Author: Brian Buhagiar

Statwi fil-Pjazez u Toroq ta’ Bormla – Ir-4 Parti – Il-Madonna ta’ Trapani u Sant’ Elija

Kitba ta’ Sunny Aquilina

F’dan l-artiklu se nitkellmu fuq żewġ statwi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ordni Karmelitan Tereżjan.  L-ewwel patrijiet ġew ġewwa Bormla wara l-ewwel kwart tas-Seklu Sbatax u bnew knisja u kunvent li għal bosta snin kien ukoll wieħed internazzjonali.  Taħt l-arma Karmelitana, fuq il-bieb tal-kunvent hemm minquxa s-sena 1626.

Statwi Fil-Knisja Ta’ Santa Tereża

Fil-knisja nisbu bosta xogħlijiet artistiċi fosthom statwi sbieħ ta’ Santa Tereża ta’ Avila, li sawwar fil-kartapesta s-Surmast Ġużeppi Caruana (ta’ Marċjol), ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ li r-relikwa tagħha nġiebet Malta din is-sena, tal-Madonna tal-Karmnu, ta’ San Ġwann tas-Salib li hija xogħol Spanjol tabilħaqq artistiku u oħrajn iżgħar ta’ San Ġużepp fuq dak li nsibu fil-knisja parrokkjali, il-Madonna ta’ Lourdes, id-Duluri u l-Bambin ta’ Praga bl-ilbies irrakkmat.  Minbarra dawn fl-intrata tal-kunvent fuq il-bieb kif tidħol hemm statwa mdaqqsa ta’ San Elija li hija wkoll interessanti mhux biss għax sabiħa, imma wkoll għall-istorja tagħha.  Din l-istatwa hija xogħol fl-injam ta’ l-iskultur Pietru Pawl Azzopardi u fl-antik kienet fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu billi kien hemm il-Fratellanza ta’ dan il-qaddis ewlieni ta’ l-Ordni Tereżjan.  Imma f’dawn l-artikli aħna qegħdin nitkellmu aktar fuq statwi ta’ barra u b’rabta ma’ din il-knisja u t-Tereżjani nsibu tnejn; waħda fil-faċċata tal-knisja u l-oħra fil-pjazzetta ta’ quddiemha. 

Statwa tal-ġebel tal-Madonna ta' Trapani fuq il-bieb ta' barra tal-knisja ta' Santa Tereża

Statwa Tal-Madonna Ta’ Trapani

Din l-istatwa mdaqqsa, li ħafna jaħsbu li hija l-Madonna tal-Karmnu hija fil-fatt il-Madonna ta’ Trapani, belt fi Sqallija.  Fl-Ordni Tereżjan insibu devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu u hemm diversi knejjes li għandom xbieha tagħha. (1)   L-istatwa tal-Madonna ta’ Trapani li nsibu f’Bormla qegħda f’niċċa skulturata fuq il-bieb ewlieni tal-knisja ta’ Santa Tereża.  Tirrappreżenta lill-Madonna bil-Bambin.  Il-Madonna għandha l-kuruna fuq rasha bil-mant ħiereġ minnha, u qiegħda żżomm il-Bambin f’idha x-xellugija.  L-id l-oħra qiegħda żżomm id Ġesu’ Bambin bil-ħlewwa, l-omm għaqlija u qaddisa tħares lit-tarbija divina tagħha!  Dan is-sentiment fil-ħarsa u l-id ta’ l-omm iżżomm l-id ċkejkna tat-tarbija jagħmlu għalija l-element artistiku f’din l-istatwa minquxa fil-ġebel.

Statwa Ta’ Sant’  Elija

Din l-istatwa kbira, sabiħa, mirquma fl-istil Barokk hija taqbilħaqq xogħol artistiku mill-aqwa mhux biss f’Bormla, imma f’Malta u Għawdex.  Hija xogħol minqux fil-ġebla Maltija ta’ l-iskultur ewlieni Vincenzo Dimech (1768-1831).  Bix-xieraq li nsibu din l-istatwa tħares fuq il-pjazzetta ta’ quddiem il-knisja ta’ Santa Tereża billi San Elija huwa meqjus qaddis fundatur u missier il-Karmelitani u t-Tereżjani u għalhekk għandhom devozzjoni lejh.

San Elija, statwa tal-ġebel ta' Vincenzo Dimech.

San Elija għex f’Iżrael fis-Seklu 9 q.K. u sar figura leġġendarja u qaddisa billi tkellem u widdeb kontra l-idolatrija u favur it-twemmin f’Alla veru.  Ħadha kontra s-Sultana Feniċja Ġeżabel u żewġha Aħab, Sultan ta’ Iżrael, li ħallew jidħol il-kult ta’ Bagħal, alla falz tal-Feniċi.  Il-Profeta Elija ħadha kontriehom u ppriedka t-twemmin f’Alla veru hekk li sar simbolu tas-sewwa bħalma sekli wara kien Ġwanni l-Battista, il-Prekursur ta’ Kristu.(2)   Wara tliet snin ta’ nixfa, sfida lill-profeti ta’ Bagħal u fuq l-Għolja tal-Karmelu, talab lil Alla li bagħat xita kbira u Elija qered il-profeti foloz u wera’ l-qawwa ta’ Alla!  Mhux biss ħeġġeġ biex in-nies iddur lejn Alla imma għex fil-faqar, fl-imwarrab fil-penitenza u miegħu ngħaqdu oħrajn li bdew jgħixu ħajja spiritwali fuq l-Għolja tal-Karmelu.  Għalhekk huwa meqjus bħala missier u fundatur. Fi tmiem ħajtu ttieħed lejn is-sema fuq karru tan-nar biż-żwiemel għax għal Iżrael Elija kien jiswa daqs eżerċitu ta’ karrijiet bir-rikkieba tagħhom!  Eliżew, li kien miegħu baqa’ jħares u jgħajjat, “Missieri, Missieri, il-karru ta’ Iżrael u r-rikkieb tiegħu.”  (2 Slaten 2,12)
B’simboliżmu dan narawh fl-istatwa ta’ San Elija billi d-driegħ tax-xellug qiegħed iserraħ fuq rota ta’ karru tan-nar kif jidher mill-ilsna tan-nar mar-rota u l-fjamma li hemm taħtha.  Fl-istess id għandu xabla tan-nar mgħollija ‘l fuq.  Din l-istatwa hija xogħol tassew artistiku, validu u mirqum b’sengħa kbira fl-arti barokka.  Hija xogħol mill-isbaħ ta’ l-iskultur Belti Vincenzo Dimech (1768-1831) li għamel bosta xogħol ieħor.  Tiegħu huma l-vari titulari ta’ Santa Marija tal-Gudja (1807) u San Publiju tal-Floriana (1811), u l-istatwi ta’  San Ġużepp taż-|urrieq (1825) u dak ta’ Birkirkara (1826), u l-Madonna ‘tan-nofs’ ta’ l-Isla (1814).  Għamel ukoll il-monument l-antik ta’ Sir Alexander Ball (1810) u dak ta’ Zammitellu fil-Barrakka ta’ fuq (1816). Barra f’Malta Vincenzo Dimech studja wkoll f’Napli u x-xogħlijiet li semmejna huma biżżejjed biex juru l-livell għoli artistiku li rnexxielu jilħaq.  Sant’ Elija mhux eċċezzjoni, anzi huwa kapolavur minqux fil-ġebla Maltija.  Hija statwa ħajja u dinamika bil-profeta wieqaf jippontga sebgħu u jwiddeb.  Fuq wiċċu naraw il-ħarsa soda u mqanqla jwassal il-kelma tal-Mulej mill-fomm imbexxaq, bla biża’!

Il-bixra, l-anatomija, il-panneġġI fil-mantell u d-drapp tal-libsa huma xogħol tassew fin u mirqum.  Il-wiċċ tal-profeta jonqsu biss il-kliem!  Id-daqna mimlija u x-xagħar twil, bħallikieku qegħdin jitħarrku mar-riħ, jagħtu ħjiel ta’ dehen u awtoritaċ.  Il-moviment dinamiku li fiha u l-perfezzjoni fl-esekuzzjoni jagħmlu din l-istatwa mhux biss waħda mill-isbaħ ġewwa Bormla imma fil-gżejjer Maltin!

L-istoriku Tony terribile, li għamel studji fuq bosta knejjes, statwi u niċeċ kiteb li, ‘Fl-istatwa ta’ Sant’ Elija tinħass il-qawwa u l-maestrija ta’ l-iskultur li ħadimha, Vincenzo Dimech’, u jkompli li, ‘Bla dubju ta’ xejn din l-istatwa hi waħda mill-isbaħ statwi tal-ġebel li nsibu fit-toroq tagħna.(3)   

Din l-istatwa hekk mirquma u artistika saret fl-1818 u tinsab fuq pedestall għoli, eleganti u proporzjonat. Fuq lapida li hemm mal-faċċata ta’ dan il-pedestall naqraw li l-Isqof Ferdinando Mattei jagħti indulġenza ta’ 40 jum lil dawk id-devoti Kristjani  li jgħidu Missierna u Sliema quddiem din ix-xbieha mirakoluża tal-Profeta Sant’ Elija, protettur tal-barklori.  Kellhom ikunu dawn in-nies, li kienu  jaqilgħu l-għajxien fuq id-dgħajjes bis-saħħa ta’ dirgħajhom fuq l-imqadef, li ħadu l-inizjattiva u nkarigaw lill-iskultur V. Dimech biex jiskolpi din l-istatwa.  Fl-1812 il-barklori u qaddiefa Bormliżi waqqqfu l-Fratellanza ta’ Sant’ Elija fil-knisja ta’ Santa Tereża, li hija mibnija fuq ix-Xatt ta’ Bormla.

Din l-istatwa għalkemm dejjem baqgħet fl-istess inħawi bidlulha postha tliet darbiet.  L-ewwel kienet f’nofs in-niżla bejn ‘Admirality Gate’ li qabel minnu kont tidħol il-Birgu, u l-knisja ta’ Santa Tereża, li lejha kienet tħares.  Damet hemm sas-snin ħamsin, meta wara li rranġaw u  nfetaħ ix-Xatt ta’ Bormla tpoġġiet fuq il-bankina n-naħa l-oħra tat-triq ta’ fejn qiegħda llum.  Wara li saret rikostruzzjoni fl-1979, l-istatwa ta’ Sant’ Elija tpoġġiet fejn tinsab illum, madwar 20 sena ilu.  Kemm-il darba sar restawr fuq partijiet minnha li nkisru u tidher id-differenza fix-xogħol fil-partijiet restawrati, imma hekk tidher komplita.

Din l-istatwa, flimkien ma’ statwi u monumenti oħra hija parti mill-wirt artistiku u kulturali tagħna l-Bormliżi u l-Maltin.  Nieħdu ħsieb dan il-patrimonju għani, napprezzawh u nibżgħu għalih għax huwa dmir tagħna lkoll li nagħadduh lil ta’ warajna.

Riferenzi

(1) Rev. Patri Martin Borg tani din l-informazzjoni fuq il-Madonna ta’ Trapani meta staqsejtu kif tinsab fil-faċċata tal-knisja.
(2) 1 Slat 1,  Nota 1 p.348 G]. Bibilika Maltija (Media centre 1984)
(3) Tony Terribile, ‘L-istatwa ta’ sant’ Elija ta’ Ħdejn il-Knisja’, kalendarju 1996  Knisja ta’ Santa Tereża- Bormla. Ara wkoll artiklu ppublikat fir-rivista ‘Leħen il-Banda S. Ġorġ, Bormla,  Nru. 27, Di`. 1995, pp.157, 158.  

Statwi fil-Pjazez u Toroq ta’ Bormla – It-3 Parti – San Ġużepp

Kitba ta’ Sunny Aquilina

F’Bormla, il-Belt Cospicua, meta nsemmu San Ġużepp mill-ewwel tiġi f’moħħna l-vara artistika u mirquma, kapolavur ta’ l-artist u disinjatur Bormliż Abram Gatt (1863-1944) li f’Malta u Għawdex, u b’mod speċjali f’Bormla, ħallielna tant ġojjelli artistiċi.  Din il-vara tal-missier putattiv ta’ Ġesu’ hija mill-isbaħ, ħafna jaħsbuha tal-kartapesta u mhux ta’ l-injam!  Il-vara tirrappreżenta lil San Ġużepp, il-kustodju matur, kast u ġust, bil-ġilju fuq il-bastun iserraħ fuq is-serp simbolu tad-dnub u l-ħażen mirbuħ.  San Ġużepp qiegħed jagħti ħarsa fuq il-Bambin diġa tfajjel, u b’idu l-leminija fuq spallet Ġesu’ li għandu salib żgħir f’idu li juri li ġie fid-dinja biex jifdina bil-mewt tas-salib!  Il-Bambin ukoll qiegħed jagħti ħarsa ħelwa lil San Ġużepp.  Hemm rabta intima bejniethom kif qegħdin fuq sħab bajdan tas-sema.

F’nofs dan is-sħab hemm ukoll knisja żgħira billi l-Papa Piju IX kien ipproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja universali nhar it-8 ta’ Diċembru, 1870, Jum l-Immakulata Kunċizzjoni!  Fl-1920 kienu saru festi speċjali f’Bormla f’għeluq il-50 Sena ta’ din il-proklama.  Għażilt li nikteb fuq statwi ta’ San Ġużepp billi din il-vara li nsibu fil-knisja parrokkjali saret minn Abram Gatt meta kellu 40 sena, fl-1903 u għalhekk is-sena d-dieħla, 2003, tagħlaq 100 sena.

San Ġużepp taħt il-mant l-antk f'għeluq il-50 sena Patrun tal-Knisja Universali fl-1920.

Fil-Belt Cospicua, id-devozzjoni lejn San Ġużepp, l-għarus kastissimu ta’ Marija Verġni, mhix nieqsa.  Insibu Triq San Ġużepp qrib fejn kien hemm il-Konservatorju ta’ San Ġużepp li l-kappella tiegħu għadha tintuża wara li ġiet restawrata.  Flok il-konservatorju llum hemm id-Dar ta’ l-Anzjani. 

Fl-1716 il-mastrudaxxi kienu diġa jagħmlu l-festa tal-patrun tagħhom San Ġużepp fil-knisja parrokkjali u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp kienet diġa twaqqfet fl-1728 u kienu jagħmlu l-festa nhar id-19 ta’ Marzu u kellhom vara għall-purċissjoni. (1)  Fl-1780 twaqqfet Konfraternita’ oħra fil-knisja ta’ Santa Tereża fejn wkoll hemm vara ta’ San Ġużepp. Qabel saret il-vara ta’ San Ġużepp minn Abram Gatt kien hemm oħra li kienet skolpita mill-iskultur Pawlu Azzopardi fl-1843 u wara li saret il-ġdida ngħatat lill-parroċċa ta’ Marsaxlokk.

Kif Saret Il – Vara

Dwar kif saret il-vara ta’ San Ġużepp kien għaddieli tagħrif interessanti Noe Farrugia, li kien iħobb lill-qaddis kif ukoll lil Bormla.  Kitibli li Abram kien iħobb ukoll lil San Ġużepp hekk illi ried jagħmel ieħor flok dak li kien hemm.  Kien ta’ fommu sieket u għalhekk qabad jaħdem fuq abbozz bla ma qal xejn għalkemm mal-Fratellanza ntwera’ l-ħsieb li ssir vara ġdida, imma din riedet li l-ewwel isir ventartal tal-fidda.  Meta l-Fratellanza rat li Abram ma riedx jagħmel disinn ordnaw wieħed l-Isla imma meta dan wasal kien hemm ħafna li bdew igergru. 

Minn hemm u minn hawn reġgħu kellmu lil Abram u sar arranġament li jagħmel San Ġużepp u tahom il-kelma li jagħmlilhom abbozz.  Dan ġeneralment jieħu ċertu żmien imma Abram kien diġa laħaq lesta l-abbozz.  Meta fi żmien qasir urihulhom kulħadd baqa’ skantat u kien hemm min tħasseb jekk Abram jasalx biex ilesti dik il-biċċa xogħol!   Imma Abram diġa kellu l-pjan lest, talab lill-Ammirall biex jixtri njama kbira u tajba kif xtaq hu.  Malli waslet beda x-xogħol u wieħed jista’ jobsor kif Abram intilef fil-ħidma biex il-ħolma li kellu sseħħ. 

Fl-aħħar din l-istatwa meqjusa bħala kapolavur tlestiet u kulħadd stagħġeb bir-reqqa u l-ħila fix-xogħol minn kull naħa.  Kien tant ħareġ li wħud qalu li dnub jinżebagħ, ħafna kienu tal-fehma li xogħol hekk mirqum kien joħroġ aktar kieku kellu jibqa’ njam.  Il-vara ttieħdet għall-wirja l-Belt u refugħha x-shipwrights Bormliżi, li wkoll ġabuha lura.  Jingħad ukoll li din il-vara nżebgħet mill-istess Abram. 

Din l-istatwa famuża għadha tista’ titgawda fil-knisja parrokkjali ta’ Bormla u kull sena ssir il-festa f’Mejju (2). Fil-bidu tas-snin tmenin kienu serqu d-deheb ta’ din il-vara li kienet ingħatat sett  ta’ l-għodda żgħir miksi bid-deheb b’wegħda.

F’dawn l-artikli qiegħed nikteb fuq statwi li nsibu barra, fil-pjazez u t-toroq ta’ Bormla, imma f’dan iċ-ċentinarju ma stajtx ma ssemmix  ukoll din l-istatwa hekk devota u mfaħħra!  F’Malta nħoss li għandna l-kult tal-vari qawwi wisq l-aktar fejn jidħlu l-vari titulari fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna.  Kull vara jew statwa, sabiħa u artistika kemm tista’ tkun, hija biss xbieha. 

Jeħtieġ li naraw aktar ‘l fuq bl-għajnejn ta’ fidi u twemmin.  L-istatwi qegħdin hemm biex ifakkruna f’Ġesu’, f’Marija u fil-qaddisin li hemm igawdu ‘l Alla u biex inħarsu lejhom bħala mudelli li jgħinuna fil-mixja tagħna fuq din l-art lejn is-salvazzjoni.  Il-kuntrarju tat-tmaqdir u l-piki! Ġesu’ wieħed u Madonna waħda hemm u Alla wieħed fuq kollox u fuq kulħadd!

Statwi Fit – Toroq

Dari kien hemm statwa ta’ San Ġużepp li llum m’għadhiex teżisti.  Jidher li din kienet fi Triq il-Ġdida billi Michele Grech Taylor ħallielna dan it-tagħrif dwarha.

‘San Ġużepp, li qiegħed f’niċċa mal-ħajt fit-Telgħa ta’ Santa Liena, fuq il-bieb ta’ Giuseppe Buttigieg, (Tal-Ħall), magħmul fis-sena 1872 a spejjeż tiegħu u maħdum minn Mastru Antonio Busuttil tar-Rabat.’ (3)

Statwa Ta’ San Ġużepp Li Għadha Teżisti

F’kantuniera fi Triq Feliċ ma’ Sqaq Feliċ insibu niċċa b’żewġ pilastri li fiha hemm statwa mdaqqsa ta’ San Ġużepp bil-Bambin.  Hija waħda mill-bosta niċeċ bil-lavur fil-ġebla Maltija li nsibu fit-toroq tagħna.  San Ġużepp jidher wieqaf, dritt b’ħarstu mistika ‘l quddiem biċ-ċkejken Bambin fuq driegħu tax-xellug.  Il-Bambin Ġesu’ għalkemm żgħir, ukoll għandu bixra żvelta u jidher wieqaf.  Wiċċu b’ħarsa dritta quddiemu bħallikieku juri li huwa tarbija speċjali.  F’din l-istatwa b’arti popolari nilmħu żewġ temi li jistgħu jidhru kontra xulxin. 

In-niċċa bl-istatwa ta' San Ġużepp fi Triq Feliċ. Ritratt - Sunny Aquilina

Hemm l-għaqda ta’ Ġesu’ mal-missier putattiv tiegħu san Ġużepp li tinħass xi ftit iebsa, u fl-istess waqt kemm Ġesu’ kif ukoll San Ġużepp jinħassu distakkati qishom it-tnejn mexjin fi triq għalihom, kull wieħed b’missjoni għalih!  Għandi l-impressjoni li din in-niċċa mhix daqshekk magħrufa u l-ħsieb ta’ dawn l-artikli huwa biex inkunu nafu x’hawn fl-għażiża belt tagħna, napprezzaw u nieħdu ħsieb dak li ħallewlna missirijiet. 

Dawn l-istatwi u niċeċ li għandna fit-toroq tagħna għandna nieħdu ħsiebhom.  Ma’ din in-niċċa hemm qabda cables imwaħħlin eżatt taħtha li jħassru d-dehra ta’ din in-niċċa u jkerrhu l-ambjent, tajjeb li kieku dawn jitpoġġew aktar bil-galbu u mhux man-niċċa!
Referenzi

(1) Galea Scannura Charles, Tagħrif Storiku Dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, (1983) p.10.

(2) Farrugia Noe, Tagħrif mgħoddi lili.

(3) Grech Taylor Michele, Storja ta’ Bormla, 1924 ms. p.43.