Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe
 

Lejn Sena Ċentinarja

(Meħuda mill-Kelma ta' l-Arċipriet tal-Fuljett Parrokkali Diċembru 2003)

Qegħdin noqorbu lejn il-150 sena mill-proklamazzjoni tad-domma tal-konċepiment immakulat ta' Sidtna Marija. Din il-ġrajja solenni fil Knisja Universali tfakkret fostna 50 sena wara permezz ta' l-inkurunazzjoni tax-xbieha ta' l-Immakulata fil- kwadru tas-santwarju fil-kor. Bħalissa mhux biss beda d-diskors, iżda bdew ukoll il-preparazzjonijiet biex jitfakkru dawn il-ġrajjiet.

X'qed nifhmu meta nitkellmu kif se nfakkru ċ-ċentinarju? Donnu xi wħud jaraw biss l-estern. Oħrajn irridu pompa u sensazzjoni. Hemm min jifhem opri ġodda ta' tiżjin. Tinħasad tisma' motivazzjoni ta' wħud li tkun 'l bogħod mill-glorja ta' Alla; għaz tidħol il-pika, l-għira u l-firda.

Iċ-Ċentinarju jrid ikun "tifkira li ġġedded u tagħmel preżenti l-għemejjel ta' Alla fl-istorja tas-salvazzjoni" bl- interċessjoni ta' Marija Immakulata. L-iskop ewlieni ta' kull ċelebrazzjoni fiċ-ċentinarju, sew jekk reliġjużi, kif ukoll jekk kulturali jew soċjali għandu jkun li kull wieħed u waħda minna "ninfetħu għall-grazzja li Kristu kisbilna bil-misteri tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien Tiegħu". Jekk dan l-iskop mhux se jkun iċ-ċentru li fuqu jinbena ċ-ċentinarju, allura faċli nkunu pagani.

Quddiem il-ġrajja taċ-ċentinarju li riesqa, noħlom nara lil min tbiegħed mis-sagramenti u l-komunita' nisranija li jerġa' lura fil-Knisja ta' Kristu. Noħlom li nissaħħu fil-ġlieda kontra d-dnub billi nimxu skond il-kmandamenti ta' Alla. Noħlom li l-arja tindaf mid-dagħa u ż-żeblieħ lil Alla u lil Ommu u Ommna Marija. Noħlom li l-familji joffru ambjent ta' mħabba, eżempji u sigurta' lit-tfal permezz ta' ħajja li tagħraf is-sens tat-talb. Noħlom li nitgħallmu kif naċċettaw lil xulxin u naħdmu flimkien bir-rispett, mingħajr spirtu ta' għira u pika jew ġudizzji. Noħlom li lkoll nifhmu s-sinjal ta' Marija Kunċizzjoni li Alla tana għal ħajjitna. Ejjew minn issa nħejju lilna nfusna b'mod sinċier u profond billi qalbna tinqata' minn kull rabta jew mentalita' ħażina, ħalli qalbna bħal ta' Marija Immakulata tkun safja għax tfittex dejjem lil Alla.

 

Kan. Joe Mifsud
Arċipriet

kwadru

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com