Author: Brian Buhagiar

Rokku Buhagiar (1725 – 1805) Il-Pittur Li Jinsab Midfun Fil-Kunvent Ta’ Santa Tereża, Bormla

Kitba ta’ Mario Attard

Rokku Buhagiar huwa wieħed mill-pitturi ewlenin ta’ l-aħħar fażi ta’ l-era Barokka f’Malta. Ma jkun qiegħed jingħad xejn ħażin jekk insemmu lill-Franċiż Antoine de Favray, lil Rokku Buhagiar u lil Giuseppe Grech bħala tlieta mill-aqwa esponenti ta’ l-arti Barokka fil-fażi aħħarija tagħha f’Malta. Ma rridux ninsew li l-identita’ Barokka f’pajjiżna bażikament ġiet minn Ruma u minn Napli.


Ma niskanta xejn li awtomatikament mill-qarrejja jkun hemm min jistaqsi Barokk x’inhuwa? Din il-kelma “barrueco”, li tfisser perla raffa hija ta’ oriġini Portugiża u li daħlet fil-Malti mill-Franċiż. Hija mod ta’ espressjoni bl-arti (fil-każ tagħna bil-pittura) li oriġinat fis-Seklu Sbatax u baqgħet ħajja sas-Seklu Tmintax. L-oriġini tiegħu dan l-istil artistiku jafu lil Ruma tal-Papiet. Żviluppa bħala gost ta’ ornament jew moda. Imbagħad il-Barokk ħareġ mill-Italja u nfirex ma’ l-Ewropa u daħal fl-Amerika Latina. Nistgħu ngħidu li kull pajjiż addotta l-istil Barokk b’dik il-laqta tiegħu. F’Malta, bosta huma tal-fehma li l-Barokk għandu miegħu taħlita Rinaxximentali.

Il-Barokk bħala pittura tali beda biex ikun ta’ dekorazzjoni mal-ħitan jew mas-soqfa b’mod speċjali fil-palazzi u fil-knejjes. Mas-soqfa b’mod partikulari bdew jitpittru dehriet kbar u vasti, xeni mimlijin attivita’. B’dan il-mod, b’mod illusiv, tinħonoq l-eżistenza tas-saqaf ngħidu aħna, jew tal-ħajt. Din il-forma kienet eżistenti fir-Rinaxximent. B’danakollu l-Barokk fittex li jikkombina fatturi estetiċi…il-grandezza, l-aspett teatrali, il-moviment, rappreżentazzjoni ta’ l-inifinita’…
 
Fi kliem ieħor il-Barokk għaqqad flimkien diversi fatturi minn forom oħra ta’ l-arti li ġew qabel.
Fis-Sekli Sbatax u Tmintax seħħ f’Malta fil-forma ta’ minjatura l-istil Barokk fil-pittura u fl-arkitettura. Dan seta’ jkun possibli bis-saħħa tal-livell kulturali għoli li kellha t-tmexxija tal-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Barra minn hekk, it-tmien lingwi differenti li kien iħaddan l-Ordni kellhom rivalita’ bejniethom min minnhom kien kapaċi jkollu l-aqwa xogħol ta’ l-arti fil-palazzi u fil-knejjes tagħhom. Minn din ir-rivalita’ ddakkru l-knejjes Kattoliċi tal-gżejjer tagħna li ‘l quddiem huma wkoll kienu jikkompetu f’dik li hija arti mal-Kavallieri.


Dan il-perjodu Barokk seħħ f’żewġ fażijiet, u nibdew bl-arkitettura fejn l-ewwel fażi jista’ jingħad li kienet iddominata fost l-oħrajn minn Francesco Buonamici (1596-1677) li permezz tax-xogħol tiegħu fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt li kienu esponuti għall-ewwel darba f’Malta l-ewwel sinjali espressivi tal-Barokk, Melchiore Gafa’ (1635-1667) li studja f’Ruma u li kien l-uniku artista Malti li seta’ jħabbatha ma’ skulturi oħra barranin ta’ żmienu, Ercole Ferrata (1610-1686) u Giuseppe Mazuoli (1697-1720) (skultur minn Siena li kien inġieb f’artna biex ikompli x-xogħol mhux komplut fuq ix-xogħol fl-irħam tat-Tgħammid ta’ Kristu, wara li Melchiore Gafa’ kien waqa’ minn fuq l-armar waqt dan ix-xogħol u miet fl-1667). Mentri fil-qasam tal-pittura Barokka fl-ewwel fażi tagħha nsibu primarjament lin-Naplitan Mattia Preti (1613-1699) li stabbilixxa ruħu fil-Belt Valletta fl-1661. Fil-fatt il-Barokk fil-pittura nġieb f’Malta minn Preti nnifsu. Stefano Erardi (1630-1716) segwaċi tal-Preti u huwa meqjus bħala l-uniku pittur tas-Seklu Sbatax li seta’ joffri sfida lill-istess Mattia Preti, Michelangelo Merisi da Caravaggio (1573-1610), Giuseppe d’Arena (c.1633-1719), Guido Reni (1575-1642), Stefano Erardi (1630-1716), Lionello Spada (1576-1622), Jusepe Ribera (1589-1652) u Andrea Sacchi (1599-1661), b’dan ta’ l-aħħar miżmum bħala l-aqwa esponent tal-Barokk Ruman f’Malta.

Iż-Żebbuġi Gian Nicola Buhagiar (1670-1745) jista’ jitqies bħala figura ewlenija u rappreżentattiva tal-fażi aħħarija tal-Barokk f’artna f’dik li hija pittura. Buhagiar studja f’Ruma. Student ta’ Buhagiar li wera kapaċitajiet ħafna iktar minn min għallmu kien is-Senglean Francesco Vincenzo Zahra (1770-1773) – magħruf iżjed bħala Francesco Zahra – anki jekk jidher li ma studjax barra xtutna. Fil-knisja tal-Kunvent tal-Klawsura fuq Santa Margerita, Bormla, Zahra pitter ix-xogħol ewlieni li jinsab fuq l-artal maġġur bil-Madonna tal-Karmelu, b’San Ġwann tas-Salib iħares attent  fil-preżenza ta’ Santa Tereża, fil-waqt li Santa Margerita (patruna tat-twellid) tinsab sigura fid-dell tal-Madonna tal-Karmnu. Dan il-kwadru huwa miżmum b’wieħed mill-kapolavuri ta’ l-arti Maltija. Pietro Paolo Troisi (c.1700-1750) kien esponent ieħor abbli li studja f’Ruma. Andrea Belli (1703-1772) huwa esponent ieħor ta’ l-aħħar fażi tal-Barokk f’Malta. Belli kien kontemporanju ta’ Zahra, iżda ħiltu ftit kienet tikkompara ma’ ta’ Zahra.  Jingħad li fejn kienet tidħol il-ħila, l-invenzjoni u l-ħass, Zahra kien jgħaddi anki lill-imgħallem tiegħu Gian Nicola Buhagiar.


Hawnhekk niġu għall-aħħar snin ta’ l-arti Barokka f’Malta, u proprju esponent partikulari minn dawk li jimmarkaw dan il-perjodu aħħari huwa s-suġġett ewlieni ta’ din il-kitba…Rokku Buhagiar.
Nistgħu ngħidu li l-fażi aħħarija tal-pittura Barokka huwa mmarkat fost l-oħrajn mill-aħħar snin ta’ Francesco Vincenzo Zahra, bir-ritorn tal-Franċiż Antoine de Favray (1706-1798) li kien ħabib tal-qalb ta’ Zahra u li kien il-pittur l-aktar popolari mal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta, Enrico Regnaud (1692-1764), l-aljiev tiegħu Rokku Buhagiar (c.1725-1805) – Cfr. The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900 ta’ Mario Buhagiar, paġna 155, referenza Nru.49 – li jingħad li studja f’Ruma u li wara l-mewt ta’ Zahra stabilixxa ruħu bħala esponent ta’ l-arti sagra u  Giuseppe Grech (1755-1787) li tgħallem taħt Rokku Buhagiar (Ibidem, p.151), u li mal-mewta traġika tiegħu fl-għomor ta’ 32 sena f’Ruma fejn jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-parroċċa ta’ San Lawrenz (Ruma stess), għalaq il-perjodu Barokk fil-gżejjer Maltin. Irridu ngħidu li dan l-aħħar perjodu ma pproduċiex wisq pitturi tajbin.

Hawnhekk nixtieq nosserva żewġ affarijiet. G. Calleja f’ L’Arte, ħarġa tas-7 ta’ Settembru 1865 jikteb li Rokku Buhagiar kien aljiev ta’ Arrigo Arnau u mhux Enrico Regnaud. L-istess jagħmel Robert Mifsud Bonnici f’ Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali f’paġna 64. It-tieni ħaġa tirrigwarda lil Giuseppe Grech. Dr. N. Zammit f’ L’Arte tat-22 ta’ Novembru 1865 ma jsemmix direttament li Grech kien aljiev ta’ Rokku Buhagiar; minflok jikteb li tgħallem taħt diversi surmastrijiet. Barra minn hekk, qabel ma ntbagħat jistudja Ruma kien taħt idejn Antoine de Favray.


Il-mewt ta’ Francesco Zahra fid-19 ta’ Awissu 1773, ħalliet vojt artistiku li mbagħad imtela speċifikament minn Rokku Buhagiar u l-Franċiż Antoine de Favray.


Nistgħu ngħidu li kull perjodu ppreżenta ta’ l-inqas żewġ pitturi f’rivalita’ artistika. Li kieku Pasquale Buhagiar (missier Gian Nicola) għex iktar mill-45 sena li kellu, kien ikollu b’rivali lil Alessio Erardi (ċ1671-1727), iben Stefano. Minflok Alessio (li fil-parroċċa ta’ Bormla pitter lill-Madonna ma’ San Ġwann u l-Erwieħ) kellu b’rivali lil Gian Nicola Buhagiar. Gian Nicola mbagħad ra lill-ħila ta’ Francesco Zahra tegħilbu. Fil-każ ta’ Rokku Buhagiar, ngħidu li kien hemm żmien meta flimkien mal-pittur Għawdxi Michele Busuttil (1758-c.1828) kienu jieħdu l-kummissjonijiet għal xogħol ta’ pittura. Busuttil ukoll studja f’Ruma, fl-Accademia di San Luca  taħt il-pittur Mariani Rossi. Fl-għoxrin sena bejn l-1770-90 tista’ tgħid li Rokku Buhagiar ħadem bla rivali. Imbagħad tfaċċa Giuseppe Grech (li kif nafu tħarreġ taħt l-istess Rokku Buhagiar) li bbrilla f’Ruma. Grech iżda, li miet tnax-il sena qabel Rokku Buhagiar, ħadem ftit wisq f’Malta. Minflok, tneħħi l-ftit li hawn lokalment, il-parti l-kbira tal-pitturi tiegħu jinsabu fl-Italja, partikolarment f’Ruma.


Lill-ħidma artistika ta’ Rokku Buhagiar naqsmuha fi tnejn. L-ewwel perjodu jirrappreżenta lill-maturita’ bikrija tiegħu. F’dan iż-żmien Buhagiar jidher ikun influwenzat iżżejjed mill-istili artistiċi ta’ nofs is-Seklu Tmintax. Pitturi li ħallew influwenza fuq Rokku Buhagiar u li dan ta’ l-aħħar applika f’ħidmietu estratti artistiċi tagħhom kienu Gian Nicola Buhagiar, Francesco Zahra u Enrico Regnaud, Guido Reni u Carlo Maratta (1625-1713).

Jekk ikollna niżnuh lil Rokku Buhagiar ma’ Francesco Zahra, insibu lill-vivaċita’ li rriżultat mid-daqqiet tal-pinzell ta’ Zahra tinbidel fi lwien li jeżerċitaw il-kalma f’Rokku Buhagiar. Barra minn hekk, il-ħila ta’ l-invenzjoni f’Buhagiar kienet limtata mhux ħażin b’tali mod li nsibuh ikun ripetittiv l-aktar meta jiġi biex jagħti interpretazzjoni artistika fuq l-istess tema. Il-kwadri ta’ l-Assunta li Rokku Buhagiar pitter f’Santa Marija ta’ Ħaż-Żebbuġ, fl-Oratorju San Ġużepp f’Bormla u f’Santa Marija tar-Rokna f’Ħal Tarxien jirrenduh ripetittiv. 


It-tieni perjodu tal-ħajja pittorika ra fih lil Rokku Buhagiar jilħaq il-maturita’, liema akkwist wasslu sabiex jibni gradwalment l-identita’ tiegħu bħala pittur. Kien f’dan il-perjodu li l-aktar ipproduċa x-xogħlijiet l-iżjed magħrufa tiegħu. Hawnhekk insibuh jilħaq il-kwalitajiet artistiċi li jinterpretaw dawk li studjaw fl-iskola Rumana ta’ l-arti. L-użu ta’ l-ilwien ċari u l-għarfien tajjeb ta’ l-użu tal-kuluri għenuh jinterpreta l-espressjonijiet tiegħu u fl-istess ħin għenuh ukoll jikseb dik l-identita’ li kien għad jonqsu.

Dwar il-ħajja ta’ Rokku Buhagiar ftit li xejn nafu. Jingħad li twieled f’Bormla fejn il-jum u x-xahar m’humiex magħrufa. Lanqas is-sena li twieled fiha, biss, huwa magħruf li twieled madwar is-sena 1725. Sa mill-ewwel snin ta’ żgħożitu wera inklinazzjoni bis-serjeta’ għall-pittura. Rokku rċieva l-attenzjoni meħtieġa mill-ġenituri tiegħu, u wara li ngħata edukazzjoni skolastika xierqa, kien afdat f’idejn għalliem tal-pittura. Kemm il-ħajra kif ukoll il-progress ma naqsux fih. Kien għalhekk li beda jattendi fil-bottega tal-pittur Enrico Regnaud, li f’dawk iż-żminijiet kien fost l-aktar pitturi rinomati fil-gżejjer Maltin. Taħt dan l-għalliem Rokku Buhagiar kompla miexi ‘l quddiem ġmielu hekk li rnexxa fil-prinċipji u t-teknika tad-disinn. Dan l-għalliem irnexxilu jgħin lil Rokku Buhagiar jibni bażi tajba biżżejjed ħalli ‘l quddiem ikollu l-ħila jibni stil partikulari tiegħu megħjun mis-saħħa ta’ għarfien tajjeb tal-qawwa tal-kuluri – xi ħaġa li nafu li Buhagiar laħaqha iktar ma mmatura. Biss, dak li tgħallem kellu l-limitazzjonijiet tiegħu. Mhux hekk nistgħu ngħidu għall-għira artistika li kompliet tissaħħaħ fiż-żagħżugħ Bormliż u li nibbtet fih ix-xewqa li jkompli jżid iktar il-livell tat-tagħlim pittoriku tiegħu. Dak iż-żmien Ruma kienet is-soluzzjoni għax-xewqa ta’ Rokku. Kellu madwar 30 sena meta telaq lejn Ruma. Mar mimli ħeġġa mimlija mill-inkoraġġiment u l-assikurazzjoni li għamlulu sħabu li f’Ruma kien se jikseb l-immortalita’ artistika tiegħu.

Qatta’ diversi snin f’Ruma u ġie lura Malta fl-1763. waqt li kien l-Italja, inġibed mill-ħila ta’ Giacomo Zoboli u finalment sar aljiev fil-bottega ta’ Zoboli fejn dam għal xi snin. Wara li laħaq il-mira tiegħu, Rokku Buhagiar twebbel li jsegwi l-passi tal-pittur Guido Reni. F’dan il-qasam irnexxa wkoll tant, li ma kinetx ħaġa faċli li tagħraf pittura ta’ Buhagiar minn ta’ Reni.  Kollox ma’ kollox,  l-arti Rumana biż-żmien ħalliet influwenza f’xogħlijietu u kienet essenzjali biex akkwista dak l-għarfien u dik l-identita’ li kien jeħtieġ.


Rokku, flimkien ma’ ħuh, kien telaq minn Bormla u mar joqgħod fil-Belt Valletta. Ma naqasx li huwa wkoll ikollu l-ħanut tax-xogħol tiegħu (jew il-bottega) fil-Belt stess. Fiha kien iħarreġ diversi artisti ġodda bil-għan li jispikkaw xi wħud minnhom (kif kien għamel Giuseppe Grech, ħaġa li diġa’ ssemmiet ‘il fuq). Għajnejn il-Gran Mastru u l-Kavallieri kienu jkunu bħal seqer fuq dawn il-bottegi u l-aljevi tagħhom biex jisfruttaw minnhom l-aħjar pittur prospettivi.


Iż-żmien li għex fih Rokku Buhagiar kien politikament inċert, bl-Ordni ta’ San Ġwann jinsab għaddej minn qalbiet influwenzati l-aktar mill-qalbiet politiċi li kienet għaddejja minnhom l-Ewropa. Fil-fatt, Buhagiar ra l-bidliet l-aktar importanti li sawru lil Malta tal-lum: ‘it-tkeċċija’ tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Malta u d-dħul tal-Franċiżi fl-1798, it-tkeċċija tal-Franċiżi fl-1800 u peress li miet fl-1805 ra l-aċċettazzjoni tat-tmexxija kolonjali Ingliża mill-Maltin.


Mil-lat pożittiv iżda, Buhagiar gawda minn dak li ma laħqux l-artisti ta’ qablu. Qiegħed nikteb hekk għaliex l-artisti ta’ l-aħħar tas-Seklu Tmintax sabu perjodu inqas fertili. Dan ġara peress li l-parroċċi tista’ tgħid kienu fornuti biżżejjed bil-kwadri mportanti li kienu jeħtieġu. Fattur ieħor kien li knejjes ġodda qajla kienu għadhom jinbnew. L-unika possibilita’ kienet tkun in-neċċessita’ – kull meta kien jinħass il-bżonn tagħha – li pittura qadima tkun maqlugħa minn oħra ġdida.

Meta kien qorob lejn it-tmenin sena, maħkum mill-għeja li radditlu l-karriera artistika tiegħu li kienet mimlija daqs bajda, kif ukoll l-għomor li kellu kien qiegħed jagħfas fuqu, Rokku Buhagiar irtira flimkien ma’ ħuh fil-Kunvent tal-patrijiet Tereżjani f’Bormla. Hemmhekk qatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajtu fit-trankwillita’ – għalkemm ftit jew wisq diżilluż peress li kien waqa’ fil-faqar, sa l-anqas kellu biex jindifen, ħaġa li ħadu ħsiebha l-istess patrijiet Tereżjani tal-kunvent ta’ Bormla.       Miet fl-istess kunvent fl-10 ta’ Lulju 1805. fejn jinsab midfun fil-qabar tal-fratelli.

 Rokku Buhagiar kien bniedem integru, urban u ta’ natural kordjali ħafna…imma fuq kollox kellu qima kbira lejn il-fidi Nisranija. Ħajtu ddedikaha lill-professjoni artistika tiegħu. Dan il-fatt ġagħlu jgħix ħajja irtirata ħafna.


L-ewwel xogħol importanti mogħti lil Rokku Buhagiar kien fl-1760, meta l-pittur kien jinsab fit-tletinijiet ta’ ħajtu. Sa issa, ftit li xejn jeżistu kwadri li jistgħu jkunu attribwiti lilu qabel dik is-sena. B’kuntrast ma’ dan, l-ewwel dokument fid-deher li jippreżenta lil Rokku Buhagiar bħala pittur (anki jekk mhux mal-ħitan tal-knisja), jġib id-data tal-1752 meta tħallas 300 skud għall-pittura tal-Baldakkin għall-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi. Hija ħasra iżda li dan il-baldakkin il-lum jinsab mitluf.


Element ieħor li jiġi qabel id-data 1760 huwa marbut mal-kwadru tal-Madonna tal-Porto Salvo, li tinsab fil-knisja ta’ Santunuzzu, fil-Ħamrun. Fuq wara ta’ din il-pittura hemm id-data 1746. Madanakollu kulma nistgħu ngħidu f’dan il-każ huwa li jeżistu ċerti kritiċi ta’ l-arti li jattribwixxu  lil din il-pittura lil Rokku Buhagiar. Xejn ma jista’ jingħad fiż-żgur, iżda dak li jattribwiha lil Buhagiar huma sensiela ta’ xejriet stilistiċi li applika fil-kwadri tiegħu li jappartjenu lill-ewwel fażi tal-ħidma artistika tiegħu.


Fiċ-ċert madanakollu hija l-ħidma artistika li saret fl-1767 ġewwa x-Xagħra Għawdex. Lir-riżultat li ħareġ minnha, jidher kif Rokku Buhagiar beda jikseb l-għarfien, fil-waqt li Francesco Zahra, beda riesaq lejn it-tmiem tal-karriera tiegħu (kif ukoll ta’ ħajtu).


Fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra, insibu lil Rokku Buhagiar ipitter lill-Madonna tar-Rużarju fl-1767. Sentejn wara, fl-1769, Francesco Zahra pitter fl-istess knisja lill-Madonna tal-Karmnu u sena wara pitter ukoll lill-Madonna tad-Dawl. Hawnhekk sar taqbil bejn il-ħiliet fid-daqqiet tal-pinzell bejn iż-żewġ pitturi Maltin. Prova ta’ kemm ix-xogħol ta’ Buhagiar intlaqa’ tajjeb, tniżżel f’inventarju tal-parroċċa tax-Xagħra li l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju kien xogħol mill-isbaħ. B’riħet dan u b’kuntrast mal-ħila diġa’ stabbilitia’ ta’ Zahra, l-istess parroċċa kkummissjonat il-ħidma pittorika ta’ l-artal tal-kappellun lil Rokku Buhagiar meta setgħet tatu lil Zahra.


Prova oħra ta’ ħilet Rokku Buhagiar reġgħet ħarġet meta fl-istess perjodu, il-Parroċċa ta’ Bormla tatu x-xogħol tat-tpinġija tal-kwadru ta’ San Mark Evanġelista għal wieħed mill-kappelluni tagħha. Il-qawwa viżiva u s-sens qawwi ta’ l-espressjoni kkonvinċa bla kliem lill-Kapitlu Bormliż, li min-naħa tiegħu, b’sinjal ta’ ħajr u għarfien ikkommissjonah għall-erba’ laterali tal-kappelluni li jirrappreżentaw lil Santa Katarina quddiem Maxentius, Il-Martirju ta’ Santa Katarina, il-Lunzjata (li Keith Sciberras jikteb f’L-Arti Barokka f’Malta, p.146, li l-pittur jagħmel referenzi ċari għall-istil ta’ Guido Reni) u San Ġużepp. Dawn il-pitturi jmorru lura għas-sena 1770. Irrid ingħid dwar il-kwadru ta’ San Mark, li din il-pittura mhux biss ikkonvinċiet lill-Kapitlu Bormliż dwar il-ħila artistika ta’ Rokku Buhagiar, imma l-kritiċi ta’ l-arti jqisu lil din l-opra bħala waħda mill-aħjar li qatt pinġa l-istess Buhagiar.


Lil Rokku Buhagiar insibuh ipitter lill-Madonna tar-Rużarju din id-darba fil-parroċċa tas-Siggiewi. Meta jitqabblu b’mod kritiku, Buhagiar jinħass aktar tekniku fil-kwadru tas-Siggiewi fil-waqt li f’dak tax-Xagħra l-pittur joħroġ dik il-freskezza bikrija tiegħu. Fuq l-istess binarji nsemmu lill-kwadru tal-Kunċizzjoni flimkien ma’ Sant’Andrija u San Nikola fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq, bl-attenzjoni tintefa’ fuq San Nikola.

Fl-ewwel nofs tas-snin 1770s, Rokku Buhagiar pitter tliet kwadri titulari tal-knejjes żgħar: fl-1771 ta’ Santa Marija tar-Rokna, f’Ħal Tarxien, fejn l-Assunzjoni ta’ Marija f’Ħal Tarxien insibu lill-Madonna flimkien mal-kerubini (jew l-anġli) tielgħa s-Sema permezz ta’ sħaba li tispikka bid-dawl li qiegħda tarmi; fl-1775  ta’ Santa Marija, Ħal Muxi f’Ħaż-Żebbuġ u fl-1776 tal-Madonna tal-Bon Kunsill fil-knisja magħrufa bħala ta’ San Bert f’Ħal Tarxien.


Lil Rokku Buhagiar insibuh f’ ‘konfront’ analoġiku ma’ Filippo Vincenzo Pace fil-Parroċċa ta’ San Publiju fil-Furjana. Sejjaħtlu analoġiku lil dan il-‘konfront’ għaliex qabbiltu ma’ dak li ktibt iżjed ‘il fuq, Rokku Buhagiar u Francesco Zahra tqiegħdu fil-kefef separati tal-miżien tal-kritika artistika wara li t-tnejn pittru fil-parroċċa tax-Xagħra, Għawdex. Din id-darba, r-rivalita’ pittorika ma qabditx l-għeruq peress li Filippo V. Pace ma baqax interessat fl-arti sagra. Ma rridux ninsew li Flippo Vincenzo flimkien ma’ ħuh Giuseppe Pace kienu tħarrġu taħt Antoine de Fravray. Kienet is-sena 1773 meta F.V. Pace pitter il-kwadru titulari tal-parroċċa tal-Furjana.  Fl-istess parroċċa Rokku Buhagiar pitter il-kwadri ta’ Sant’Antnin u San Pawl.


Fis-snin 1880s Rokku Buhagiar pitter il-kwadru tal-Konverżjoni ta’ San Pawl fi knisja żgħira oħra din id-darba ta’ San Pawl f’Bormla. F’dan il-kwadru San Pawl jinsab ippreżentat fil-waqt tal-konverżjoni tiegħu, fejn jinsab mixħut ma’ l-art imdawwar minn sħabu waqt li kienu jinsabu fi triqithom lejn Damasku. Fil-parti ta’ fuq tal-kwadru jidher Alla. Ta’ min iqisu kurjuż kif ukoll interessanti l-fatt li l-kwadru titulari ta’ din il-knisja kien ikkummissjonat sabiex jitqiegħed minflok ta’ qablu li kien impitter minn Francesco Zahra – kwadru li qabel kien miżmum fis-Sagristija imma llum jinsab mitluf. Irridu ngħidu hawn li Francesco Zahra fl-1759 kien pitter il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara fl-istess knisja ta’ San Pawl, f’Bormla.


Fl-istess snin tat-tmeninijiet insibu lil Rokku Buhagiar ipitter lill-Madonna ta’ l-Anġli fil-Mużew tal-parroċċa tal-Birgu u lil San Ġwakkin fil-knisja tal-Kappuċċini fir-Rabat ta’ Għawdex. Fl-1783 Buhagiar pitter mill-ġdid lil San Ġwakkin imma din id-darba fil-kwadru tal-Kunċizzjoni flimkien ma’ Sant’Anna u San Ġwakkin fil-parroċċa ta’ Ħal Balzan.


Fl-1875 Buhagiar reġa’ pitter lill-Madonna ta’ l-Anġli, din id-darba fil-knisja ddedikata lill-istess Madonna f’Ħaż-Żebbuġ. Fl-istess sena pitter iż-żewġ laterali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja tat-Tereżjani f’Bormla.

F’Ħaż-Żebbuġ Rokku Buhagiar pitter il-Verġni Marija tal-Konsolazzjoni jew kif inhija magħrufa Il-Madonna taċ-Ċintura. Dan ix-xogħol artistiku huwa meqjus bħala wieħed ambizzjuż ħafna fil-waqt li huwa folt f’dawk li huma persunaġġi. Marija Verġni flimkien ma’ binha Ġesu’ tarbija  jinsabu mdawrin minn disa’ qaddisin. Kull wieħed minnhom iġib l-emblema tiegħu. id-dehra ta’ Santa Barbarba għar-rkobbtejha, jikteb Mario Buhagiar f’The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900, paġna 156, hija influwenza mill-pittur Taljan Agostino Masucci (1691-1758). Ta’ min iżid li pittura tal-Masucci, San Karlu Borromeo, li postha jinsab fil-Kappella tar-Relikwiji, jew preċiżament fil-Kappella tal-Lingwa Anlo-Bavarjana, f’San Ġwann, kienet għall-wiri fil-Mużew ta’ l-Arti l-Belt Valletta f’April 2004 wara li kienet restawrata.


L-element ta’ kwadri ex-voto (jiġifieri kwadri mpinġija bħala radd ta’ ħajr għal xi grazzja maqlugħa) joħroġ b’eżempju mill-kwadru kbir tal-Madonna ta’ l-Isperanza (1754) li jinsab fil-kappella ta’ l-Isperanza, f’Wied il-Għasel, il-Mosta. F’dan il-kwadru mill-iktar bikri ta’ Rokku Buhagiar, insibu lill-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha tassisiti ġifen ta’ l-Ordni jissielet mal-mewġ f’maltempata mill-ikreh (espressa mis-sħab iswed). Minn ħdejn saqajn il-Madonna jinsab ħiereġ ċipp ta’ ankra. L-ankra għall-ewwel insara kienet simbolu tat-tama (jew ta’ l-isperanza).


Kwadru ieħor li nistgħu nsejħulu ex-voto wkoll, ma jġib l-ebda ikona qaddisa, jirrappreżenta dgħajsa tal-latini maqbuda f’maltempata. (ara Referenza 99 ta’ Il-Kwadri Ex-Voto Marittimi Maltin, Joseph Muscat. L-indikazzjoni ta’ din ir-referenza tinsab f’paġna 199 ta’ l-istess ktieb).


Kwadru ieħor li Rokku Buhagiar pitter kien tal-Madonna tal-Kunċizzjoni fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, eżattament fuq wieħed mill-artali tal-ġnub.


Il-ħidma kontinwa u fl-istess ħin fejjieda ta’ Rokku Buhagiar li maż-żmien għamlitu kompetittiv wasslet mhux biss biex ikun ikkumissjonat mill-Kapitli ta’ bosta parroċċi f’Malta u f’Għawdex, imma wkoll mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Kavallieri tal-Lingwa ta’ Kastilja kienu qabbdu lil Rokku Buhagiar bejn is-snin 1770-1790 sabiex imexxi x-xogħlijiet li kienu saru fil-Knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta, u li kienet taqa’ taħthom.

Servewni Ta’ Għajnuna:

Sammut Edward, Art in Malta, Progress Press, 1960
Mifsud Bonnici Robert, Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali, D.O.I., 1960. fejn Mifsud Bonnici jikteb li Rokku Buhagiar kien imitatur ċelebri ta’ Guido Reni.
De Piro Nicholas, The International Dictionary of Artists who painted in Malta Said International Ltd., 1988.
Buhagiar Mario,  The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900, World Confederation of Salesians Past Pupils of Don Bosco  –  Lions Club, 1988.
Muscat John, Il-Kwadri Ex-Voto Marittimi Maltin, Ġabra Kullana, P.I.N., 2003.
Coleiro Charles, Il-Festi Tagħna, Ġabra Kullana, P.I.N. 2003.
Sciberras Keith, L-Arti Barokka f’Malta, Gabra Kullana, P.I.N., 2003. – Dan l-awtur huwa l-uniku wieħed li jagħti l-1723 (minflok 1725) bħala data approssimattiva ta’ twelid Rokku Buhagiar.
Treasures of Malta, Vol. VI, No3 Summer 2003, “The Baroque Art of the Maltese Islands”, Mario Buhagiar, p.p. 29 – 34.
Treasures of Malta, Vol. IX, No2, Easter 2003, “Francesco Zahra (1710-1773) “Great Artist of the Eighteenth Century”, Emmanuel Fiorentino, p.p. 39 – 45.
Conti, Dr. Flavio, How to Recognize Baroque, Rizzoli Editore, Milano, 1978
Roccu Buhagiar (1725-1807)”, Joseph C. Camilleri, “It-Torċa”, il-ħadd magazin, 4 ta’ Mejju 2003, pagna 24.
G. Calleja, L’Arte, anno 3o, 7 settembre 1865, nro. 64, p.4
Dr. N. Zammit, L’Arte, anno 2o, 22 novembre 1863, nro. 25, p.2
Oreste Ferdinando Tencaioli, Artisti Maltesi a Roma, Roma, 1936  p.3
Malta, 8 Luglio, 1936, p.1 (sensiela ta’ artikli miġbura fil-ktejjeb Artisti Maltesi a Roma)
Dominic Cutajar, Artists of the Buhagiar and Zahra Families, “The Times”, October 3, 1980, pp. 4-5Irrid irrodd il-ħajr lill-Pirjol Patri Martin Borg OCD tal-Kunvent ta’ Sta. Tereża, Bormla tat-tagħrif li tani.

Ismijiet Ta’ Nħawi Qodma F’Bormla U L-Madwar

Mario Attard

Hija ħaġa naturali daqs kemm hija komuni li ċittadin Bormliż jgħid li huwa minn Bormla. L-istess kif jagħmlu ċittadini minn bliet u rħula oħra. Iżda meta nfittxu dwar kemm nafu xi jfisser l-isem tal-belt tagħna, is-sikta tirrenja fuq il-parti l-kbira tal-kotra. Bil-għan li ngħin biex innaqqas minn din is-sikta u ngħarraf liċ-ċittadini tagħna jgħollu aktar is-sens ċiviku tagħhom, ħsibt li nikteb din il-kitba. Minbarra tagħrif fuq isem beltna, ħadt ħsieb li nagħmel referenza lejn inħawi antiki li l-qabda l-kbira tagħhom intesew, iżda mhux minn fuq il-folji tar-reġistri tan-nutara – dawn għadek isibhom imniżżla fl-arkivji notarili. Irrid inżid ukoll li għadd ċkejken ġmielu minn dawn l-inħawi għadhom attwali. Jinsabu għaddejjin minn moħħi l-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa, Santa Margerita u Santa Liena.

Sorsi


Dan il-għan li fassalt f’moħħi bnejtu primarjament fuq il-ktieb voluminuż ta’ Godfrey Wettinger, Place-names of the MalteseIslands ca. 1300-1800. Referenza oħra siewja ħadtha mid-djarju The Siege of Malta 1565 tal-Kavallier Francesco Balbi di Correggio stampat għall-ewwel darba fl-1567 f’Alcala de Henares u fl-1568 f’Barcellona. Fl-1867 kien inqaleb għall-Ingliż mill-Maġġur Henry Alexander Balbi. Il-verżjoni li nirreferi għaliha kienet stampata f’Copenhagen fl-1961. L-Assedju l-Kbir  – Ġrajjiet ta’ Kull Jum ta’ Mons. E.Coleiro. Referenza oħra ħadtha mill-ktieb maħruġ mill-Kustodju ta’ l-Altar tal-Kor Bormla bl-isem Żvilupp tal-Qima lejn Marija Verġni Immakulata f’Bormla, stampat fl-1949.

Burmola – Interpretazzjonijiet

Bormla hija “distrett, u llum belt, fil-ġewwieni tal-qala bejn Sant’Anġlu u l-Isla”. In-Nutar C. Canchur fl-att tas-16 ta’ Settembru 1501 jirreferi għaliha bħala contrada ta burmula – id-distrett ta’ burmula (Wettinger, p.65). L-istess nutar jirreferi għal Bormla bħala ta bur mile, contrada fil-5 ta’ Ġunju 1523. In-Nutar Gerolamo Cumbo jikteb fid-19 ta’ Mejju 1537 ta murmule, suburbii maris, contrada – b(m)urmule, subborg mal-baħar u distrett (Wettinger, p.65). Interessanti r-referenza għal Bormla miktuba fil-21 ta’ Ġunju 1577 u misjuba fil-Mużew tal-Kattidral ta’ l-Imdina, burmula citta della Vittoriosa, citta de Malta (Wettinger, p.65).


Godfrey Wettinger f’paġna 72 jagħtina l-isem Bullumeni, insibu li dan kien qasam, jew aħjar fewdu, qrib il-Birgu. Il-possibilita’ hija li dan l-isem imniżżel fis-26 ta’ Marzu 1373, qiegħed jirrferi għal Bormla.


Fuq kollox Wettinger ma jonqosx milli jagħti t-tifsira tal-kelma Bur Mula f’p.65, jiġifieri l-mergħa tal-Mulej jew inkella il-mergħa ta’ Mula. L-istess awtur ma jonqosx milli jfakkarna li Mula sar kunjom u huwa wieħed attwali wkoll. Il-kelma Bur fid-dizzjunarju ta’ Ġuże’ Aquilina English-Maltese Dictionary Vol. III, p(.1824) jiddeskriviha bħala biċċa art baxxa mistagħdra ħafna drabi qrib xi xmara (baħar). Jirreferi għaliha wkoll mill-Għarbi, jiġifieri litteralment art mhux ikkultivata, moxa. Fil-waqt li mula jfissirha mill-Għarbi wkoll bħala Sid jew lord. Aquilina jsemmi l-possibilita’ wkoll li burmula ġejja minn bu ramla għall-bajja li ntilfet fid-dagħbien bil-bini tal-baċir numru wieħed. (Maltese-English Dictionary Vol.1,137).

Erin Serracino Inglott f’Il-Miklem Vol. 1 (p.212) jiddeskrivi lill-bur bħala art moxa (ftit jew wisq ħawlija) li tiswa bħal mergħa li dari r-rgħajja kienu jieħdu l-bhejjem tagħhom jirgħu. Serracino Inglott f’p.188 tad-dizzjunarju msemmi jfisser lill-kelma Bormla bħala il-bur li fih il-milja (i.e. m’huwa nieqes minn xejn, l-aktar, nemmen, f’sens agrikolu, meta nafu li l-biedja u s-sajd kienu l-mezzi ewlenin tal-għajxien. Bormla f’dak iż-żmien kellha mit-tnejn).


Interpretazzjoni mibnija fuq xeħta popolari hija li l-isem ta’ Bormla ġej minn bir-il Mulej. Dan l-isem, imsemmi ħafif ħafif ‘il fuq, huwa mibni grammatikalment bl-istat kostrutt jirreferi għall-fehma li fl-Iżmna mbiegħda sewwa, fejn il-lum tinsab il-belt Bormliża kien hemm ġiebja kbira (jew bir) li kienet taqdi lill-pubbliku ta’ l-inħawi tal-madwar.

Il-preżenza ta’ l-ilma f’pajjiż irrenjat ġmielu min-nixfa (l-aktar f’dawk Iż-żminijiet), ipprovdiet grazzja kbira daqskemm popolarita’. B’danakollu, in l-interpretazzjoni ta’ minn fejn seta’ ġej l-isem Burmola ma tantx qabdet art. (Lulju Settembru 2004)


Il-kelma barbar tipprovdi possibilita’ oħra ta’ oriġini għall-ewwel nofs ta’ l-isem Bormla. Dan l-isem li grammatikalment ħa sura kwadrilitteri, ġejja mill-kelma ripetuta barra barra. Minnha ħa l-ewwel sillaba li ġiet ripetuta. Barr (minn barra) ħadet is-sura ta’ Bur. Min isostni din il-fehma jemmen fiha għaliex Bormla, qabel aktar mil-lum, kienet tinsab barra s-swar tal-Birgu u l-Isla. Din il-fehma emmen fiha bis-sħiħ l-istoriku Annibale Preca.


Bil-ħsieb li nkompli nipperżenta kull interpretazzjoni possibli minn fejn ġej l-isem tal-Belt Cospicua, isnemmi studjuż ieħor qadim ta’ l-istorja Maltija  –  b’Achille Ferris li emmen li Burmola tfisser post dominanti, fuq l-oħrajn (fiz-zona tiegħu), u għalhekk iħares ‘l isfel lejn il-madwar tiegħu. Biż-żejjed hawn insemmiu lill-għoljiet ewlenin ta’ Santa Margerita, ta’ San Ġwann t’Għuxa u ta’ Kordin (li fl-imgħoddi kienet waħda mill-ħames għoljiet li ffurmaw lil Bormla oriġinali).


Permezz ta’ Wettinger, iżjed ‘il fuq issemma l-kunjom Mula. Naraw l-interpretazzjoni ta’ dan il-kumjom kif jagħtiha b’rabta ma’ Bur Mula Mario Cassar f’The Surnames of the MalteseIslands, f’paġni 260-261. Raħal fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ kien Ħal Mula li tfisser id-dar tar-razzett tal-familja Mula bil-bini madwarha. L-isem Ma;lti kompost minn żewġ partijiet Bormla huwa t-ttaqsira ta’ Bur Mula li tfisser il-mergħa ta’ Mula.


B’kurżita’ nsemmi wkoll li jeżisti raġal fil-provinċja ta’ Potenza bl-isem La Mula. Barra minn hekk, insibu l-kunjom (anki jekk forsi taħt laqam) eżistenti fl-1145 fost l-ilsiera Musulmani f’Malta maħkuma min-Normanni.  

Ismijiet Ta’ Nħawi F’Bormla U Madwarha


Il-lista ta’ ismijiet ta’ nibdiha bil-ħames għoljiet li oriġinarjament taw is-sura bikrija lil Bormla. Għad li dawn diġa’ ssemmew fil-kitba tiegħi Bormla – Ħarsa lejn l-għeruq, it-Tnissil u l-Iżvilupp Tagħha (li dehru fl-ewwel tliet ħarġiet tal-gazzetta tal-Kunsill ta’ Bormla, Sehemna), ikun xieraq li jkunu jiffurmaw parti mil-lista sħiħa ta’ partijiet qodma li rnexxieli niġbor.


Il-ħames għoljiet huma l-Għolja tal-Ġonna, li għad li m’hix l-ogħla għolja f’Bormla, fil-quċċata tagħha tinsab il-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata. L-Għoljiet ta’ Pażan u ta’ Santa Margerita li jeħduk lejn Ħaż-Żabbar. L-Għolja ta’ Ġerman tqarrbek lejn iż-Żejtun fil-waqt li Kordin jieħdok lejn ir-Raħal il-Ġdid.


Godfrey Wettinger fi Place-Names of the MalteseIslands ca.1300 – 1800, isemmi bħala l-ewwel naħa eżattament ħdejn Bormla lill-fewdu ta’ Dosa. Minbarra dan l-isem huwa magħruf ukoll bħala ta’ Pietra Longa.

Irridu ngħidu li f’Ħal Millieri (fejn iż-Żurrieq) kien hemm għalqa li ġġib l-istess isem. Ġan Franġisk Abela f’Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano (1647) jkteb hekk: Ta Dosa jew Pietra Lunga, fuq it-territorju ta’ Bormla li kienet f’idejn il-Gran Mastru. Dosa ġejja minn Johannes de Osa li fl-aħħar parti tas-Seklu 14 (circa 1374) ingħata l-fewdu msemmi ta’ Pietra Longa. Fl-20 ta’ Awissu 1408 kien għaddieh lil Puchio de Termis.

Il-Qsajjem ta’ Petra Longa hija referenza oħra għal ta’ Dosa jew San Ġwann t’Għuxa  –  Nut. Giuliano Muscat, 15 ta’ Settembru 1544. Pietra Longa hija kelma oħra għal menhir li kienet tinsab f’dik iz-zona. Kif nafu, menhir hija ħaġra twila u antika jew imwaqqfa minn żmen il-ħaġar inkella l-ħaġra ttieħdet minn xi lok pre-istoriku u tqiegħdet fil-post bħala monument. (Ottubru-Diċembru 2004)


Bejn ta’ Dosa (jew San Ġwann t’Għuxa)  u tal-Barrani f’Ħal Tarxien kien hemm ġiebja msemmija ta’ Bir Għulem. Id-data teħodna fis-27 ta’ April 1568. tajjeb in kunu nafu li għuliem tista’ tfisser żagħżugħ jew ilsir inkella qaddej (p.43).


Ta’ Għuxa (ta huxe) huwa distrett fil-punent ta’ Bormla. In-Nutar Canchur isemmih fl-20 ta’ Frar 1521. Naturalment, il-ħsieb jaqa’ fuq San Ġwann t’Għuxa, hekk imsemmi minn Wettinger f’paġna 495.  Dan ta’ l-aħħar jiddeskrvih bħala naħa qrib Għajn Dwieli Mons. E. Coleiro f’L-Assedjdu l-Kbir  –  Ġrajjiet ta’ Kull Jum jikteb f’paġna 52 li sa żmien l-Assedju tal-1565 fuq San Ġwann t’Għuxa kien hemm ftit abitazzjonijiet u għalhekk kien jitqies bħala l-villaġġ. In-Nutar Canchur iniżżlu bħala distrett, bid-data tkun 15 ta’ Frar 1505. L-istess jikteb in-Nutar Giuseppe de Guevara fid-19 ta’ Settembru 1541. Ġ.F.

San Ġwann ta' Għuxa

Abela jikteb fil-volum tiegħu msemmi ‘l fuq dwar il-knisja tal-qaddis u l-istatwa kbira ta’ l-injam miġjuba fuq waħda mill-karrakki ta’ Rodi. Wettinger joħloq rabta bejn il-knisja ta’ San Ġwann t’Għuxa u l-familja ta’ Johannes de Osa , fejn iqisha bħala l-kappella tal-familja de Osa. Din il-familja għexet f’Malta matul it-tieni nofs tas-Seklu 14. Storikament nafu li l-ewwel kappella ta’ San Ġwann t’Għuxa kienet iktar ‘l hinn minn fejn tinsab il-lum  –  kienet mibnija fl-1373 u kienet iġġib l-arma tal Isqof Anonio Vulpano li fid-data msemmija kien Isqfof ta’ Malta.

Għall-ewwel kienet tagħmel mal-parroċċa ta’ Bir Miftuħ imma mbagħad mill-1592, meta Ħal Tarxien sar paroċċa, saret tagħmel miegħu. Din twaqqgħet biex inbnew is-swar u flokha nbniet oħra ġewwa s-swar fejn tinsab il-lum. Inbniet fl-1682 bi flus il-Pirjol Fra Pietro Viany.  Ma’ din il-knisja kien hemm Palazz (magħruf mal-Bormliżi bħala l-palazzina) li parti minnu kienet is-sagristija u miegħu kellu ġnien.

Dan ġarrab ħsara ġmielha fl-aħħar gwerra u fl-1971 minflok irrestawrawh twitta għal kollox Distrett ieħor f’Bormla kien ta’ l-Għassieli misjub fl-att notarili tan-Nut. Canchur fil-5 ta’ Ottubru 1523.  Aayn Duyeli jew aħjar Għajn Dwieli tissemma minn Wettinger f’paġna 182 – qala li Ġ.f. Abela jsemmi lill-baħar tagħha b’wieħed salmastru (kif kienet il-qala fil-Mandraġġ ta’ Bormla qabel ittieħed mill-Ingliżi biex inbena l-Baċir Nru.1). Għad li Dwieli tfisser siġar tal-għeneb, Wettinger ma jeskludix il-fatt li seta’ kien il-Wied ta’ Wali (isem Għarbi). Id-data li jagħti l-volum ta’ Wettinger hija tat-2 ta’ Frar 1649.
Ġnien Gwaltieri hija għalqa f’Bormla li fil-Malti tal-lum ninterpretawh bħala r-raba’ ta’ Walter. Lil din l-għalqa nsibuha mniżżla fl-att notarili tat-30 ta’ Ottubru 1518. in-Nutar kien C. Canchur. L-istess nutar  fid-dokument tat-13 ta’ Settembru 1501, isemmi lill-għelieqi tal-Gżir jew talgisir. L-istess Nut. Canchur fil-5 ta’ Ġunju 1523 jikteb fuq l-istess għelieqi “talgisir. galcula in contrada bir mile” (p.176).
Żewġt għelieqi oħra msemmija f’Bormla huma tal-Maqta, hekk imniżżla min-Nutar Gerolamo Cumbo fil-15 ta’ Ottubru 1536.
Ħabel raba’ f’Bormla kien ta’ Twila, hekk imniżżel fid-dokument tan-Nutar de Guevara fis-7 ta’ Marzu 1542.


Ta’ Żinżilin kienet għalqa oħra f’Bormla (p.633)  –  tazinzili, clausura in contrada taburmula bid-data 12 ta’ Jannar 1535 (fil-Mużew Kattidrali ta’ l-Imdina).
Għalqa magħrufa bħala ta’ Triq Xolantar tissemma f’paġna 556. Hija mniżżla fl-att notarili tan-Nutar G.D. Pace fil-5 ta’ Awissu 1695 bħala għalqa li kienet tinsab ġewwa l-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera. Xolantar jew Xiruntar kien kunjom lokali fl-1483. Bħala prova nsemmu lil Enrico Xirintano fit-30 ta’ Novembru 1428.


Merħlet il-Mogħoż (p.374) huwa l-post fejn il-Birgu fejn fih is-suldati tal-għassa kienu joqgħod fiż-żmien li fih fl-1523 il-Birgu kien maqtugħ mill-bqija tal-madwar minħabba l-pesta. Dan jissemma fid-data 1 ta’ Ġunju 1523. Dan il-lok jerġa’ jissemma min-nutar Mario Briffa fil-31 ta’ Lulju 1621.


L-Imżiebel huwa post qrib il-Birgu; eżattament kien jinsab bejn il-Knisja ta’ Santa Margerita u tal-Għassieli. Fost id-dati li fihom jissemma dan il-post insibu l-eqdem waħda tat-13 ta’ Settembru 1372. (Wettinger p.408).


Barra l-Birgu, tissemma l-lokalita’ ta’ Qarraba bid-data 7 ta’ Ottubru 1523 (p.435).
Barra l-Birgu wkoll, eżattament bejn ħdejn tat-Torba u l-Imżiebel tissemma f’paġna 327 in-naħa ta’ Ħosen. In-Nutar Canchur isemmi dan il-post fit-13 ta’ Lulju 1524.


‘Il fuq sewwa semmiet l-Għolja ta’ Santa Margerita. Wettinger isemmiha f’paġna 512. Hija mfissra min-Nutar Canchur fil-11 ta’ Lulju 1503 bħala barra l-Birgu. Għolja oħra li ssemmiet ‘il fuq hija ta’ Kordin. F’paġna 603 Godfrey Wettinger isemmi x-Xagħra ta’ Għajn Rabib. Din kienet zona ddominata minn għajn imsemmija għal missier jew iben tar-rispett. Id-data miġjuba hija tal-15 ta’ April 1536 fil-waqt li n-nutar kien G. Buttigieg. Qrib Kordin jissemma wkoll Għar Ħanżira. Dan jissemma minn Ġ.F. Abela fl-1647.


Naħa partikulari li tinsab fuq fomm in-nies daqs kemm tinsab Fuq Santa Margerita hija Santa Liena. Nafu li l-bieb ta’ Santa Liena kellu mportanza enormi għas-swar interni tal-Kottonera. Il-fatt li ssemma għal Santa Liena jixhed il-fatt li dik iz-zona kienet magħrufa b’dak l-isem. B’danakollu, il-Kavallieri Balbi jsemmi lil din il-parti ta’ Bormla l-ewwel bħala Santarena imbagħad Santa Liena. Hawn min isostni li Santarena kien kavallier. Hi x’inhi, faċilment jista’ jkun li Santa Liena hija taħsira ta’ Santarena. Daqs ħamsin sena ilu, fuq ġewwa tal-bieb ta’ Santa Liena, kien hemm artal u mwaħħal fuqu pittura ta’ Santa Liena wieqfa bis-Salib ta’ Kristu.


Fid-djarju The Siege of Malta 1565 il-Kavallier Francesco Balbi di Correggio jagħtina s-sehem ta’ l-Għolja ta’ Santa Margerita, Fuq San Ġwann t’Għuxa kif ukoll l-Għolja ta’ Kordin. Ma ninsewx li dawn il-qagħdiet strateġiċi għal dawk iż-żminijiet, kienu f’idejn it-Torok u ntużaw kontra  l-qagħdiet ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann fil-Birgu u fl-Isla.


Ħaġa ta’ min josserva f’għadd mill-inħawi msemmija hija marbuta man-nuqqas ta’ eżattezza fejn jinsabu l-inħawi mogħtija. Huwa minnu li għadd ieħor minn dawn l-inħawi jinftiehmu fejn kienu jinsabu. Biss dan in-nuqqas ma setax jingħeleb għall-fatt li n-nutara li niżżluhom fl-atti notarili tagħhom baqgħu  ħafna drabi vagi wisq. Madanakollu, dan it-tagħrif flimkien ma’ ftit ta’ l-immaġinazzjoni, jgħin biex min jaqra jikkrea fi ħsiebu ċerti l-imgħoddi ta’ ċerti nħawi ta’ Bormla.