l-ħsieb ta’ dawn l-artikli huwa biex inkunu nafu x’hawn fl-għażiża belt tagħna, napprezzaw u nieħdu ħsieb dak li ħallewlna missirijiet. 

Dawn l-istatwi u niċeċ li għandna fit-toroq tagħna għandna nieħdu ħsiebhom.  Ma’ din in-niċċa hemm qabda cables imwaħħlin eżatt taħtha li jħassru d-dehra ta’ din in-niċċa u jkerrhu l-ambjent, tajjeb li kieku dawn jitpoġġew aktar bil-galbu u mhux man-niċċa!


Referenzi

(1) Galea Scannura Charles, Tagħrif Storiku Dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, (1983) p.10.

(2) Farrugia Noe, Tagħrif mgħoddi lili.

(3) Grech Taylor Michele, Storja ta’ Bormla, 1924 ms. p.43.

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com