Category Archives: Tagħrif dwar il-parroċċa

Artikli dwar il-Parroċċa ta’ Bormla

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Kitba ta’ Carmel Galea Scannura

Il-Fratellanza tal-Kurċifiss bdiet torganizza l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Tissemma’ għall-ewwel darba meta Mro. Gerolamo Ciumi nħatar Rettur, imma sal-1694 l-ispejjeż meħtieġa kienu hekk kbar li ma tantx kont issib min kien lest jieħu fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ din il-kariga.

Dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Purċissjoni ta’ Kristu Mejjet.

Fiha kienu jieħdu sehem il-fratelli flimkien ma’ tfal b’lanterni u torċi fidejhom, li kienu jimxu wara standard iswed.

Il-purċissjoni kienet dejjem issir fil-għaxija, ġieli fit-tard, u dejjem nhar il-Ġimgħa l-Kbira. L-ewwel darba li jissemmew il-vari huwa f’rapport finanzjarju ppreżentat fl-1699. Sa l-1702 kienu għadhom isiru l-ispejjeż biex jitlestew minn kollox. Dik il-ħabta sar ix-xogħol kollu meħtieġ bil-ħidma ta’ Giovanni Mamo, Argużin, li aktar tard inħatar Rettur.

Inventarju ta’ nofs is-seklu tmintax jindika lista tradizzjonali ta’ tmien vari li maż-żmien inbidlu fis-seklu dsatax. Sal-1738, it-triq tal-purċissjoni kienet tieħu lejn il-knisja żgħira ta’ San Pawl. Imbagħad tgħaddi lejn it-triq li tagħti għall-Isla, u wara li taqsam minn fuq pont lejn il-knisja ta’ Santa Tereża, kienet tkompli lura mit-Triq tax-Xatt lejn il-Parroċċa.

Minħabba l-bini tal-fortifikazzjonijiet u l-bini li kompla tiela’ ġewwa Bormla, il-Fratellanza bidlet id-dawra tal-purċissjoni li issa bdiet tgħaddi minn Triq l-Oratorju, lejn in-naħa tal-knisja ta’ Santa Margerita minn Strada San Giorgio, Santa Tereża u lura lejn il-Knisja Parrokkjali. Fl-1982 saret bidla oħra: il-purċissjoni bdiet tinżel mill-Parroċċa lejn Pjazza Paolino Vassallo, tgħaddi minn Triq Santa Tereża u minn hemm tibqa’ għaddejja lejn il-Knisja Parrokkjali mit-toroq tas-soltu.

Id-Daqqaq Tal-Flawt
U Tat-Tanbur

Sa għadd ta’ snin wara l-gwerra, quddiem il-purċissjoni, kien ikun hemm id-daqqaq tal-fifra u miegħu tifel idoqq it-tanbur. Nafu li dari d-daqq tal-flawt u t-tnabar ġewwa Bormla kien isir ukoll quddiem purċissjonijiet oħra bħal dik tas-Salib Imqaddes li kienet issir fit-3 ta’ Mejju. Kienu jdoqqu melodiji kiebja bħallikieku biex iħabbru l-misteri kbar tal-Passjoni u l-mewt tal-Mulej. Nafu li f’Malta, sa miż-żminijiet tan-nofs, Uffiċjali Pubbliċi li kienu jaqraw il-bandi, jew avviżi uffiċjali f’diversi bliet u rħula, kien ikollhom quddiemhom lil tal-flawt, tnabar u wkoll trombi.

Id-Daħla F’Ġerusalemm

L-aħħar episodji tal-ħajja ta’ Ġesu’ seħħew f’Ġerusalemm. Sitt ijiem qabel l-Għid tal-Lhud Ġesu’ mar Betanja għand Lażżru.

‘ll-għada, il-folol ta’ nies li kienu ġew
għall-festa, kif semgħu li Ġesu’ kien ġej
Ġerusalemm, ħadu l-friegħi tal-palm u
Ħarġu jilqgħuh. U bdew jgħajtu: “Hosanna!
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierek
is-sultan ta’ Iżrael!” Ġesu’ sab felu u rikeb
fuqu, kif hemm miktub. “Tibżax, bint Sijon!
Ara, ġej is-sultan tiegħek, riekeb fuq felu
ta’ ħmara.'”  

Ġwanni 12, 12-15

Dan huwa l-ftuħ tar-rappreżentazzjoni drammatika tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’. Wieħed jinnota li minbarra l-fratelli tal-Kurċifiss u l-kleru, jieħdu sehem ukoll f’dan Il-pageant religjuż tfal b’ilbies tradizzjonali, kif ukoll kbar b’vestwarju li jirrappreżentaw persunaġġi storiċi u bibliċi. Din id-drawwa jingħad li daħħalha fir-Rabat, Malta, il-Baruni Giuseppe DePiro Gourgion. Ġewwa Bormla bdiet fl-1968 bil-figura biblika ta’ Xmun minn Ċireni jġorr is-salib flimkien maż-żewġ uliedu.

L-Istandard Tal-Fratellanza


Kurċifiss akkumpanjat minn żewġ lanterni.

Żewġt itfal libsin iż-żimarra jżommu platti b’simboli tal-misteri tal-passjoni – il-ħaruf u l-kalċi.

Il-Fratellanza kellha standard antik. Kien iswed u fuqu kellu rappreżentazzjoni ta’ Kristu Msallab. Din saret mill-arazzier Francesco Lamora u tħallset mill-Kaptan Giovanni Maurico fl-1752. Qamet 25 skud. Fl-1819 sar standard ġdid li ħallas għalih Ġużeppi Azzopardi, u fl-1856 Filippu Tabone ħareġ l-ispiża għall-kruċetta u l-lasta tar-ram indurati, li nħadmu f’Ruma.

Bandalora: Passio Domini Nostri Jesu Christi

Żewġt itfal bil-misteri – il-pellikan u l-ħuta.


Din il-bandalora tinġarr fil-bidu tal-purċissjoni bħallikieku biex tħabbar it-tema tar-rappreżentazzjoni religjuża tal-Ġimgħa Mqaddsa li nkunu se naraw. Din saret fl-1962 mis-Sinjura G. Minuti taħt id-direzzjoni tal- Kan. Ġużeppi Cassar.

Jimxu tnejn bil-lanterni u warajhom żewġt itfal bil-misteri – il-kalċi u l-għeneb, u fanal żgħir.

Teżori Artistiċi Fil-Knisja Kolleġġjata Ta’ Bormla

Kitba ta’ Emanuel Fiorentino

Il-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla hi magħrufa għar-rikkezzi li għandha. Ħafna nies, speċjalment dawk mhux Bormliżi, jassoċjaw dawn ir-rikkezzi ma’ oġġetti tal-fidda iżda fil-knisja hemm teżori oħra artistiċi li għalkemm mhux possibbli ħlief naċċenna għalihom, ta’ min insemmihom biex il-pubbliku jsir aktar konxju ta’ x’hemm f’din il-knisja li fi ftit ġimgħat oħra se tikkommemora ċ-ċentinarju ta’ l-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari ta’ Marija Immakulata.

Dawn it-teżori nistgħu naqsmuhom f’żewġ kategoriji: dawk li nistgħu narawhom matul is-sena, bħalma huma pitturi, skulturi eċċ. u dawk, bħalma huma l-fided u aċċessorji oħra bħal linef, it-tużell, id-damask eċċ., li normalment wieħed jista’ jgawdihom biss fil-ġranet ta’ festi.

Pittura

Nibdew b’ta’ l-ewwel. F’dik li hi pittura, ix-xogħol ewlieni hu t-titular tal-Kunċizzjoni, kwadru li kien sar fl-1828 mill-artist Pietru Pawl Caruana ftit wara li dan ġie lura f’Malta minn Ruma fejn studja fl-Accademia di San Luca u fejn assorba l-idjoma ta’ l-hekk imsejħa skola purista ta’ dak iż-żmien. Iżda ma kienx ħa post il-kwadru tal-Kunċizzjoni ta’ Karlu Gimach, li llum narawh fis-sagristija, qabel l-1850. M’inix se nżid xejn aktar dwar dan il-kwadru ta’ Caruana billi sejjer nittrattah għalih waħdu f’artiklu ieħor.

Artist li ħalla diversi xogħlijiet f’din il-knisja kien Giuseppe Cali`, wieħed mill-ġganti fl-arti Maltija, li lejn l-aħħar snin tas-seklu dsatax kien pinġa s-saqaf kollu flimkien mal-koppla u l-pendenti ta’ taħt il-koppla. Dawn il-pendenti bis-suġġetti ta’ Mose`, David (data 1884), Eżekjel u Isaija, minn dejjem kienu jolqtuni għas-saħħa ta’ disinn li jħaddnu, u forsi ma nkunx żbaljat jekk ngħid li huma l-aktar pendenti mpressjonanti li nsibu fil-knejjes Maltin.

Pendent

Parti mix-xogħol ta’ Cali` m’għadux jeżisti. Il-pittura tal-koppla kienet inbidlet fis-seklu għoxrin b’dik tal-pittur Taljan Virginio Monti, li hu l-aktar magħruf fostna għax-xogħol tiegħu estensiv fil-Bażilka ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Ta’ Monti wkoll f’Bormla huma l-kwadri tas-saqaf tal-kor u tal-kappelluni. Ta’ min jgħid li l-oriġinal ta’ Cali` fis-saqaf tal-kappellun ta’ San Ġużepp illum qiegħed fl-Awla Kapitulari.

Probabbilment l-aktar kwadru qadim fil-knisja kif narawha llum hu dak tal-Pentekoste fil-kappellun ta’ San Ġużepp. Imur lura għas-seklu XVII iżda l-awtur tiegħu u anonimu. Mhux magħrufin ukoll l-awturi rispettivi tal-kwadri ta’ fuq l-altari ta’ San Mikiel u ta’ San Dimitri.
Mill-kumplament tal-pittura hemm bosta artisti ta’ kalibru li huma rappreżentati. Fosthom insemmi lil Gian Nikol Buhagiar bil-kwadru tal-Kappella tas-Sagrament, Rokku Buhagiar bil-kwadru ta’ fuq l-altar ta’ San Mark u bl-erba’ kwadri laterali fil-kappelluni, Alessio Erardi, iben Stefano Erardi, li ħadem il-kwadru tal-Madonna bil-Bambin u San Ġwann Battista, u Francesco Zahra li tiegħu huma ż-żewġ kwadri laterali tal-Kor, li fl-opinjoni tiegħi huma fost l-aqwa xogħlijiet evokattivi ta’ dan l-artist kbir tas-seklu XVIII.

Skultura

Ix-xogħlijiet ta’ skultura, l-aktar jirrigwardaw il-vari li saru fi żminijiet differenti biex jinġarru fil-purċissjonijiet fil-festa ta’qaddis jew qaddisa tagħhom.

Nibdew bil-vara tal-Kunċizzjoni li l-Bormliżi għandhom, kif jgħid il-Malti, bokka t’għajn biha. Saret kif narawha llum fl-1905, mitt sena ilu, għand id-ditta Antonio Ghezzi e Figlio ta’ Milan fuq disinn tal-magħruf skultur u disinjatur Bormliż Abram Gatt. Biex saret kellha tiġi sagrifikata l-vara ta’ qabel li ħafna jaħsbu li kienet saret minn Suor Maria de Domenicis, alljeva ta’ Mattia Preti.

Sal-ġurnata tal-lum għadni nsaqsi lili nnifsi kif bil-barka ta’ kulħadd kienu ddeċidew biex issir vara ġdida ‘għas-spejjeż’ ta’ l-oħra. Iżda hawnhekk qed nitkellmu dwar mitt sena ilu meta l-idea ta’ konservazzjoni ta’dak li hu qadim ftit li xejn kienet tħabbel moħħ dak li jkun. M’hux il-ħsieb tiegħi hawnhekk li nqajjem b’xi mod xi polemika anzi, biex ma niftiehemx ħażin, inżid biss li l-fatt jibqa’ li l-vara preżenti hi ġojjell dejjiemi ta’ din il-knisja.

Ta’ l-istess Abram Gatt hemm il-vara ta’ San Ġużepp, xogħol fl-injam li nħadem fl-1903. Vari oħra jinkludu dawk ta’ Sant’ Agata, xogħol ta’ l-1846 minn Pietru Pawl Azzopardi fuq disinn ta’ Giuseppe Hyzler u li tiegħu wkoll hi l-Madonna tar-Rużarju. Azzopardi kien fost l-alljevi ta’ Mariano Gerada li tiegħu naraw il-vara ta’ San Mikiel maħduma fl-1819 u l-grupp statwarju tal-Magħmudija ta’ Kristu, maħdum fl-1814.

Xogħlijiet oħra ta’ skultura huma l-vara ta’ Sant’ Andrija, xogħol ta’ l-1844 ta’ Salvu Psaila, l-awtur tal-vara ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara, li tinsab konservata fin-niċċa l-antika tal-Kunċizzjoni ħdejn is-Sagristija, u l-famuż Kurċifiss ta’ Kandja, li kien inġieb mill-gżira ta’ Kandja (illum magħrufa bħala Kreta) fl-1669. Fl-opinjoni tiegħi jista’ jkun xogħol tas-seklu XV.

L-istorja marbuta ma’ dan il-Kurċifiss u kif spiċċa fil-knisja ta’ Bormla hi nteressanti iżda hawn mhux se nidħol fiha minħabba l-ispazju. Biżżejjed ngħid, iżda, li minħabba d-devozzjoni qawwija li trawmet lejh, kienet inbniet kappella kbira fl-1903 li kienet parzjalment dekorata minn Giuseppe Cali`, biex tkun tista’ tilqa’ l-pellegrini li kienu jmorru minn kull naħa ta’ Malta biex iżuruh.

Dan l-aħħar sar studju fuq l-affresk tal-pittura ta’ Cali` u nstab li din tinsab fi stat ħażin ħafna u għalhekk hemm bżonn jinstabu fondi ħalli tkun restawrata malajr kemm jista’ jkun.

Minn din il-kappella tista’ tidħol għas-sagristija li dwarha nista’ nikteb xi ħaġa fil-qosor għax fiha nsibu numru ta’ portraits (il-kelma bil-Malti – ritratti) ta’ diversi persunaġġi li kellhom x’jaqsmu ma’ l-istorja ta’ dan is-santwarju.

Fosthom hemm dak tal-Papa Piju VII li kien waqqaf din il-kolleġġjata fis-17 ta’ Lulju 1822, xogħol ta’ Giuseppe Hyzler; ta’ Dun Ġużepp Bezzina li kien l-ewwel arċipriet, l-Isqof Ferdinandu Mattei li kien ressaq it-talba tal-Bormliżi biex il-knisja ssir kolleġġjata; ta’ l-Arċipriet Pietro Pace li fi żmienu fl-1905 saret l-Inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari, u tal-Kardinal Domenico Ferrata li kien għamel l-inkurunazzjoni.

Ma rridx inħalli barra l-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja li qabel kien fuq l-altar, illum imneħħi, fejn illum hemm in-niċċa tal-Kunċizzjoni. Hemm min jattribwieh għall-iskola ta’ Antoine Favray, il-pittur Franċiż li qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu f’Malta. Personalment ma naqbilx ma’ din l-attribuzzjoni.

Fis-sagristija, kif diġa’ semmejt, hemm il-kwadru l-kbir tal-Kunċizzjoni, xogħol sabiħ ferm tal-pittur Carlu Gimach u li qabel kien il-kwadru titulari iżda li tneħħa fl-1850 biex jitqiegħed dak ta’ Pietru Pawl Caruana li issa ilu nkurunat mitt sena.

Marbut ukoll mal-knisja hemm l-Oratorju tal-Kurċifiss fejn hemm xogħlijiet oħra ta’ Francesco Zahra, erba’ gruppi ta’ statwi tal-ġebel maħdumin minn Paolo Zahra u Gerolamo Fabri li juru xeni mill-passjoni ta’ Kristu, u fejn jiġu merfugħin matul is-sena l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, xogħlijiet ta’ Karlu Darmanin, Abram Gatt u Pietru Pawl Azzopardi.

Ma jistax jonqos li nsemmu wkoll il-vara ta’ Kristu Rxoxt, xogħol fl-injam, li kienet inġiebet minn Napli fl-1741 minn Celestino Sacco.

Fided

Fl-aħħarnett nagħtu ħarsa ħafifa lejn ix-xogħlijiet tal-fidda. Dawn jinkludu diversi ventartali, b’dak tal-maġġur maħdum mill-arġentier Roberto Cannataci fuq disinn tal-Professur Nicola Zammit mis-Siġġiewi, li tiegħu wkoll hemm it-tużell u d-damask tal-festa, u oħrajn disinjati minn Abram Gatt, b’dak ta’ San Mark meqjus bħala l-isbaħ wieħed; u wieħed minn Lazzru Pisani, ġirandola maħduma mill-arġentier Gioacchino Rapinett.

F’din il-knisja nsibu wkoll fided oħra bħal sferi, kalċijiet, pissidijiet, lampieri, ċnieser, buqari, baċiri, missalli u karti tal-glorja. L-ammont ta’ arġenterija jagħmel lil din il-knisja santwarju daqshekk importanti tal-Madonna, waħda mill-aktar għonja fil-gżejjer Maltin.


F’din il-kitba bl-ebda mod ma ppruvajt nagħmel xi analiżi kritika ta’ dawn ix-xogħlijiet minħabba nuqqas ta’ spazju. Ma semmejtx kollox iżda biss dawk ix-xogħlijiet saljenti, bit-tama li kull min jaqra din il-kitba jieħu idea tal-wirt artistiku konsiderevoli li bih hi mogħnija din il-knisja parrokkjali ta’ Bormla.