Merħba

Nagħti merħba lilkom ilkoll li ssegwu l-websajt tal-parroċċa.

Bħal ma ndunajtu, iż-żmien ta’ egħluq minħabba l-COVID-19 serva biex  dorna dawra mal-websajt l-antika u ġeddidha.

Fil-kuntatti li kellna sabiex sar dan il-proċess kollu, ridna li din il-websajt il-ġdida isservi erba’ skopijiet prinċipali:

1. Tagħrif u arkivju żgħir dwar il-beni kemm mobbli kif ukoll immobbli li għandha l-parroċċa. Dan ifisser li min ikun jixtieq xi tagħrif dwar storja ta’ knejjes, kappellel, statwi, artikli u ċelebrazzjonijiet ikun jista’ jakkwistahom minn din il-websajt. Naturalment dan irid jinbena bil-mod il-mod.

2. Informazzjoni aktar mifruxa. Hawnhekk xtaqna li fil-websajt il-ġdida wieħed ikun jista’ jsib informazzjoni dwar dak kollu, kemm reliġjuż kif ukoll soċjali, li jsir ġo Bormla. Xtaqna li barra l-għaqdiet kollha ta’ Bormla, ninkludu wkoll informazzjoni dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa, tobba, dentisti, avukati, nutara, spiżeriji, eċċ li hawn fil-belt tagħna.

3. Kommunikazzjoni. Xewqa prinċipali tagħna hija li permezz ta’ din il-websajt inkunu nistgħu inwasslu tagħrif, anke viżwali, ta’ dak kollu li jkun qed isir min-naħa tal-Knisja. Per eżempju għandna l-ħsieb li ikollna tagħrif dwar iż-żewġ proġetti ta’ restawr li qed isiru bħalissa fil-Knisja, jiġifieri l-pittura tal-Cali fil-koppla tal-Kappella tal-Kurċifiss u l-koppla tal-kappella tal-Kurċifiss. Dan jinkludi wkoll l-avviżi li jsiru fil-Knisja matul il-weekend.

4. Formazzjoni. Nixtiequ li din il-paġna toffri mezz żgħir għall-formazzjoni. Apparti l-LINKS għal diversi websajts oħra reliġjużi u l-Flimkien ta’ kull xahar, nixtiequ li jkun fiha siltiet mill-Iskrittura u ħsibijiet reliġjużi oħra li wieħed jista’ jsegwi kull tant żmien.​

It-tama tagħna hija li permezz ta’ din il-websajt inkunu ta’ servizz għall Bormliżi kollha, kemm dawk li joqgħodu Bormla kif ukoll dawk imxerrdin madwar Malta u mad-dinja.

Grazzi lilkom ilkoll u welcome f’din il-websajt.

Ġesu’ magħkom.

Dun Anton