Author: Brian Buhagiar

Statwi fil-Pjazez u Toroq ta’ Bormla – Is-6 Parti

Kitba ta’ Sunny Aquilina

F’din is-sena Ċentinarja se nkomplu nitkellmu fuq statwi u niċeċ tal-Madonna ġewwa Bormla, il-‘Belt ta’ l-Immakulata’.  Fil-fatt f’artikli fis-snin l-imgħoddija diġa tkellimna fuq l-istatwa tal-Kunċizzjoni ta’ quddiem il-knisja kolleġġjata ta’ Bormla, statwa oħra tal-Kunċizzjoni li kien hemm Santa Liena, oħra tal-Kunċizzjoni fi Triq il-Kunċizzjoni u n-niċċa li kien hemm ta’ l-Immakulata fi Pjazza Paolino Vassallo kantuniera ma’ Sqaq il-Kunċizzjoni. Ktibna wkoll fuq in-niċċa tal-Kunċizzjoni li hemm fi Triq San Pawl, il-Madonna ta’ Trapani fil-faċċata tal-knisja ta’ Santa Tereża u n-niċċa tal-Kwadru tal-Kor ma’ ġenb l-istess knisja, In-niċċa ta’ Santa Marija f’Bieb Bormla, u l-Madonna bil-Bambin fid-daħla fil-blat taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli li fiha hemm ukoll statwa mdaqqsa tal-Madonna ta’ Lourdes.

Monument Taċ-Ċentinarju Mill-Inkurunazzjoni

Minn dan naraw kemm il-poplu Bormliż huwa marbut mal-Patruna Speċjali tiegħuIl-Monument taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni fi Pjazza Gavino Gulia. Marija Immakulata u biex inkomplu nuru din id-devozzjoni se nsemmu aktar statwi u niċeċ tal-Madonna f’Bormla.  Bix-xieraq f’din is-sena nibdew bil-Monument li sar b’tifkira taċ-Ċentinarju mill-inkurunazzjoni bix-xbieha tal-Madonna Inkurunata indurata bid-deheb.  |ejjen Pjazza Gavino Gulia u l-inawgurazzjoni tiegħu saret nhar il-}add 19 ta’ Ġunju, 2005 u n-nies attendiet bi ħġarha.  Huwa xogħol tal-marmista Ronald Pisani, skultura u funditura tal-Madonna u l-panewijiet ta’ Joe Chetcuti, induratura minn John Pace, il-Perit kien Joseph Cassar, u dawl mid-Ditta Nexos.  Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla wkoll ta l-għajnuna tiegħu u kulħadd faħħar dan il-monument artistiku! Grazzi wkoll lill-benefatturi kollha.

Statwi Tad-Duluri Fi Triq
L-Oratorju U Fiċ-Ċimiterju

Ma’ ġenb il-bieb ta’ l-Oratorju hemm maħżen u fuqu naraw xbieha żgħira tad-Duluri.  Statwa tad-Duluri ma ġenb l-OratorjuStatwa sabiħa tad-Duluri tinsab mal-ġenb ta’ l-Oratotju, eżatt taħt il-kampnar.  Din hija statwa antika. Mil-lapida li tfakkar l-indulġenzi mogħtija mill-Isqof Bartolomeo Rull fl-1759, li hemm mal-pedestall għoli naqraw li 40 jum ta’ indulġenzi jingħataw lil min jgħid ‘Ave Maria’ quddiem din ix-xbieha ta’ Sidtna Marija Addolorata.  L-istatwa tad-Duluri li naraw illum qabel kienet fiċ-Ċimiterju ta’ l-Erwieħ li hemm fi sqaq ‘il fuq mill-knisja ta’ San Pawl.  Tpoġġiet f’postha fl-1897 flok l-oħra li kienet saret fl-1759 mill-iskultur Gaetano Fabri u swiet 46 skud u 9 tarin.  Dan il-bdil sar b’deċiżjoni tal-Fratellanza tal-Kurċifiss.  L-istatwa għandha s-sejf jinfdilha qalbha u kuruna tax-xewk f’idha l-leminija. Qiegħda fuq pedestal għoli u eleganti li fih simboli tal-passjoni bħall-kuruna tax-xewk, il-lanza u l-isponża. Fuq kartella bis-simbolu tal-qalb ta’ Marija minfuda bis-sejf naqraw dawn Il-kelmiet ‘Attendite universi populi, et videte dolorem meum. Hier: Cap.1 ’- }arsu lejja ġnus kollha u araw in-niket tiegħi.’  L-istatwa ta’ Gaetano Fabri, li kien hemm qabel, tpoġġiet flok l-oħra fiċ-Ċimitarju ta’ l-Erwieħ li diġa semmejna.  Sfortunatament dan iċ-ċimiterju, li kien inbena għall-pesta ta’ l-1676, jinsab magħluq u ma tistax tara sewwa din l-istatwa antika li hija sabiħa wkoll. Fabri kien skultur tajjeb u tiegħu għandna xogħol fl-Oratorju.

Niċċa Tad-Duluri Fi Triq Santa Liena

Ta’ min isemmi wkoll li hemm niċċa ta’ Marija Addolorata, bi kwadru bix-xbieha tad-duluri mlibbsa bid-drapp, li tinsab fi Triq Santa Liena mal-ħajt ftit ‘il fuq mill-Mina ta’ Santa  Liena int u tiela lejn in-naħa ta’ Verdala.  Naraw ukoll santa kbira tad-Duluri fin-niċċa ta’ l-aluminjum li hemm fi Triq San Mikiel, imma din hija niċċa tal-Kunċizzjoni.

Niċeċ Tal-Kunċizzjoni Fi Triq San Mikiel,
Id-Dejqa, Il-Pellegrinaġġ,
U Statwa Tal-Kunċizzjoni F’Hubbard Flats

Din in-niċċa moderna fi Triq San Mikiel tinsab bejn il-postijiet nru 29 u 30.  Fiha naraw stampa mdaqqsa kopja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Murillo, pittur famuż Spanjol.  Kif għidna hemm ukoll santa tad-Duluri u ħafna santi ta’ nies li mietu.  Hija devota man-nies tal-post hekk li jkun hemm xemgħat u vażuni bil-fjuri quddiem dawn ix-xbihat.

F’wesgħa li tidħol għaliha mill-mina ewliena ta’ Hubbard Flats, madwar għaxar snin ilu saret niċċa kbira u moderna bi statwa tal-Kunċizzjoni f’post ċentrali.  Dan sar meta r-residenti ħadu inizjattiva li jirranġaw l-inħawi li ġew ferm isbaħ milli kienu.  L-istatwa tal-Kunċizzjoni li nsibu f’din in-niċċa hija ta’ daqs naturali u saret u nżebgħet mill-aħwa Mario u Gino Vassallo.  Hija statwa sabiħa u fin-niċċa hemm ukoll pavaljun ikħal.  In-niċċa u l-istatwa miżmumin tajjeb u jżejnu l-inħawi.

Fi Triq il-Pellegrinaġġ qabel taqbad Triq San Mark insibu niċċa żgħira li fiha hemm santa tal-kwadru tal-Madonna tal-Kor.  Taħtha hemm lapida żgħira ta’ l-irħam f’għamla trijangolari li fiha naqraw li l-Isqof Mons. Carmelo Scicluna kien ta indulġenzi lil min jgħid ‘Salve Regina’ b’devozzjoni quddiem din ix-xbieha ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Din in-niċċa jeħtieġ li tkun restawrata u l-istampa tinbidel għax mitfija.

Fi Triq id-Dejqa, bejn il-postijiet nru 6 u 7, nsibu niċċa ħelwa ta’ l-injam.  Hija wkoll niċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li fiha statwa ħelwa f’abside li n-naħa ta’ fuq tispiċċa f’għamla ta’ arzella.  Għandha pizz li fih impinġija l-emblema tal-Madonna bit-tnax-il kewkba u mensola tal-ġebel li fiha d-dawl elettriku, minbarra fjuri fin-niċċa.  Din kien jieħu ħsiebha Rafel il-Kurdar meta kien joqgħod hemm, illum baqa’ ibnu Ġorġ jieħu ħsieb. Ma’ ġenb in-niċċa naraw erba’ pilastri li jkomplu jżejnu din in-niċċa li hija miżmuma tajjeb.

Niċeċ Tal-Madonna U Sant’ Anna Fi Triq Xandru

Il-Madonna bil-Bambin. Niċċa antika fi Triq Xandru.Fit-triq bl-isem storiku ta’ Xandru għal Sir Alexander Ball, li mexxa Malta wara t-tluq tal-Franċiżi, insibu żewġ niċeċ tal-Madonna u oħra tal-Madonna m’ommha Sant’ Anna.  L-ewwel waħda jekk nimxu ‘l ġewwa min-naħa ta’ l-Iskola Primarja hija niċċa żgħira li għadha kif saret fil-kantuniera ma’ Triq Nelson.  Fiha naraw statwa żgħira ta’ Sant Anna qiegħda żżomm id il-Madonna li għandha ktieb f’idejha.

In-naħa l-oħra f’tarf it-triq hemm niċċa tal-ġebel li tidher antika u fiha statwa mdaqqsa tal-Madonna, bil-kuruna fuq rasha u l-Bambin f’idha l-leminija.  F’idha l-oħra għandha qisha ħobża żgħira, għandu mnejn biex turi l-providenza jew il-karitaċ.  Taħt riġlejn il-Madonna hemm qamar kbir u fuq pedestal sempliċi naraw wiċċ ta’ anġlu bil-ġwienaħ.  Kemm l-istatwa li mhix komuni, u anke l-faċċata fejn tinsab għandhom bżonn ta’ restawr immedjat għax inkella żgur li din in-niċċa tintilef u tkun ħasra kbira.

F’nofs Triq Xandru bejn dawn iż-żewġ niċeċ li semmejna hemm niċċa oħra ta’ l-injam bil-pizz fuqha, li fiha statwa tal-Madonna tar-Raġġi.  ma’ ġenbha nsibu żewġ fanali u d-dawl elettriku.  Taħtha hemm niċċa żgħira ħafna tal-qalb ta’ Ġesu’, żewġ daħliet fil-ħajt għax-xemgħat u mensola fejn jistgħu jitpoġġew il-vażetti tal-fjuri jew mixgħela.

Xbihat Tal-Madonna Tal-Midalja Jew Tar-Raġġi 

Minbarra x-xbieha tal-Madonna tar-Raġġi fi Triq Xandru, nsibu oħra mdaqqsa fi Triq Luigi Rosato qabel taqbad Triq San Mikiel.  Hija statwa miżbugħa bajda fuq sfond ikħal u tinsab fuq xkaffa f’kantuniera.  Jkollha fjuri u xemgħat quddiemha u ma’ ġenbha hemm żewġ fanali tad-dawl.  Statwa oħra tal-Madonna tar-Raġġi jew tal-Midalja, narawha kif tidħol f’dawk li kienu barracks ta’ Verdala. Hija mdaqqsa, miżbugħa b’libsa bajda u bil-mant ikħal, u tinsab quddiem il-post għall-Persuni b’Diżabilitaċ. Fuq il-bejt ta’ l-Azzjoni Kattolika ta’ l-irġiel fi Triq l-Oratorju u fuq il-bejt tad-dar nru 14, Triq il-Polvrista hemm ukoll xbihat oħra tal-Madonna tar-Raġġi.  Dari kien hemm statwa tal-Madonna fuq bejt fi Triq l-Oratorju li llum m’għadhiex hemm.

Statwi U Niċeċ Li M’għadhomx

F’dawn l-inħawi kien hemm żewġ statwi u niċċa li m’għadhomx f’posthom.  Fi Triq il-Mitħna kien hemm niċċa tal-Madonna, skond in-nies tal-post, tal-Kunċizzjoni u li kienet ta’ sid id-dar qrib.  Kienet ma’ ġenb id-dar nru. 31 u kienet ta’ l-injam.  Fi Triq l-Oratorju, fuq nett, ma’ l-aħħar dar kantuniera ma’ Triq Santa Margerita kien hemm statwa mdaqqsa tal-Madonna li kienet tixbaħ il-vara titulari tal-Kunċizzjoni li kellna qabel l-1905, qabel ma saret tal-fidda.  Ħafna jiftakruha sewwa u kienet fuq dinja bis-simboli ta’ l-erba’ Evanġelisti.  Tneħħiet snin ilu x’aktarx minn min ħa dik id-dar.  Min neħħieha ċaħħadna minn parti minn wirt beltna!  Tista’ ssir oħra flokha.

Il-Madonna Tal-Karmnu Fit-Triq Tal-Baqar U Triq Nelson 

Sal-bidu tas-snin ħamsin kienet għadha f’postha statwa kbira tal-Madonna tal-Niċċa bi statwa tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq NelsonKarmnu, fuq pedestal għoli fit-Triq tal-Baqar (Triq il-Gendus), għalkemm kienet nofsha mfarrka bil-bombi tal-gwerra.  Kienet xogħol ta’ Mastru Ċens Sammut (1810-1880), li l-iskultur Rabti ħadem fl-1854, is-sena li fiha saret id-Domma ta’ l-Immakulata.  Din l-istatwa kienet f’nofs il-pjazza li ġejja għan-niżla preċiż quddiem l-Ispiżerija ‘Verdala’

Meta kont għadni tifel niftakarha, u għakemm imkissra, fil-festa tal-Karmnu kienu xorta jpoġġu xemgħat u fjuri quddiema.  Tneħħiet fis-snin ħamsin, l-aħħar li niftakarha kien ħdejn il-Bieb ‘Notre Dame’ jew ‘Bieb is-Sultan’ li minn }aż-|abbar jagħti għal Bormla. 

Setgħet ġiet irranġata jew saret oħra imma ntilfet m’oħrajn darba għal dejjem.  Illum baqa’ tifkira tagħha f’xi ritratti rari.

   
Imma għad għandna statwa mdaqqsa tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq Nelson, triq imsemmija għall-famuż Ammiral Inġliż Orazju Nelson li jingħad li meta ġie Malta l-bastiment tiegħu rabat qrib din it-triq.  Hija statwa sabiħa u movumentata li turi l-Madonna tal-Karmnu bil-Bambin f’idha u bil-labtu tal-Karmnu.  Qiegħda fuq saljatura f’niċċa, f’tarf l-ewwel indani ta’ taraġ fuq nett qabel iddur.  Hija miżbugħa bajda fuq sfond ikħal u miżmuma tajjeb.  Din in-niċċa għandha wkoll karatteristika ta’ dari billi quddiem l-istatwa hemm lumpier li jista’ jittella’ u jitniżżel bil-ħabel.  Taħt din l-istatwa hemm kitba li tfakkar li Mons. Buhagiar ta 40 jum indulġenzi  għal min jgħid ‘Ave Maria’ quddiem din ix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu.  Ta’ min isemmi d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu li fil-knisja ta’ Santa Tereża, barra li hemm statwa sabiħa tagħha, issirilha l-festa tagħha f’Lulju.

Qalb Ta’ Ġesu’ U Qalb Ta’ Marija Fi Triq Matty Grima

F’nofs Triq Matty Grima, qabel bl-isem ta’‘Strada Buongiorno’ li hija mtarrġa nsibu niċċa, taħt arkata pittoreska, li kienet inbidlet ix-xbieha ta’ ġewwa fiha.  Qabel kien hemm santa sabiħa tat-Trinitaċ Qaddisa tinkuruna lill-Madonna u issa hemm inkwatru bix-xbihat tal-Qalb ta’ Ġesu’ u l-Qalb ta’ Marija.  Taħt in-niċċa nsibu lapida li tfakkar 40 jum indulġenza mogħtija mill-Isqof Gaetano Pace Forno fil-11 ta’ Mejju, 1860, għad-devoti li jgħidu ‘Ave Maria’.

Il-Madonna Ta’ Lourdes

Statwi tal-Madonna ta’ Lourdes insibu tlieta f’Bormla.  Diġa semmejna waħda li tinsab fil-fetħa mħaffra fil-blat taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli fl-artiklu tas-sena l-oħra.  Barra din insibu grotta bil-ġebel tal-gagazza bl-istatwi tal-Madonna ta’ Lourdes u Bernardetta fi pjazza li hemm ġewwa Verdala.  Din inġabret min-nies tal-post li jieħdu ħsiebha.  Ma’ ġenb il-grotta hemm il-bandiera Maltija u tal-Papa.

F’għar differenti fi Triq Hanover ftit ‘il fuq mill-knisja parrokkjali, hemm ukoll xbihat tal-Madonna ta’ Lourdes u Bernardetta.  Din il-grotta, b’arkata kienet saret bit-tħabrik ta’ Melda u żewġha Rosario Spiteri, li għamel ukoll ix-xogħol meħtieġ, kif ukoll bir-rieda tal-Kan. Dun Ġużepp Bonello.  Saret fl-1991 u fiha rħamiet bil-kliem, ‘Jien il-Kunċizzjoni Immakulata’, bl-ismijiet ta’ dawk lIl-Madonna ta' Lourdes fi Triq Hanover, qrib il-knisja parrokjali.i ħadu ħsieb biex saret, li diġa semmejniehom u bid-dati tad-dehriet tal-Madonna f’Lourdes.  Hemm ukoll kwadru b’din it-talba, ‘Tkun imfaħħra, imbierka, meqjuma, glorjuża l-Qalb Imqaddsa Divina ta’ Ġesu’ u ta’ Marija Verġni bla Tebgħa, mid-dinja kollha issa u dejjem’.  Fl-għar insibu mdendlin żewġ lamnpieri, xemgħat, qsari u fjuri.  L-istatwi nżebgħu minn Louis Vassallo qabel ma tpoġġew f’dan l-għar li qabel kien bir.  Dawn iż-żewġ xbihat tal-Madonna ta’ Lourdes huma miżmuma tajjeb, l-aktar dik ta’ ħdejn il-knisja li għadu jieħu ħsiebha Rosario Spiteri.

Barra minn dawn insibu bosta niċeċ żgħar oħra u xbihat mal-bibien, ornamenti bin-nome di Maria skolpitifuq bibien u fil-ħadid tal-gallariji, kif ukoll ismijiet tad-djar għal Sidtna Marija, bħal, ‘Marija Immakulata’, ‘Omm Alla’, ‘Omm Beltna’, ‘8 ta’ Diċembru’, u oħrajn li jkomplu jagħtu xhieda tad-devozzjoni li l-Bormliżi dejjem kellhom u għad għandhom lejn Ommna Marija, kif urejna fiċ-ċelebrazzjonijiet  matul din is-Sena taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni!

Statwi fil-Pjazez u Toroq ta’ Bormla – Il-5 Parti – Monument Tal-Pellegrinaġġ 1944

Kitba ta’ Sunny Aquilina

Is-sena, 2004, kienet waħda speċjali għall-Parroċċa ta’ Bormla billi ċċelebrajna għeluq il-150 Sena mid-Domma ta’ l-Immakulata, meta nhar it-8 ta’ Diċembru, 1854, il-Q.T. il-Papa Beatu Piju IX pproklama li Marija sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha kienet bla ebda ħtija; Immakulata!  Għalhekk bix-xieraq li f’din is-serje ta’ artikli nitkellmu fuq statwi u niċeċ tal-Madonna li għandna jew kellna ġewwa l-‘Belt Cospicua’, magħrufa wkoll bħala ‘Belt l-Immakulata’.  Billi l-akbar għadd ta’ statwi u niċeċ f’Bormla huma dedikati lill-Madonna se nsemmu wħud minnhom din is-sena u nkomplu s-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, billi tkun ukoll is Sena taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tas-Santwarju Cospicuan ta’ Marija Immakulata, Omm Beltna!

L-istoriku Tony Terribile jikteb li:
‘Il-knisja kolleġġjata, waħda mill-isbaħ f’dawn il-gżejjer, hi l-aqwa monument ta’ mħabba li l-Bormliżi għandhom lejn Marija Immakulata.  Din il-qima hi mifruxa wkoll fit-toroq ta’ Bormla permezz ta’ numru ta’ niċeċ u statwi li nsibu f’ġieħ il-Madonna.  Kienet tabilħaqq ħasra li l-gwerra kissret (1) u ħarbtet bosta minnhom.  L-istess nistgħu ngħidu għal dawk li ntilfu, mhux bil-bombi ta’ l-għadu iżda waqt ix-xogħol tat-tiswija tal-ħsarat tal-gwerra.  Fost dawn it-telfiet kien hemm l-istatwa tal-Kunċizzjoni qrib il-Bieb ta’ Santa Liena.’i

Statwa Tal-Kunċizzjoni Li
Kienet Fi Pjazza Paolino Vassallo (Is-Suq)

F’dan l-artiklu se nibdew billi nsemmu statwa tal-Kunċizzjoni f’niċċa eleganti u sabiħa, l-istess kif kienet id-dar li kienet tagħmel parti minnha.  In-niċċa kellha lavur mill-isbaħ fil-ġebla Maltija li kien iżejjen kantuniera sħiħa bejn Sqaq il-Kunċizzjoni u s-Suq il-Qadim, Pjazza Paolino Vassallo (fejn llum insibu l-ħanut ta’ Caruana). 

Naturalment il-pjazza ma kenitx kif inhi l-lum, imma ħafna iżgħar.  John Vella kiteb li l-istoriku Castagna jgħarrafna li din in-niċċa bl-istatwa hekk sabiħa saret fl-1756 imma Michele Grech Taylor kiteb hekk: ‘Il-Madonna tal-Kunċizzjoni li qiegħda mal-ħajt fil-kantuniera ta’ Vicolo Concezione, is-Suq il-Qadim, saret fl-1790’.  Kienet statwa f’niċċa b’karatteristika Maltija li kienet issebbaħ il-Pjazza b’mod eleganti li ma tantx kien hawn bħalha.  Hija ħasra li din intilfet u sa snin wara l-gwerra l-Bormliżi kienu għadhom jiktbu biex terġa’ ssib postha, imma kien kollu għalxejn. (2)

Niċċa Tal-Kwadru
Ta’ L-Immakulata Mal-Knisja Ta’ Santa Tereża

Niċċa tassew sabiħa u eleganti nsibuha mal-ħajt tal-ġenb tal-knisja ta’ Santa Tereża.  Niċċa tal-kunċizzjoni maġenb Santa TereżaQabel din kien hemm oħra li kienet ta’ l-injam.  Dik li hemm issa hija tal-ġebel u għandha disinn u xogħol fil-ġebla Maltija tassew mirqumin, b’mensola, żewġ pilastri bil-mazzettuni b’ornamenti ta’ ward li jispiċċaw bil-ġilju, u fuqhom friż b’disinji eleganti. Fuq nett is-salib u taħtu l-kuruna b’tifkira ta’ l-Inkurunazzjoni.  Il-kuruna, f’post prominenti, tfakkar li dan is-Santwarju ġie nkurunat mill-Kardinal Ferrata, Legat tal-Q.T. l-Papa San Piju X, nhar il-25 ta’ Ġunju,1905, billi fin-niċċa nsibu kopja tal-kwadru nkurunat li hemm fis-Santwarju Cospicuan.  Fuq il-kwadru hemm skolpita ‘Nome di Maria’ u taħt il-mensola skrizzjoni bit-Taljan li ssemmi l-indulgenzi mogħtija mill-Arċisqof Pietro Pace Forno għal min jitlob quddiem din ix-xbieha.  L-iskrizzjoni ma tinqarax sewwa.  Jeħtieġ titnaddaf ħalli tkun tista’ tinqara. Fis-sena 1903, il-Papa kien ħeġġeġ biex issir tħejjija għall-  għeluq il-50 Sena mid-Domma ta’ l-Immakulata.  L-istoriku Tony Terribile jikteb li d-disinn ta’ din in-niċċa jixbaħ ħafna l-istil ta’ l-artist Bormliż Abram Gatt u jista’ jkun li din in-niċċa saret fuq disinn tiegħu. (3)  Din hija waħda mill-isbaħ niċeċ li għandna u għalhekk nieħdu ħsiebha.  Hija fi triq u f’post prominenti imma għandna ngħożżu kull statwa u kull niċċa li għandna jżejnu lil beltna.

 Niċċa Tal-Kunċizzjoni Fi Triq San Pawl

Niċċa tal-Kunċizzjoni fi Triq San Pawl.Niċċa ftit iżgħar fi stil Barokk, b’lavur sabiħ u statwa mdaqqsa tal-Kunċizzjoni nsibuha fi Triq San Pawl fuq il-postijiet numru 135-136.  Il-lum fil-post 135 hemm is-Sorijiet Missjunarji ta’ Madre Tereża. Din in-niċċa tal-Kunċizzjoni saret fis-Seklu Dsatax u ħallas għaliha Mastru Filippo Tabone, magħruf bħala ‘Lippin’.  Hija statwa ħelwa tal-ġebel, bil-wiċċ u l-idejn f’bixra ta’ talb, is-serp bit-tuffieħa taħt riġlejha, warajhom il-qamar u stillarju ta’ tnax-il kewkba madwar rasha.  Hija miżbugħa, b’libsa bajda u mantell ikħal li huwa skolpit naturali qisu qiegħed jittajjar mar-riħ!  In-niċċa għandha żewġ pilastri ornati bil-mazzettuni, fuqhom friż bi tliet wardiet, fuq iċ-ċinta n-‘Nome di Maria’ b’ġilju fuq kull naħa u fuq nett id-disinn jispiċċa bis-salib.  In–naħa t’isfel hemm ukoll skultura bi stilla fin-nofs u taħt nett lapida bit-Taljan li tgħid:  ‘L-Eċċ. Rev. Tiegħu Mons. F. Gaetano Pace Forno, b’digriet tad-29 ta’ Sett. 1859 jagħti 40 jum ta’ indulġenzi lil min jgħid Salve Regina f’ġieħ din ix-xbieha ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Marija Verġni.’  Din hija niċċa li wkoll irnexxielha teħlisha mit-tiġrif tal-gwerra u hija miżmuma tajjeb ħafna, prosit.

Niċċa Ta’ Santa Marija Fi Triq Bieb Bormla 

Niċċa Santa Marija - Triq Bieb BormlaNiċċa oħra li hemm ukoll min jieħu ħsiebha hija dik ta’ Santa Marija, jew Marija Assunta qrib fejn dari kien hemm ‘Bieb Bormla’, (Bormla Gate). Hawn kien jagħti għal Għajn Dwieli u wara li nbniet it-tarzna, sar bieb biex tidħol għaliha.  F’din in-niċċa ma nsibux statwa imma kwadru li fih pittura ta’ Santa Marija liebsa l-abjad, simbolu tas-safa u xi anġli żgħar magħha.  Il-Madonna tidher tiela’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem. L-assunzjoni hija domma oħra Marjana tal-fidi pproklamata mill-Q.T. il-Papa Piju XII. Taħt il-kwadru hemm settijiet ta’ gandlieri, appostli u fjuretti flimkien ma’ żewġ lampieri żgħar mal-ġnub.  Fil-parti t’isfel hemm ukoll in-‘Nome di Maria’.  Qabel ma twaqqgħu partijiet mis-swar fil-bidu tas-seklu għoxrin biex inbnew il-baċiri, f’din in-naħa ta’ Bormla, fid-Daħla tal-Franċiżi, kien hemm ħajja marittima sħiħa.  Kien hemm ukoll Bieb San Pawl, skolpit, eleganti u sabiħ bħall-bibien l-oħra li nsibu fis-swar ta’ Firenzuola u tal-Kottonera.  In-naħa ta’ Għajn Dwieli kien hemm ukoll knisja dedikata lil San Franġisk li l-qniepen tagħha ntużaw għall-arloġġ tal-knisja parrokkjali.  Sal-lum b’tifkira ta’ dan kollu għandna ‘Triq San Franġisk’ u għad hemm bieb jagħti għat-Tarzna aħna u deħlin l-Isla, f’tarf Triq Pietru Pawl Caruana, (Imsemmija għall-pittur li pitter il-kwadru tal-kor).

Il-Madonna Bil-Bambin Fil-Mina Ta’ Għajn Dwieli

Taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli, hemm daħla żgħira mħaffra fil-blat li fiha altar mejda b’erba’ kolonni u f’nofshom ‘Nome di Maria’ bis-serp u l-qamar taħtha.  Fuq l-altar, fin-nofs, hemm kwadru tal-Madonna bil-Bambin.  Mal-ġnub ta’ dan il-kwadru nsibu żewġ statwi, waħda tal-Madonna ta’ Lourdes u l-oħra tal-Qalb ta’ Ġesu’.  Fuq l-altar u mal-ħitan hemm għadd ta’ kwadri żgħar, fosthom wieħed ta’ Ġesu’ Kristu, ieħor tat-twelid ta’ Ġesu’ Bambin u ta’ Patri Piju.  Din id-daħla serviet ta’ knisja fil-qilla tal-gwerra billi fiha saru quddies u anke magħmudijiet.  Il-ħabib tiegħi s-Surmast Carmelo Vella qalli li jiftakar lil Dun Edward Zerafa jqaddes fiha.  Saċerdot ieħor li baqa’ Bormla matul il-gwerra kien il-Kan. Dun Ġużepp Cassar.  Qassis ieħor, li kien Kappillan tal-Gudja u wara Arċipriet taż-|urrieq, il-Kan. Vincent Balzan, tgħammed fiha fi żmien il-gwerra.  Hekk naraw li din id-daħla fqajra mħaffra fil-blat għandha storja reliġjuża u storika!  Tista’ tiġi rranġata, għalkemm hemm min jieħu ħsiebha billi jkun hemm xemgħat jixegħlu. Dil-kmajra, bħal kappella mħaffra fil-blat, hija magħluqa b’bieb tal-ħġieġ u rixtellu.  Tista’ titwaħħal lapida li tfakkar li serviet ta’ knisja fi żmien il-gwerra.  Tajjeb ukoll kieku jkun hemm xi dawl għax ma tistax tara sewwa x’fiha.

Il-Monument Tal-Pellegrinaġġ Tad-19 Ta’ Novembru,
1944 U L-Vittmi Tal-Gwerra Bormliżi

U la semmejna l-gwerra bix-xieraq li ntemmu dan l-artiklu billi nitkellmu ftit fuq il-monument maestuż li nsibu taħt il-knisja fi Triq ix-Xatt ta’ Bormla.  Dan kien ġie nawgurat 10 snin ilu, fl-20 ta’ Novembru,1994, fl-okkażjoni ta’ Għeluq il-50 Sena mill-Pellegrinaġġ kolossali minn Birkirkara għal Bormla, meta nġiebu bil-mixi l-istatwa u l-kwadru tal-Kor inkurunat, nhar id-19 ta’ Novembru, 1944, fi tmiem il-gwerra.  Dan il-pellegrinaġġ kien sar b’wegħda ma’ Marija Immakulata billi l-knisja parrokkjali baqgħet ma ġġarfetx mill-bombi ta’ l-għadu tul il-gwerra kollha!  Bosta ritratti juru x-xmara ta’ nies li ħadu sehem f’dak il-pellegrinaġġ bix-xbihat devoti ta’ l-Immakulata 60 sena ilu!  Min jista’ jfisser il-ferħ ta’ missirijietna meta reġgħu daħlu trijonfalment ġewwa Bormla mfarrka bl-istatwa u l-kwadru fuq spallejhom.  Fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli kien hemm miktub, ‘Bormla Ferħana tilqa’  lil  Ommha’. 

Il-Monument tal-pellegrinaġġ tad-19 ta' Novembru 1944 u l-vittmi tal-gwerra Bormliżi.

Fi tmiem il-pellegrinaġġ, f’diskors li kien għamel b’tislima ta’ mħabba u radd il-ħajr, l-Isqof Galea kien qal, “Ibqgħu ftakru li kull meta tidħlu f’das-Santwarju tkunu dħaltu f’miraklu!”  Dan għax il-knisja parrokkjali lanqas biss intlaqtet.  Għalhekk twaqqaf dan il-monument, biex ifakkar il-pellegrinaġġ b’wegħda u l-vittmi kollha Bormliżi li mietu fil-gwerra, mietu fejn mietu. 

Jien li kelli l-unur li kont il-President tas-Sotto Kumitat, li fi ħdan il-Kumitat taċ-Ċinkwantinarju, twaqqaf biex sar dan il-monument nixtieq nuri l-apprezzament u r-ringrazzjament lill-mibki Kan. Dun Victor Cilia, dak iż-żmien Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Bormla, lis-Sur William Galea u ħutu għall-għajnuna kbira li taw, kif ukoll lil dawk kollha li kkontribwew u lill-membri kollha tal-kumitat  taċ-ċinkwantinarju li ħa ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru fl-1994. 

Il-monument kien ġie nawgurat mill-Eċċ. Tiegħu Dr. Ugo Mifsud Bonnici, dak iż-żmien President ta’ Malta, li kiteb ukoll poeżija għall-okkażjoni; tbierek mill-Arċipriet il-Kan. V. Cilia u sar diskors mis-Sinjorina Cettina Zammit. Is-Sur William Galea qara t-talba taċ-ċinkwantinarju.  Il-monument huwa l-akbar xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi u nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li għandna l-ikbar u l-isbaħ monument artistiku minn dawk li twaqqfu biex ifakkru l-vittmi tal-gwerra f’Malta u Għawdex. 

Dan il-mafkar, b’sinifikat sublimi  jfakkar it-trijonf f’dak il-pellegrinaġġ kbir, devot u uniku li kien il-fjamma biex Bormla terġa’ tqum mit-tifrik ta’ gwerra ħarxa.  Fil-monument dan jidher fil-figura imponenti tan-nofs li turi r-rebħ tat-tajjeb fuq il-ħażen bl-interċessjoni ta’ Alla u l-Madonna; it-trijonf tal-paċi fuq il-gwerra!  Kif xieraq, il-monement ifakkar ukoll lil dawk il-Bormliżi kollha li tilfu ħajjithom u dan jidher fil-figura allegorika ta’ Bormla ssellem lil uliedha li mietu fil-gwerra, kif turi wkoll il-vittma fuq in-naħa tax-xellug, raġel mejjet mirdum taħt it-tiġrif. 

Il-figura l-oħra ta’ mara fuq il-lemin tissimbolizza l-pellegrinaġġ tad-19 ta’ Novembru, 1944, kif jidher mill-kitba fuq l-irħama, b’anġlu żgħir ħdejha li juri l-paċi hekk mixtieqa, bil-ħamiema simbolu tas-sliem!  Taħt, fin-nofs, l-Arma ta’ Bormla, b’ornament fuq kull naħa li jgħaqqad il-monument kollu fi trijanglu klassiku.  L-Arma ta’ Bormla turi kontinwitaċ u tiġbor fis-sinifikat tagħha l-Bormliżi kollha.  J’Alla nkunu kif kienu missirijietna fil-pellegrinaġġ, ilkoll magħqudin flimkien, b’Ommna Marija dejjem tħarisna!  Għandna dejjem nieħdu ħsieb mill-aħjar li nistgħu dan il-wirt għani ta’ Beltna u ngħadduh lil uliedna!

(1) Terribile Tony, ‘Niċeċ u Statwi Fit-Toroq Maltin’ PIN (2000) p.25.
(2) Ara il-‘Cospicua’ Nru 41, 1959, p3 u Nru 51, 1960, p.3. 
(3) Terribile Tony, Op.cit. p.27.