Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

IL-MIXJA MARJANA SAS-SANTWARJUTA’ L-IMMAKULATA
Kitba ta' Mario Attard

ĠUNJU 2005

Il-qima lejn il-Madonna f’Bormla ilha marbuta snin fuq snin. Inħarsu lejn il-kappella f’Santa Liena kif ukoll lejn il-parroċċa ta’ l-istess belt Cospicua u nsibu xhieda ssaħħaħ lill-oħra. Meta jitqiesu dawn il-mijiet ta’ snin kollha bil-qalb tal-Bormliżi mfawra bl-imħabba lejn Ommna Marija - minkejja t-taqlib fil-popolazzjoni ħtija ta’ riżultati soċjali (kemm lokali kif ukoll barranin), bil-fors ikun emmnut li l-qima u l-imħabba lejn il-Madonna fost il-Bormliżi ma kienu qatt xi ħaġa tal-mument, anzi xi ħaġa konkreta u li fuq kollox għadha sal-lum tissaħħaħ.

Minn fuq il-poplu Bormliż għaddew ġenerazzjonijiet fuq ġenerazzjonijiet. L-iktar komuni bejniethom dejjem kien it-trawwim fl-imħabba u l-qima lejn il-Madonna. Bil-ħila ta’ hekk trabbiet għaqda parrokkjali u għan komuni li għadu sal-lum isaħħaħ lill-Bormliżi  -  Bormla u l-Madonna ma jinfirdux!

Bil-għan li nsibu fost l-eqdem għeruq tal-bini ta’ kappelli u knejjes f’Bormla, immorru l-bidu tan-niżla fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Liena. Hemmhekk insibu ppreservata kappella fil-blat taħt blokk bini residenzjali tal-Gvern. Din il-kappella titfagħna lura mijiet ta’ sħaħ ta’ snin, jiġifieri meta Bormla kienet għadha biss magħrfua u mfittxija mis-sajjieda għall-qala fertili li kellha (u li nqerdet fil-bidu ta’ l-Ingliżi biex inbena l-baċir numru wieħed). Il-kappella msemmija nsibu li kienet tqim lil Marija Verġni tan-Nativita’, akkumpanjata minn żewġ altari oħra: ta’ Sant’ Andrija (patrun tas-sajjieda) u Santa Liena (li sabet is-salib ta’ Kristu) li tirrifletti ż-żona ta’ Bormla.

Jekk il-kappella ta’ Marija Verġni tan-Nativita` tikkonferma r-rabta ta’ l-hekk imsejħa Burmola, il-bini ta’ kappella oħra, din id-darba fuq l-Għolja tal-Ġonna (fejn illum tinsab wieqfa l-parroċċa) fetħet it-triq għal żvilupp ma jaqtax fejn tidħol il-qima u l-imħabba mill-Bormliżi ta’ kull żmien li segwa minn dak in-nhar ’il hawn lejn l-Omm ta’ l-Iben ta’ Alla.

Dak li wassal biex tinbena dik li llum hija l-parroċċa ta’ Bormla kienet id-dehra tal-Madonna tal-Marżappa tidħol għal tarbija li kienet qiegħda tissawwat bla ħniena f’idejn ix-xitan. Petruzza, dik in-naqra ta’ tfajla ċkejkna ċkejkna kienet tiġi bint il-Kaptan Rokku, Sqalli, li x-xini tiegħu kienet ankrata fil-qala taħt l-istess għolja. Lil din ix-xena tal-waħx fuq naħa u ta’ grazzja fuq oħra raha b’għajnejh il-Kaptan Rokku u sħabu li kienu telgħu jagħtu l-għajnuna għal dak l-ilfiq ta’ dik it-tarbija. B’radd il-ħajr lill-Madonna li salvatlu lil bintu mill-qilla tax-xitan, dan il-kaptan bena knisja mdaqqsa ddedikata lil Santa Marija tas-Sokkors. Din il-knisja ssemmiet mill-Viżitatur Appostoliku Pietro Dusina fiż-żjara Pastorali tal-1575. Fl-1586 Bormla saret parroċċa b’Dun Mikiel Kap ikun l-ewwel kappillan. B’kuntrast insemmi ż-żjara Pastorali ta’ l-Isqof Gargallo fl-1602 fejn insibuha bħala l-Parroċċa ta’ Santa Marija Kunċizzoni tas-Sokkors. Ħidma ta’ Dun Mikiel Kap (1584 - 1642) kienet it-tkabbir tal-parroċċa biex tlaħħaq mal-għadd tal-poplu li kien qiegħed jiżdied. L-ewwel ġebla kienet tqiegħdet lejlet il-festa tal-1635. Waqqaf il-Fratellanzi tas-Sagrament u ta’ l-Agunija (li mbagħad saret tal-Kurċifiss).

Il-Kappillan suċċessur tiegħu kien ħuh Dun Palmiero Cap (1642 - 1659). Dan isaħħaħ b’mod speċjali l-fratellanza tal-Kunċizzjoni u fuq kollox kien ordna statwetta tal-Madonna biex tibda tinġarr fil-purċissjoni.

Taħt il-Kappillan Dun Ġannmari' Barbara (1668 - 1689) seħħet il-ġrajja tal-Kurċifiss ta’ Kandja li kien daħal fix-xatt ta’ Bormla wara maltempata msemmija. Kien f’dan iż-żmien li l-Fratellanza ta’ l-Agunija bdiet tissejjaħ tal-Kurċifiss. Taħt Dun Ġannmari' beda jinbena l-kappellun tal-Kurċifiss li mbagħad tlesta fl-1690 taħt is-suċċessur tiegħu Dun Pawl Lamagna (1690 - 1691). Dan il-kappellun laqa’ fih b’mod permanenti lill-Kurċifiss ta’ Kandja fejn għadu sal-lum.

L-istoriku Charles Galea Scannura jikteb li Jidher li tul is-snin, il-knisja beda jsir fiha xi tibdil sakemm bejn l-1627 u l-1632 tista’ tgħid li nbniet mill-ġdid. ¹ Inbnew in-navi u b’riħet hekk bdew jiżdiedu l-altari. Il-Kappillan Lamagna ġab il-permess tal-bini tal-Kor b’faċċata barokka u nbeda fl-1711. Dan il-kor qanqal ix-xewqa għal kwadru titulari li tlesta fl-1715. Kien sar minn Karlu Gimach fuq ordni tal-prokuraturi Dun Xand Camilleri u Dun Ġannpatist de Candia. Ta’ min jgħid li fuq osservazzjoni ta’ l-Isqof Gargallo, fl-1602 il-parroċċa ta’ Bormla kellha kwadru titulari qadim fuq stil Grieg b’Sidtna Marija f’nofs ħafna qaddisin.

Fl-1725 Dun Xand Camilleri ppreżenta l-istatwa tal-Kunċizzjoni maħduma miz-zokk tas-‘Siġra tal-Madonna’ mis-soru Maria de Domenicis ².

Fi żmien il-Kappillan Dun Ġ. Giżostmo Crispo (1717 - 1742) żdiedu l-kappelluni ta’ Santa Katarina, San Ġużepp, tas-Sagrament u tal-Madonna tal-Grazzja. Dan kien fl-1730. Bejn is-snin 1731 u 1735 inbena wkoll l-Oratorju tal-Kurċifiss.

Dun Ġużepp Bezzija (1809 - 1824) kien kappillan li fuq kollox fittex li jkabbar lill-parroċċa ta’ Bormla fid-dinjitaċ. Wara rikors lis-Santa Sede, il-Papa Piju VII ipproklama lill-parroċċa ta’ Bormla f’Kolleġġjata Insinji b’digriet  tas-7 ta’ Lulju 1822. Dan fisser li l-Kappillan Bezzina, li kien it-tmintax-il wieħed, sar l-ewwel Arċipriet tal-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Bormla.

L-Arċipriet-Kurat Dun Anton Scisascato (1827 - 1834) beda d-drawwa għażiża mal-Bormliżi sal-ġurnata tal-lum tal-ħmistax-il Sibt tal-Madonna li ssegwihom il-festa titulari ta’ Bormla ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.

Hawnhekk naslu għall-kwadru titulari preżenti ta’ Pietru Pawl Caruana. Mons. Ludoviku Mifsud Tommasi, Bormliż, xtaq jitpitter kwadru teologu kbir ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni biex jirregalah lill-parroċċa kolleġġjata ta’ Bormla bil-għan li jkun it-titular il-ġdid minflok ta’ Gimach. Qabbad lill-pittur Pietru Pawl Caruana jpittirlu dan il-kwadru fuq abbozz li tah bil-quddiem.

Il-kwadru ġdid tal-Kunċizzjoni  tlesta fl-1828 iżda l-Kapitlu ma aċċettahx kif ġieb u laħaq. Kellha tasal is-sena 1850 biex dan il-kwadru laħaq l-għan tiegħu. Madanakollu xorti kbira kienet qiegħda tistennih.

Ta’ interess kbir huwa l-fatt li fl-abbozz tiegħu Mifsud Tommasi ried li l-Madonna tkun liebsa l-abjad b’faxx ikħal idur ma’ qaddha. Fl-1854 il-Papa Piju X ħareġ id-Domma ta’ l-Immakulat Konċepiment tal-Madonna. Erba’ snin wara, f’għar ġewwa Lourdes, fi Franza, wara li l-Madonna bdiet tidher liebsa l-abjad bil-faxx ikħal idur ma’ qaddha lit-tfajla fqajra Bernardina Soubirous. Fis-sittax-il dehra s-‘Sinjura s-Sabiħa’ stqarret ma’ Bernardina illi hija l-Immakulata Kunċizzjoni!

Hawnhekk id-dinja xegħlet u ma setax jonqos li l-Bormliżi faru bil-ferħ kemm għax il-Madonna dehret liebsa kif Mons. Mifsud Tommasi kien ispirat li jpinġi lill-Kunċizzjoni fil-kwadru msemmi ’l fuq, kif ukoll għaliex it-twemmin li missirijiethom kellhom minn sekli sħaħ qabel dan kollu  -  meta d-dinja kienet dejjem maqsuma bejn dawk konvinti li l-Madonna kienet imnissla bla dnub tan-nisel (għalhekk hija Immakulata) u oħrajn li kienet ftit jew wisq xettiċi dwar l-istess każ.

Il-Bormliżi riedu jikkommemoraw l-avveniment tad-digriet dommatiku tal-Kunċizzjoni billi jinkurunaw ras il-Madonna bħala Sultana fuq il-ħażen. B’din ix-xewqa f’moħħu, il-Kapitlu Bormliż ħass li l-kwadru ta’ Caruana, ikkummissjonat minn Mons. Ludoviku Mifsud Tommasi, kien iktar jixraq għal okkażjoni unika bħal dik li kienet riesqa.

Il-qofol intlaħaq fil-25 ta’ Ġunju 1905, meta l-Kardinal Domenico Ferrata, mibgħut mill-Papa Piju X innifsu bħala Legat tiegħu stess, inkuruna ras il-Madonna fil-kwadru titulari, magħruf ukoll bħala l-kwadru tal-Madonna tal-Kor.

Riferenzi

  • Tagħrif Storiku dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, Charles Galea Scannura, Kummissjoni Fuljett tal Kunsill Parrokkjali ta’ Bormla, 1983, paġna 5.
  • Żvilupp tal-Qima lejn Marija Verġni Immakulata f’Bormla, Anon (G. Cassar), Giov. Muscat, 1949, paġna 36.

© 2005 Paroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com