Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Monument u Aktar Statwi u Niċeċ tal-Madonna

minn Sunny Aquilina

F’din is-sena Ċentinarja se nkomplu nitkellmu fuq statwi u niċeċ tal-Madonna ġewwa Bormla, il-‘Belt ta’ l-Immakulata’.  Fil-fatt f’artikli fis-snin l-imgħoddija diġa tkellimna fuq l-istatwa tal-Kunċizzjoni ta’ quddiem il-knisja kolleġġjata ta’ Bormla, statwa oħra tal-Kunċizzjoni li kien hemm Santa Liena, oħra tal-Kunċizzjoni fi Triq il-Kunċizzjoni u n-niċċa li kien hemm ta’ l-Immakulata fi Pjazza Paolino Vassallo kantuniera ma’ Sqaq il-Kunċizzjoni. Ktibna wkoll fuq in-niċċa tal-Kunċizzjoni li hemm fi Triq San Pawl, il-Madonna ta’ Trapani fil-faċċata tal-knisja ta’ Santa Tereża u n-niċċa tal-Kwadru tal-Kor ma’ ġenb l-istess knisja, In-niċċa ta’ Santa Marija f’Bieb Bormla, u l-Madonna bil-Bambin fid-daħla fil-blat taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli li fiha hemm ukoll statwa mdaqqsa tal-Madonna ta’ Lourdes.

Monument taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni

Minn dan naraw kemm il-poplu Bormliż huwa marbut mal-Patruna Speċjali tiegħuIl-Monument taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni fi Pjazza Gavino Gulia. Marija Immakulata u biex inkomplu nuru din id-devozzjoni se nsemmu aktar statwi u niċeċ tal-Madonna f’Bormla.  Bix-xieraq f’din is-sena nibdew bil-Monument li sar b’tifkira taċ-Ċentinarju mill-inkurunazzjoni bix-xbieha tal-Madonna Inkurunata indurata bid-deheb.  |ejjen Pjazza Gavino Gulia u l-inawgurazzjoni tiegħu saret nhar il-}add 19 ta’ Ġunju, 2005 u n-nies attendiet bi ħġarha.  Huwa xogħol tal-marmista Ronald Pisani, skultura u funditura tal-Madonna u l-panewijiet ta’ Joe Chetcuti, induratura minn John Pace, il-Perit kien Joseph Cassar, u dawl mid-Ditta Nexos.  Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla wkoll ta l-għajnuna tiegħu u kulħadd faħħar dan il-monument artistiku! Grazzi wkoll lill-benefatturi kollha.

Statwi tad-Duluri fi Triq
l-Oratorju u fiċ-Ċimiterju

Ma’ ġenb il-bieb ta’ l-Oratorju hemm maħżen u fuqu naraw xbieha żgħira tad-Duluri.  Statwa tad-Duluri ma ġenb l-OratorjuStatwa sabiħa tad-Duluri tinsab mal-ġenb ta’ l-Oratotju, eżatt taħt il-kampnar.  Din hija statwa antika. Mil-lapida li tfakkar l-indulġenzi mogħtija mill-Isqof Bartolomeo Rull fl-1759, li hemm mal-pedestall għoli naqraw li 40 jum ta’ indulġenzi jingħataw lil min jgħid ‘Ave Maria’ quddiem din ix-xbieha ta’ Sidtna Marija Addolorata.  L-istatwa tad-Duluri li naraw illum qabel kienet fiċ-Ċimiterju ta’ l-Erwieħ li hemm fi sqaq ‘il fuq mill-knisja ta’ San Pawl.  Tpoġġiet f’postha fl-1897 flok l-oħra li kienet saret fl-1759 mill-iskultur Gaetano Fabri u swiet 46 skud u 9 tarin.  Dan il-bdil sar b’deċiżjoni tal-Fratellanza tal-Kurċifiss.  L-istatwa għandha s-sejf jinfdilha qalbha u kuruna tax-xewk f’idha l-leminija. Qiegħda fuq pedestal għoli u eleganti li fih simboli tal-passjoni bħall-kuruna tax-xewk, il-lanza u l-isponża. Fuq kartella bis-simbolu tal-qalb ta’ Marija minfuda bis-sejf naqraw dawn Il-kelmiet ‘Attendite universi populi, et videte dolorem meum. Hier: Cap.1 ’- }arsu lejja ġnus kollha u araw in-niket tiegħi.’  L-istatwa ta’ Gaetano Fabri, li kien hemm qabel, tpoġġiet flok l-oħra fiċ-Ċimitarju ta’ l-Erwieħ li diġa semmejna.  Sfortunatament dan iċ-ċimiterju, li kien inbena għall-pesta ta’ l-1676, jinsab magħluq u ma tistax tara sewwa din l-istatwa antika li hija sabiħa wkoll. Fabri kien skultur tajjeb u tiegħu għandna xogħol fl-Oratorju.

Niċċa tad-Duluri fi Triq Santa Liena

Ta’ min isemmi wkoll li hemm niċċa ta’ Marija Addolorata, bi kwadru bix-xbieha tad-duluri mlibbsa bid-drapp, li tinsab fi Triq Santa Liena mal-ħajt ftit ‘il fuq mill-Mina ta’ Santa  Liena int u tiela lejn in-naħa ta’ Verdala.  Naraw ukoll santa kbira tad-Duluri fin-niċċa ta’ l-aluminjum li hemm fi Triq San Mikiel, imma din hija niċċa tal-Kunċizzjoni.

Niċeċ tal-Kunċizzjoni fi Triq San Mikiel,
id-Dejqa, il-Pellegrinaġġ,
u Statwa tal-Kunċizzjoni f’Hubbard Flats

Din in-niċċa moderna fi Triq San Mikiel tinsab bejn il-postijiet nru 29 u 30.  Fiha naraw stampa mdaqqsa kopja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Murillo, pittur famuż Spanjol.  Kif għidna hemm ukoll santa tad-Duluri u ħafna santi ta’ nies li mietu.  Hija devota man-nies tal-post hekk li jkun hemm xemgħat u vażuni bil-fjuri quddiem dawn ix-xbihat.

F’wesgħa li tidħol għaliha mill-mina ewliena ta’ Hubbard Flats, madwar għaxar snin ilu saret niċċa kbira u moderna bi statwa tal-Kunċizzjoni f’post ċentrali.  Dan sar meta r-residenti ħadu inizjattiva li jirranġaw l-inħawi li ġew ferm isbaħ milli kienu.  L-istatwa tal-Kunċizzjoni li nsibu f’din in-niċċa hija ta’ daqs naturali u saret u nżebgħet mill-aħwa Mario u Gino Vassallo.  Hija statwa sabiħa u fin-niċċa hemm ukoll pavaljun ikħal.  In-niċċa u l-istatwa miżmumin tajjeb u jżejnu l-inħawi.

Fi Triq il-Pellegrinaġġ qabel taqbad Triq San Mark insibu niċċa żgħira li fiha hemm santa tal-kwadru tal-Madonna tal-Kor.  Taħtha hemm lapida żgħira ta’ l-irħam f’għamla trijangolari li fiha naqraw li l-Isqof Mons. Carmelo Scicluna kien ta indulġenzi lil min jgħid ‘Salve Reginab’devozzjoni quddiem din ix-xbieha ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Din in-niċċa jeħtieġ li tkun restawrata u l-istampa tinbidel għax mitfija.

Fi Triq id-Dejqa, bejn il-postijiet nru 6 u 7, nsibu niċċa ħelwa ta’ l-injam.  Hija wkoll niċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li fiha statwa ħelwa f’abside li n-naħa ta’ fuq tispiċċa f’għamla ta’ arzella.  Għandha pizz li fih impinġija l-emblema tal-Madonna bit-tnax-il kewkba u mensola tal-ġebel li fiha d-dawl elettriku, minbarra fjuri fin-niċċa.  Din kien jieħu ħsiebha Rafel il-Kurdar meta kien joqgħod hemm, illum baqa’ ibnu Ġorġ jieħu ħsieb. Ma’ ġenb in-niċċa naraw erba’ pilastri li jkomplu jżejnu din in-niċċa li hija miżmuma tajjeb.

Niċeċ tal-Madonna u Sant’ Anna fi Triq Xandru

Il-Madonna bil-Bambin. Niċċa antika fi Triq Xandru.Fit-triq bl-isem storiku ta’ Xandru għal Sir Alexander Ball, li mexxa Malta wara t-tluq tal-Franċiżi, insibu żewġ niċeċ tal-Madonna u oħra tal-Madonna m’ommha Sant’ Anna.  L-ewwel waħda jekk nimxu ‘l ġewwa min-naħa ta’ l-Iskola Primarja hija niċċa żgħira li għadha kif saret fil-kantuniera ma’ Triq Nelson.  Fiha naraw statwa żgħira ta’ Sant Anna qiegħda żżomm id il-Madonna li għandha ktieb f’idejha.

In-naħa l-oħra f’tarf it-triq hemm niċċa tal-ġebel li tidher antika u fiha statwa mdaqqsa tal-Madonna, bil-kuruna fuq rasha u l-Bambin f’idha l-leminija.  F’idha l-oħra għandha qisha ħobża żgħira, għandu mnejn biex turi l-providenza jew il-karitaċ.  Taħt riġlejn il-Madonna hemm qamar kbir u fuq pedestal sempliċi naraw wiċċ ta’ anġlu bil-ġwienaħ.  Kemm l-istatwa li mhix komuni, u anke l-faċċata fejn tinsab għandhom bżonn ta’ restawr immedjat għax inkella żgur li din in-niċċa tintilef u tkun ħasra kbira.

F’nofs Triq Xandru bejn dawn iż-żewġ niċeċ li semmejna hemm niċċa oħra ta’ l-injam bil-pizz fuqha, li fiha statwa tal-Madonna tar-Raġġi.  ma’ ġenbha nsibu żewġ fanali u d-dawl elettriku.  Taħtha hemm niċċa żgħira ħafna tal-qalb ta’ Ġesu’, żewġ daħliet fil-ħajt għax-xemgħat u mensola fejn jistgħu jitpoġġew il-vażetti tal-fjuri jew mixgħela.

 

Xbihat tal-Madonna tal-Midalja jew tar-Raġġi 

Minbarra x-xbieha tal-Madonna tar-Raġġi fi Triq Xandru, nsibu oħra mdaqqsa fi Triq Luigi Rosato qabel taqbad Triq San Mikiel.  Hija statwa miżbugħa bajda fuq sfond ikħal u tinsab fuq xkaffa f’kantuniera.  Jkollha fjuri u xemgħat quddiemha u ma’ ġenbha hemm żewġ fanali tad-dawl.  Statwa oħra tal-Madonna tar-Raġġi jew tal-Midalja, narawha kif tidħol f’dawk li kienu barracks ta’ Verdala. Hija mdaqqsa, miżbugħa b’libsa bajda u bil-mant ikħal, u tinsab quddiem il-post għall-Persuni b’Diżabilitaċ. Fuq il-bejt ta’ l-Azzjoni Kattolika ta’ l-irġiel fi Triq l-Oratorju u fuq il-bejt tad-dar nru 14, Triq il-Polvrista hemm ukoll xbihat oħra tal-Madonna tar-Raġġi.  Dari kien hemm statwa tal-Madonna fuq bejt fi Triq l-Oratorju li llum m’għadhiex hemm.

Statwi u Niċeċ li m’għadhomx

F’dawn l-inħawi kien hemm żewġ statwi u niċċa li m’għadhomx f’posthom.  Fi Triq il-Mitħna kien hemm niċċa tal-Madonna, skond in-nies tal-post, tal-Kunċizzjoni u li kienet ta’ sid id-dar qrib.  Kienet ma’ ġenb id-dar nru. 31 u kienet ta’ l-injam.  Fi Triq l-Oratorju, fuq nett, ma’ l-aħħar dar kantuniera ma’ Triq Santa Margerita kien hemm statwa mdaqqsa tal-Madonna li kienet tixbaħ il-vara titulari tal-Kunċizzjoni li kellna qabel l-1905, qabel ma saret tal-fidda.  Ħafna jiftakruha sewwa u kienet fuq dinja bis-simboli ta’ l-erba’ Evanġelisti.  Tneħħiet snin ilu x’aktarx minn min ħa dik id-dar.  Min neħħieha ċaħħadna minn parti minn wirt beltna!  Tista’ ssir oħra flokha.

Il-Madonna tal-Karmnu fit-Triq tal-Baqar u Triq Nelson 

Sal-bidu tas-snin ħamsin kienet għadha f’postha statwa kbira tal-Madonna tal-Niċċa bi statwa tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq NelsonKarmnu, fuq pedestal għoli fit-Triq tal-Baqar (Triq il-Gendus), għalkemm kienet nofsha mfarrka bil-bombi tal-gwerra.  Kienet xogħol ta’ Mastru Ċens Sammut (1810-1880), li l-iskultur Rabti ħadem fl-1854, is-sena li fiha saret id-Domma ta’ l-Immakulata.  Din l-istatwa kienet f’nofs il-pjazza li ġejja għan-niżla preċiż quddiem l-Ispiżerija ‘Verdala’

Meta kont għadni tifel niftakarha, u għakemm imkissra, fil-festa tal-Karmnu kienu xorta jpoġġu xemgħat u fjuri quddiema.  Tneħħiet fis-snin ħamsin, l-aħħar li niftakarha kien ħdejn il-Bieb ‘Notre Dame’ jew ‘Bieb is-Sultan’ li minn }aż-|abbar jagħti għal Bormla. 

Setgħet ġiet irranġata jew saret oħra imma ntilfet m’oħrajn darba għal dejjem.  Illum baqa’ tifkira tagħha f’xi ritratti rari.

   
Imma għad għandna statwa mdaqqsa tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq Nelson, triq imsemmija għall-famuż Ammiral Inġliż Orazju Nelson li jingħad li meta ġie Malta l-bastiment tiegħu rabat qrib din it-triq.  Hija statwa sabiħa u movumentata li turi l-Madonna tal-Karmnu bil-Bambin f’idha u bil-labtu tal-Karmnu.  Qiegħda fuq saljatura f’niċċa, f’tarf l-ewwel indani ta’ taraġ fuq nett qabel iddur.  Hija miżbugħa bajda fuq sfond ikħal u miżmuma tajjeb.  Din in-niċċa għandha wkoll karatteristika ta’ dari billi quddiem l-istatwa hemm lumpier li jista’ jittella’ u jitniżżel bil-ħabel.  Taħt din l-istatwa hemm kitba li tfakkar li Mons. Buhagiar ta 40 jum indulġenzi  għal min jgħid ‘Ave Maria’ quddiem din ix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu.  Ta’ min isemmi d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu li fil-knisja ta’ Santa Tereża, barra li hemm statwa sabiħa tagħha, issirilha l-festa tagħha f’Lulju.

Qalb ta’ Ġesu’ u Qalb ta’ Marija fi Triq Matty Grima

F’nofs Triq Matty Grima, qabel bl-isem ta’‘Strada Buongiorno’ li hija mtarrġa nsibu niċċa, taħt arkata pittoreska, li kienet inbidlet ix-xbieha ta’ ġewwa fiha.  Qabel kien hemm santa sabiħa tat-Trinitaċ Qaddisa tinkuruna lill-Madonna u issa hemm inkwatru bix-xbihat tal-Qalb ta’ Ġesu’ u l-Qalb ta’ Marija.  Taħt in-niċċa nsibu lapida li tfakkar 40 jum indulġenza mogħtija mill-Isqof Gaetano Pace Forno fil-11 ta’ Mejju, 1860, għad-devoti li jgħidu ‘Ave Maria’.

Il-Madonna ta’ Lourdes

Statwi tal-Madonna ta’ Lourdes insibu tlieta f’Bormla.  Diġa semmejna waħda li tinsab fil-fetħa mħaffra fil-blat taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli fl-artiklu tas-sena l-oħra.  Barra din insibu grotta bil-ġebel tal-gagazza bl-istatwi tal-Madonna ta’ Lourdes u Bernardetta fi pjazza li hemm ġewwa Verdala.  Din inġabret min-nies tal-post li jieħdu ħsiebha.  Ma’ ġenb il-grotta hemm il-bandiera Maltija u tal-Papa.

F’għar differenti fi Triq Hanover ftit ‘il fuq mill-knisja parrokkjali, hemm ukoll xbihat tal-Madonna ta’ Lourdes u Bernardetta.  Din il-grotta, b’arkata kienet saret bit-tħabrik ta’ Melda u żewġha Rosario Spiteri, li għamel ukoll ix-xogħol meħtieġ, kif ukoll bir-rieda tal-Kan. Dun Ġużepp Bonello.  Saret fl-1991 u fiha rħamiet bil-kliem, ‘Jien il-Kunċizzjoni Immakulata’, bl-ismijiet ta’ dawk lIl-Madonna ta' Lourdes fi Triq Hanover, qrib il-knisja parrokjali.i ħadu ħsieb biex saret, li diġa semmejniehom u bid-dati tad-dehriet tal-Madonna f’Lourdes.  Hemm ukoll kwadru b’din it-talba, ‘Tkun imfaħħra, imbierka, meqjuma, glorjuża l-Qalb Imqaddsa Divina ta’ Ġesu’ u ta’ Marija Verġni bla Tebgħa, mid-dinja kollha issa u dejjem’.  Fl-għar insibu mdendlin żewġ lamnpieri, xemgħat, qsari u fjuri.  L-istatwi nżebgħu minn Louis Vassallo qabel ma tpoġġew f’dan l-għar li qabel kien bir.  Dawn iż-żewġ xbihat tal-Madonna ta’ Lourdes huma miżmuma tajjeb, l-aktar dik ta’ ħdejn il-knisja li għadu jieħu ħsiebha Rosario Spiteri.

Barra minn dawn insibu bosta niċeċ żgħar oħra u xbihat mal-bibien, ornamenti bin-nome di Maria skolpitifuq bibien u fil-ħadid tal-gallariji, kif ukoll ismijiet tad-djar għal Sidtna Marija, bħal, ‘Marija Immakulata’, ‘Omm Alla’, ‘Omm Beltna’, ‘8 ta’ Diċembru’, u oħrajn li jkomplu jagħtu xhieda tad-devozzjoni li l-Bormliżi dejjem kellhom u għad għandhom lejn Ommna Marija, kif urejna fiċ-ċelebrazzjonijiet  matul din is-Sena taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni!

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com