Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Sibtijiet ta’ Marija
Kitba ta' Kan Anton Galea-Scannura

Is-Sibt li ġej nibdew is-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni, żmien li fih, nimxu ma’ Marija t-triq li twassal għand Binha Ġesu’. Din id-drawwa Bormliza, torbot is-santwarju tagħna ma’ bosta santwarji marjani oħrajn u teħodna lejn l-ewwel Sibt fl-istorja tal-Knisja, is-sibt li d-dixxipli għaddewh jishru ħdejn il-qabar ta’ Kristu, ma’ Marija imnikkta izda mimlija tama. Is-Sibt li kien il-jum qabel Ħadd il-Qawmien. Għalhekk jekk nidħlu fil-fond ta’ l-iskop ta’ dawn is-Sibtijiet insibu li ġej:

  1. 1. Ngħixu mill-ġdid l-istennija ta’ Kristu Irxoxt fil-ħajja tagħna. Meta Kristu hu magħna, allura l-ħajja kollha tagħna hija festa. Noqgħodu ma’ Marija fiċ-Ċenaklu nistennew il-qawmien ta’ Kristu. Jekk forsi matul is-sena bridna fil-ħajja nisranija, allura dan huwa z-zmien biex nerġgħu niskopru l-għeruq tal-fidi tagħna. San Bernard u San Tumas ifakkruna li l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira, jiġifieri is-Sibt, mara waħda biss baqgħet temmen fil-qawmien imwiegħed ta’ Kristu u din kienet Marija. Għalhekk tassew il-jum tas-Sibt hu l-Jum ta’ Marija. Hu ukoll il-jum tagħna biex nikbru fil-fidi.

    2. Niftakru ukoll fil-qawwa tat-talba tar-Ruzarju. Il-Beatu Bartolo Longo (1922) jirrakonta kif originat din id-devozzjoni. Jgħid li din id-drawwa bdiet fl-1627, meta r-Re Lwiġi XIII kien qed jeħodha kontra l-eretiċi kalvinisti u Ugonotti. Dawn ta’ l-aħħar kienu għoddhom ħakmu il-fortizza La Rochelle, u wara assedju kbir kellhom iċedu. Ir-Re pero’, stieden lin-nies għat-talba tar-Ruzarju. L-ewwel darba li ntqal hekk ir-Ruzarju, fi prezenza ta’ prinċpijiet u kardinali kien fis-27 ta’ Mejju 1627 fil-Knisja tad-Dumnikani iddedikata lil San Onoratu f’Pariġi. Komplew hekk kull nhar ta’ Sibt. Is-suċċess ta’ din l-esperjenza wassal lid-Dumnikani biex ixerrdu din id-devozzoni u jħeġġu lin-nies biex jersqu għat-tqarbin għal ħmistax il-Sibt. F’dawn il-ġranet kienet imħeġġa ukoll it-talba tar-Ruzarju. Din id-drawwa daħlet ukoll fil-Knejjes ta’ l-Italja t’isfel immexxijja mid-Dumnikani . Kien hekk li il-Markiza Filiasi di Somma bdiet ixxerred ktieb maqlub mill-Franċiz dwar din id-devozzjoni. Il-Beatu Bartolo Longo deherlu li l-ktieb kien fqir wisq fil-kontenut u għalhekk iddeċieda li jikteb ktieb ġdid hu, kif fil-fatt għamel. L-iskop kien li wieħed jidħol izjed fil-fond fil-ħajja ta’ Kristu u ta’ Marija, isir jixbaħhom billi jgħix il-virtujiet tagħhom u jitgħallem jitlob. Dawn l-idejali ta’ Bartolo Longo għadhom attwali għalina lkoll li niċċelebraw dawn is-Sibtijiet f’Bormla. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fir-Rosarium Virginis Mariae kien qal li dawn is-Sibtijiet huma mezz utli biex tidħol fir-ruħ kristoloġika u kontemplattiva tar-Ruzarju.

    3. Il-ħmistax il-Sibt ifakkruna li nistgħu niddedikaw kull Sibt lil Marija. Id-drawwa li l-Jum tas-Sibt jiġi ddedikat lil Madonna hu antik ħafna. Fl-ewwel zminijiet tal-Knisja, il-katekumeni ta’ Ruma li kienu jkunu irċevew il-magħmudija f’Sibt il-Għid kienu jmorru jinvistaw il-Knisja ta’ Santa Maria Maggiore is-Sibt ta’ wara. Din il-Knisja imbniet mill-Papa  Liberju fis-seklu erbgħa. San Ġwann Damaxxenu (+754)  jgħid li fil-Knejjes tal-Lvant diġa kien hemm id-drawwa li s-Sibt jiġi dedikat lill-Madonna. Kotba liturġiċi tas-sekli disa’ u għaxra juru li diġa kien hemm din id-devozzjoni. Alkwinu, Benedittin li kien qisu l-ministru ta’ l-edukazzjoni fil-qorti ta’ Karlu Manju daħħal din id-devozzjoni anki fil-liturġija u kiteb sitt quddisiet għal dan l-iskop. Din id-devozzjoni kompliet tikber u llum wara l-Konċilju Vatikan II jezisti messal u lezzjonarju marjan, b’46 quddies għal dan l-iskop. Għalhekk anki l-Liturġija tħeġġiġna niddedikaw dan il-jum lil Marija.
  1. Ejjew anki din is-sena inkomplu fuq il-passi tal-Bormlizi missirijietna u niċċelebraw dawn il-ħmistax il-Sibt ma’ Marija. Ngħixuh kif jgħallmuna l-qaddisin, bit-talba tar-Ruzarju u bis-sehem fil-quddiesa li ssir apposta fil-parroċċa fis-6.00pm. Niċċelebrawhom ukoll fi spirtu ta’ riparazzjoni għad-dagħa bl-isem ta’ Marija, għal dawk li ħallew il-quddies tal-Ħadd u għad-dnubiet kontra l-familja. Niċċelebrawhom ukoll bi spirtu ta’ interċessjoni.
  2. Nitolbu bil-ħerqa lil Marija li l-parroċċa tagħna ssir iktar parroċċa marjana. J’alla dawn is-Sibtijiet iservu biex fina jiġi ffurmat Kristu, Iben Marija.

 

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com