Fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ, il-Madonna kellha post speċjali. Ma kien jgħejja qatt jirrakkomanda devozzjoni kbira lejha. Sa minn żgħożitu kellu mħabba enormi lejn il-Madonna, b’mod speċjali lejn “Il-Konċepiment Immakulat”. Ta’ spiss kien iħobb jitlob hekk: “Alla Missier, nirringrazzjawk għal kull ma Inti għamilt ma’ Marija, speċjalment fil-Konċezzjoni Immakulata tagħha”.
Kull meta kien jiġi Bormla, kważi dejjem kien jgħaddi fis-Santwarju Kospikwan biex jagħmel viżta lill-Madonna. Kien devot ħafna ta’ l-Immakulata tal-kwadru tal-kor, tant li ordna li fid-djar tal-M.U.S.E.U.M. għandu jkun espost fil-kappella ta’ kull Qasam dan il-kwadru tant sabiħ tal-Madonna. Ried ukoll li quddiem ix-xbieha ta’ dan il-kwadru f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. għandu fis-7, 17 u 27 ta’ kull xahar tas-sena tingħad it-talba tant sabiħa VESTIS HONORIS.
Il-Ħamrun u Bormla
Il-Ħamrun u Bormla huma żewġ postijiet ta’ tifkira qaddisa għall-M.U.S.E.U.M. u għal Dun Ġorġ. L-ewwel erba’ djar tal-M.U.S.E.U.M. kienu fil-Ħamrun, imma wara l-Ħamrun, l-ewwel dar uffiċjali tal-M.U.S.E.U.M. kienet f’Bormla; minbarra li dan il-Qasam hu tal-bidu nett, dan hu l-ewwel Qasam li jaf il-bidu tiegħu lil Ewġenju Borg, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M.
Ewġenju Borg kien ħaddiem fit-Tarzna, li wara li jispiċċa mix-xogħol fil-5.00p.m. kien imur f’xi klabb jew ħanut fejn kien ikun hemm ħafna rġiel u żgħażagħ: hekk daħal f’ħafna familjarita` man-nies ta’ Bormla, u nkoraġġit minn Dun Ġorġ iddeċieda li jiftaħ il-Qasam ta’ Bormla. Dan kien fi Frar ta’ l-1908.
L-ewwel Superjur tal-lokal kien Ġiġi Vidal. Jiena niftakru l-M.U.S.E.U.M. fi Triq Nelson fejn dam ħafna snin: mill-ewwel il-M.U.S.E.U.M. f’Bormla għamel progress sewwa, tant li ħafna soċji minn Bormla ġew inkoraġġiti biex jiftħu Oqsma oħra fin-Naxxar, iż-Żejtun, il-Kalkara, u oħrajn kienu jmorru jgħinu fit-tagħlim Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u postijiet oħra. Għall-ħabta ta’ l-1930 kien hemm f’Bormla 24 soċju. Fl-1939 meta jiena kont għadni mal-Magħżulin il-membri kienu 50.
Ta’ min jgħid ukoll li kif Ewġenju Borg ta bidu għall-M.U.S.E.U.M. f’Bormla, hekk ukoll kienet Ġannina Cutajar (l-ewwel Superjura Ġenerali tal-bniet) li fetħet l-ewwel dar f’Bormla. Inzerta li anke għall-bniet it-tieni Qasam hu dak ta’ Bormla. L-ewwel Superjura tal-lokal kienet Konċetta Borg. Għalhekk Dun Ġorġ kien jiġi kemm-il darba Bormla biex jara x’inhu jsir u biex jagħmel kuraġġ lil dawk il-membri ġodda Bormliżi.
Il-Kwadru Santwarju ta’ Bormla
L-idea ta’ dan il-kwadru devot ta’ Marija Immakulata, kienet tar-Rev.du Kan. Ludoviku Mifsud Tommasi, Teologu magħruf, poeta Malti mill-aqwa, u Bormliż devot kbir tal-Madonna. Il-pittur Pietru Pawl Caruana rnexxielu joħloq mill-kapolavuri l-aktar artistiċi li l-Arti Maltija qatt setgħet tipproduċi f’dawk li huma suġġetti reliġjużi.
Il-pittur Caruana, f’dan il-kwadru devot, ġabar b’suċċess kbir – dejjem fuq is-suġġerimenti tas-saċerdot Mifsud Tommasi – il-privileġġi kollha tal-Madonna skond it-tagħlim tad-duttrina Kattolika. Bir-raġun għalhekk li din il-pittura jistħoqqilha tabilħaqq it-titlu ta’ Pittura Teoloġika tal-Madonna.
Dun Ġorġ kien devotissimu ta’ dan il-kwadru santwarju: tant li meta kien jiġi Bormla kważi dejjem kien jgħaddi fil-knisja parrokkjali u wara li jinviżta lil Ġesu` Sagramentat kien jidħol fil-kor biex isellem lil Marija quddiem ix-xbieha sabiħa tagħha li hemm wara l-artal maġġur: kien idum żmien twil jitlob b’devozzjoni kbira, u meta kien imur fil-Qasam tal-M.U.S.E.U.M., lis-soċji kien jgħidilhom kemm huwa devot u mirakoluż dan il-kwadru ta’ l-Immakulata.
Dun Ġorġ kien ħabib ħafna tal-Kanonku Bugelli, saċerdot Bormliż ta’ l-affari tiegħu. Darba fost l-oħrajn waqt li kien fil-knisja ta’ Bormla jinviżta lill-Madonna, resaq lejh dan il-Kanonku Bugelli, li Dun Ġorġ tant kien iħobb u bdew jitgħannqu mimlija bl-imħabba t’Alla u tal-Verġni Marija u Dun Ġorġ stqarr miegħu kemm huwa devot dan il-kwadru. Qallu lill-Kanonku Bugelli: “Qatt ma nixba’ nitlob quddiemu”. Bir-raġun li Dun Ġorġ ordna li xbieha ta’ dan il-kwadru għandha tkun esposta f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. fil-kappella f’post prominenti.
Il-Vestis Honoris
Għal dawk li qatt ma kienu fis-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M., il-kelmiet Vestis Honoris ma jfissru xejn. Għall-kuntrarju, dawk li xi darba messew mas-Soċjeta` ta’ Dun Ġorġ jafu kif dan il-kant sabiħ ta’ Vestis Honoris jitkanta b’devozzjoni kbira kull 7, 17 u 27 tax-xahar tas-sena.
Dan il-kant ta’ Vestis Honoris (Libsa ta’ Ġieħ) huwa speċi ta’ litanija lill-Madonna, li fiha Dun Ġorġ jinseġ tifħir lill-Immakulata. Dun Ġorġ sawwar kuruna ta’ tifħir lil Marija billi sejħilha Domina (Sinjura, Sidt) tal-ħlejjaq kollha.
Kif ġietu l-idea Dun Ġorġ biex niseġ dan il-kant sabiħ ta’ din il-litanija ġdida? Dun Ġorġ ikkompona l-Vestis Honoris qrib is-sena 1924 u l-idea għal din il-litanija ġietu waqt li kien jinviżta l-kwadru tal-kor ta’ Bormla. Jingħad li darba osservawh li dam iħares għal żmien twil lejn ix-xbieha nkurunata u meta xi soċji sabuh u qalulu li kulħadd kien qed jistennih biex jibda l-laqgħa, weġibhom li waqt li kien iħares u jitlob quddiem il-kwadru ġietu l-idea biex jikteb din il-litanija tant sabiħa, biex jgħallimha lis-soċji tiegħu ħalli jkantawha quddiem xbieha bħal dik tal-Madonna. Difatti f’kull Qasam tal-M.U.S.E.U.M. għandek issib kwadru mdaqqas ta’ Marija Immakulata kif pittirha l-magħruf artist Pietru Pawl Caruana.
Dan il-kantiku ta’ Vestis Honoris inizjalment immużikah Toussaint Briffa, Superjur tal-M.U.S.E.U.M. ta’ l-Isla imma wara reġa’ ġie mużikat u adattat għall-vuċijiet minn Maestro Fr. Albert Borg O.S.A., għall-akkademja li saret fl-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Dun Ġorġ.
Id-devozzjoni speċjali ta’ Dun Ġorġ lejn l-Immakulata tidher ċar f’din il-litanija ta’ Vestis Honoris li tispiċċa bil-kant ta’ Salve Filia Patris li s-soċji kull nhar ta’ Sibt ikantaw quddiem ix-xbieha ta’ Marija.
Riferenzi:
Dun Ġorġ 1880 – 1966
Dun Ġorġ Preca Vol. I, Alexander Bonnici
Disgħin Sena ta’ Ħidma Museumina f’Bormla, Jos. Grima
Il-Madonna tal-Kunċizzjoni u Dun Ġorġ, Ġanni Saliba
Fuq il-Għolja ta’ Santa Margerita hija marbuta b’mod magħruf ma’ l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 fejn it-Torok kienu stazzjonati u attakkaw kemm lill-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu kif ukoll lill-Forti San Mikiel fl-Isla. B’danakollu, forsi ftit jafu li din il-parti prominenti f’Bormla, kemm storikament kif ukoll ġeografikament, hija mniżżla fl-istorja lokali bħala l-għajn ewlenija li bis-saħħa tagħha l-Metodisti kellhom kuntatt dirett u għal ħafna snin ma’ Bormla. Dan għaliex fix-Xgħajra kien hemm kemm knisja tal-Metodisti kif ukoll ir-Rest (il-lum is-sit ta’ l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali Bormla) li fih saru servizzi kemm reliġjużi kif ukoll soċjali tal-Metodisti.
Is-sors ewlieni f’din il-kitba storika jibqa’ primarjament il-ktieb The Floriana Story li l-Knisja Metodista f’Malta kienet ħarġet fl-1963. Għalkemm dan il-ktieb ma jippreżentax lill-awtur, id-daħla hija miktuba minn Eric H. Fawthrop. Ktieb ieħor li tani palata kien Malta & Gozo, Then & Now ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar, stampat fl-1989. Għajnuna oħra, din id-darba viżiva, li tawni l-awturi Bonnici u Cassar kienet bis-saħħa tal-ktieb The Malta Grand Harbour and its Dockyard, stampat fl-1994.
Il-Bidu Tal-Preżenza Metodista F’Bormla
Il-mistoqsija li tinbena minnha nnifisha b’mod naturali hija dwar x’wassal biex il-Metodisti jiġu Malta. Immorru lura fl-1815 u mill-ewwel nifhmu li pajjiżna kien jinsab fl-ewwel snin tal-ħakma Ingliża1. Il-preżenza tas-suldati u l-baħrin Ingliżi kienet ir-raġuni ewlenija għaliex il-metodisti rifsu fuq artna. Dan kollu beda minn talba magħmula minn sudati Ingliżi fis-sena msemmija. Sa dak inhar dawn is-suldati kien diġa’ kellhom post mikri fejn fih kienu jipprattikaw il-Metodiżmu tliet darbiet fil-ġimgħa bil-qari, bit-talb u bis-servizzi mmexxija lkoll minn uffiċjal ta’ wieħed mir-reġimenti. Din it-talba wasslet biex fl-1823 wasal f’Malta Rev.Charles Cook D.D. biex jagħmel rapport dwar il-possibilita’ li l-Kumitat Missjunarju Metodista f’Londra jibgħat pastor f’pajjiżna.
Fiż-żjara tiegħu, Rev. Cook sab tliet postijiet li fihom kien ipprattikat regolarment is-servizz Metodist. Dawn kienu jinsabu fl-Isla, fil-Furjana u fil-Belt. Għalhekk fi tmien snin mindu saret it-talba msemmija fil-ftuħ, infetħu żewġ lokalitajiet oħra għall-prattika Metodista f’Malta.
L-ewwel pastor għal pajjiżna kien Rev. John Keeling, li flimkien ma’ martu, ma damx ma sab dar f’Bormla maġenb il-Konservatorju (il-lum id-dar ta’ l-anzjani ta’ Bormla). Peress li f’Bormla ma kienx hawn post għall-prattika Metodista, Rev. Keeling kien jipprattika l-iktar fl-Isla f’kamra li kienet tesa’ erbgħin ruħ. Fiha kienu jsiru żewġ servizzi kull nhar ta’ Ħadd, laqgħa l-Ħadd wara nofs inhar u oħra kull nhar ta’ Ħamis fil-għaxija. Ma setax jonqos li l-preżenza ta’ Rev.Keeling kienet meħtieġa kemm fil-Furjana kif ukoll fil-Belt. Rev.Keeling wasal f’Malta f’Awissu 1824.
Id-dar tal-pastor Metodista f’Bormla, li baqgħet tintiret minn pastor għal ieħor, żgur li kienet vitali biex f’Bormla mhux biss ikun hawn lokal bħal dawk imsemmija, imma wkoll knisja Metodista. Għad li kienet prattika li l-Metodisti jsarrfu dar fi knisja, il-liġi Maltija ta’ dak iż-żmien ma kinetx tippermetti dan, għalhekk kellhom jibnu knisja.
Diversi Maltin kienu jiffurmaw parti mill-ġemgħa Metodista f’Malta. Kienu jaqraw biċċiet mill-evanġelju ta’ San Ġwann lil għadd ta’ fqar u wara kienu jagħtuhom xi ħaġa bħala elemosina. Meta mbagħad din l-attivita’ twettqet mir-Rev.Keeling, il-biċċa nħasset provokattiva. Fil-fatt saru attakki fuq id-dar tal-pastor f’Bormla, fejn kotra mhux ħażin ta’ nies attakkawha bil-ġebel, bdew isabbtu mal-bibien u jħabbtu mat-twieqi. Tant kienet gravi s-sitwazzjoni li Rev.Keeling u martu kellhom jaħarbu minn fuq il-bjut li kienu jmissu ma’ daharhom. Dan ir-rapport jikkonferma li tant twaddbu ġebel, li wara kellhom jinġarru bil-karretta.
Rapport ieħor fost oħrajn ġara nhar is-26 ta’ Marzu 1825 meta għat-8.30 a.m. xi tfal intbagħtu apposta jħabbtu l-bieb tad-dar ta’ Rev.Keeling biex jittallbu. Mrs.Keeling intebħet li dawk it-tfal ma kellhomx qatgħa ta’ tallaba u qalet lis-seftur biex jibgħathom lura. Ġara iżda li dan is-seftur spiċċa attakkat bil-ġebel minn żewġt irġiel u mbagħad bdew jitfgħu l-ġebel lejn il-bibien u t-twieqi. Baqgħu sejrin hekk sakemm inzerta għaddej surġent. Dan ġab il-kalma mill-ġdid sakemm għas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar ġemgħa ta’ madwar mitejn jew tliet mitt ruħ inġabret ħdejn l-istess dar u bdiet titfa’ mill-ġdid il-ġebel. Din il-folla mgħaddba tferrxet wara li waslu tliet għassiesa armati. Minħabba dan kollu, il-Gvernatur Hastings ħareġ ordni li titqiegħed għassa stretta mad-dar tal-pastor.
Tkompli l-Ostilita’ Lejn Il-Metodisti
Sentejn wara l-wasla ta’ Keeling, fl-1826, intbagħat pastor ieħor, Dr. W.H.Rule. Peress li Rev.Keeling kien telaq joqgħod il-Belt, Dr.Rule beda joqgħod flok sieħbu fid-dar ta’ Bormla. Għad li l-ostilita’ tal-Bormliżi lejn il-Metodisti ma mitetx, biss l-id ferma tal-gvern kolonjali Ingliż berrdet sewwa l-qiegħa. B’danakollu Dr.Rule stqarr kemm-il darba li meta l-Bormliżi kienu jgħaddu minn maġenb daru, kienu jlissnu b’leħen li jinstema’ ħafna kliem li jinstiga s-saħta fuqu. Huwa ħa ħsieb li li jżomm kelb għall-għassa u kellu trumbun 2. Hekk bl-inbiħ tal-kelb u bid-dehra ta’ l-ixkubetta l-kotra setgħet iżżomm lura. Minkejja dan, fi kliem Dr.Rule stess, il-kliem ta’ saħta magħdud min-nies għaddejja u l-ħsejjes ma jaqtgħux ta’ dixxiplina ġejjin minn konservatorju għat-tfajliet3 li kien jinsab bieb ma’ bieb miegħu, kienu jservu ta’ sfond kuljum waqt l-istudji tiegħu. Fil-fatt Dr.Rule stqarr kemm-il darba li kulmeta jkun sejjer iżur il-morda fl-isptar ta’ Bighi kien isib min joqgħod jitfagħlu l-ġebel.
Din l-attitudni l-aktar tal-Bormliżi lejn Dr.Rule bdiet madwar sitt xhur mill-wasla tiegħu f’Malta. Kollox beda meta kien għaddej il-vjatku mit-triq fejn qassis bis-sagrament kien sejjer jassisti moribond. Dr.Rule inzerta fost il-folla preżenti li min-naħa tagħha niżlet għarkubbtejha tagħti qima lil Ġesu’ Sagramentat. Dr.Rule biss baqa’ bil-wieqfa. Dan il-ġest urta lill-kotra li qieset lil dan il-pastor bħala bniedem ostili għat-twemmin Nisrani tagħhom u ma kellux imqar rispett lejn il-kultura Nisranija. Minn dak inhar kulmeta jarawh kienu jitfgħulu l-ġebel u jgħajruh Mażun. Fil-fatt il-Maltin kienu jqisu lil dawn in-nies bħala mażuni għalkemm il-Metodisti kienu jqisu lilhom infushom bħala soċjeta’.
Tliet xhur wara dan il-każ, Dr.Rule kien miexi ma’ martu minn fejn daru u spiċċaw attakkati bil-ġebel fejn ġarrbu xi ġrieħi ħfief. Hawn ħass li hemm bżonn li jibda jitlob il-ħarsien tal-pulizija. Fil-fatt il-pastor irranġa ma’ uffiċjal navali biex jimxi warajh f’distanza hekk li ma jagħtix fil-għajn. Nhar it-12 ta’ Jannar 1827 wara nofs in-nar, waqt li kien għaddej Dr.Rule ra ġejja għal fuqu xita ta’ ġebel. L-uffiċjal qabad lil raġel b’saħħtu u tifel. Picket ħadhom l-għassa. Meta l-għada ttellgħu l-Qorti, kotra kbira ta’ Maltin xehdu fil-falz meta qalu li dak in-nhar ir-raġel akkużat kien jinsab Għawdex il-lejl kollu. It-tifel kien instab ħati u l-Qorti ssentenzjatu ħmistax-il ġurnata ħabs. Dr.Rule iżda talab lill-Qorti biex taħfirlu.
Dan il-każ għokor il-għajn tal-Ġustizzja hekk li nħareġ avviż uffiċjali lill-abitanti tat-triq fejn kien attakkat Dr.Rule, li jekk xi ħaġa oħra bħal dik terġa’ sseħħ, id-djar jitbattlu u jingħalqu bil-liġi. Dan kien biżżejjed biex tispiċċa dik l-ostilita’ lejn il-pastor f’Bormla.
Dr.Rule ġarrab iżjed ostilita’ mill-Maltin minn dawk il-ftit eżempji li semmejna. Każ partikulari ġara fil-5 ta’ Awissu 1826 meta telaq minn Bormla lejn il-knisja Metodista tal-Belt. Huwa stagħġeb hekk kif wasal qrib il-knisja Metodista. Sab folla kbira ta’ nies miżmuma mis-suldati li kienet lesta li tiftaħ in-nar kemm-il darba din tażżarda titniffes. Barra minn hekk huwa kien mogħti l-parir mill-ajjutant tar-Reġiment sabiex iżomm id-dwal mitfija inkella jkun attakkat. L-ajjutant talbu biex jagħmel dan peress li għal dik il-folla kollha huwa ma kellux biżżejjed forza. Wara, sabiex imur lura lejn Bormla bil-baħar, kellhom jaqbżu nofs il-lejl sakemm l-ordni kienet ikkontrollata. Ftit wara sar jaf bir-raġuni u li l-kotra kienet imgħaddba mhux għalih kienet imma għal Rev.Keeling. Wieħed mill-ewwel Maltin li qalbu mal-Metodisti kien miet u Rev.Keeling u Rev.S.S.Wilson (li kien jnsab għal btala) irranġawlu għall-funeral. Issellef il-karru tal-mejtin tas-servizz u għall-ħamsa tal-fil-għaxija beda l-funeral li kellu jintemm fiċ-ċimiterju tal-Furjana. Ġara iżda li folla dejjem tikber għal eluf inġabret u bdiet tgħajjat, tinsulta, issaffar u twerżaq. Bdew jitwaddbu l-ġebel u taw is-salt għat-tebut…sal-faldrappa tal-mejtin ħadu u ċarrtu minn fuq it-tebut. Minħabba f’hekk, minn Misraħ San Ġorġ (jew il-Main Guard il-qadim) ‘il quddiem il-funeral kompla sa l-aħħar taħt il-ħarsien tal-militar. Fost inċidenti oħra li ġraw waqt dan il-funeral insemmu kif il-ħġieġa tal-karrozzella fejn kien jinsab Rev.Wilson tfarrket u lil suldat qasmulu rasu b’ġebla. Wara l-funeral, Keeling u Wilson kellhom ikunu eskortati lura f’darhom fil-waqt li r-ronda mat-toroq tal-belt baqgħet għaddejja mal-lejl kollu.
Dr.Rule imbagħad beda jemmen li l-kaġun wara dik l-ostilita’ kollha tal-Maltin lejhom kien il-mod ħażin li bih kien jieħu d-deċiżjonijiet Rev.Keeling. Il-fatt li ddikjara fil-beraħ lil Rev.Keeling bħala eċċentriku wassal għal tfixkil fit-tmexxija Metodista f’Malta peress li Rev.Keeling kien il-kap tal-missjoni Metodista f’pajjiżna. Minħabba f’hekk Dr.Rule intabagħat Ġibilta’ fil-31 ta’ Mejjiu 1827.
Ir-reazzjoni tal-Maltin lejn Maltin oħra li qalbu għall-Metodiżmu ma kinetx waħda tajba lanqas. Jissemmew nies tan-negozju u tal-professjoni li wara li qalbu tilfu sa ħobżhom. Ngħidu aħna negozjanti ftaqru wara li ħadd ma beda jixtri mingħandhom. Tabib, ċertu Dr. Naudi li wkoll sar Metodista, tilef bosta mill-klijenti li kienu jindew bih. Lejn l-1842 l-istampatur Izzo u l-ħaddiema tiegħu kienu interdettjati mill-Knisja Kattolika għaliex kienu qegħdin jistampaw il-gazzetta tal-Metodisti “The Illuminator”. Dan ġara fi żmien Rev. John Jenkins.
L-ostilita’ lejn il-membri tal-Metodiżmu f’Malta baqgħet għaddejja bla nifs. Dan il-fatt malajr wassal biex kemm jistgħu l-Metodisti jibdew jattendu bil-moħbi għas-servizzi tagħhom. Il-membri Maltin kienu jiltaqgħu għalihom milli ma’ l-Ingliżi u kienu jippredkawlhom bit-Taljan Rev..Keeling u Dr.Rule.
Fil-bidu tal-1831 Rev.Keeling beda l-Malta Charity School għat-tfal il-fqar tal-Maltin. Din l-iskola bdiet tiżdied fl-attendenza sakemm fit-tielet jum attendew sebgħin student. Il-parti l-kbira tagħhom kienu orfni, u dawk li ġejjin minn Bormla kienu jinġiebu minn uffiċjal bl-uniformi.
Laverack U L-Bidu Tar-Rest
Is-snin għaddew u nbidlu diversi pastors. Wara l-irtirar ta’ Rev.Keeling, ġie minfloku Rev. John Brownell li dam f’Malta ħames snin. Warajh ġie Rev. Thomas N. Hull li dam bejn l-1838-41. Fl-1842 ġie Rev.John Jenkins u dam sentejn, sal-1844. Fl-1869 kien responsabbli mill-Metodiżmu f’Malta Rev.W.S.Caldecott. Dan ta’ l-aħħar, fl-1872 ħass il-bżonn ta’ knisja oħra biex is-servizzi reliġjużi jkunu jistgħu jsiru iktar frekwenti, u barra minn hekk il-postijiet disponibli bdew ikunu żgħar għall-attendenza. Biex ipatti għal dan in-nuqqas, is-servizz tal-Ħadd kien isir ukoll fit-Tarzna (dak iż-żmien H.M.Dockyard). Il-kamra wżata fit-Tarzna kienet żgħira wisq minbarra l-għadd ta’ rwejjaħ differenti mill-kamra tal-kafe’ li kienet tmiss magħha. Barra minhekk, l-isfond tat-Tarzna bix-xogħol ta’ materjal tqil tagħha ma kienx jirrendi lil dak il-lok b’xieraq għall-qima. Dan il-fatt ma kienx jiġbed aktar nies. Il-laqgħa ta’ talb tal-Ħadd fil-għaxija kienet issir fid-dar tas-suldati u l-baħrin daqs tmien minuti bogħod mit-Tarzna.
Il-konsiderazzjonijiet imsemmija wasslu biex tinbena l-Knisja tal-Metodisti fil-Furjana (1883) u li għadha preżenti. Bil-bini ta’ din il-knisja Metodista u bir-Rev. John Laverack jinħatar Senior Wesleyan Chaplain f’Malta, dan ta’ l-aħħar tefa’ ħarstu b’ħeġġa lejn il-Kottonera fejn il-Metodiżmu jaf għeruqu. Fl-1882 infetħet dar bħala d-Dar tas-Suldati u l-Baħrin fi Strada Cospicua. Din id-dar mill-ewwel saret post ta’ attrazzjoni evanġelika (stil Metodistia) u bdew jattendu ġemgħat ġmielhom. Sentejn wara fl-1844 fuq l-Għolta ta’ Santa Margerita nstab post eċċellenti fejn fih kien trasferit is-Soldiers’ and Sailors’ Rest (il-lum huwa l-lok tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla). Din il-proprjeta’ kellha sala ideali li kompliet timbotta ‘l quddiem il-ħidma Metodista f’Bormla u l-madwar, hekk li bdiet taqdi x-xogħol temporanju ta’ knisja sakemm snin wara nbiet knisja Metodista fl-istess naħa ta’ Bormla.
Is-Soldiers’ And Sailors’ Rest Ta’ Bormla
Fl-1884 is-sit magħruf bħala “The Rest” infetaħ uffiċjalment biex jaqdi s-servizzi Metodisti, ukoll jekk kien xi ftit iċken mis-Soldiers’ and Sailors’ Home tal-Furjana. Bosta kienu l-attivitajiet imwettqa fir-Rest u l-attendenza bdiet tkun dejjem iktar inkoraġġanti. F’qasir żmien imbniet atmosfera ta’ ħbiberija u fraternita’ li sa anki kienet tisboq lil dik magħrufa fil-Furjana. Barra minn hekk, The Rest kellu l-bitħa li kienet tassew ideali għaż-żmien tas-Sajf sabiex fiha jsiru s-servizzi u attivitajiet oħra. B’danakollu mhux kollox kien ward u żahar fejn jidħol l-akkwist tal-proprjeta’ tar-Rest li swiet elfejn lira sterlina. Sentejn wara l-ftuħ fl-1886 inħass tassew tqil il-piż tad-dejn marbut mar-Rest. Bil-għan li jinġabru l-fondi, ittalla’ Grand Bazaar li The Floriana Story tfissru bħala l-akbar bazaar li qatt ittella’ fil-gżejjer Maltin4. Il-post fejn ittalla’ kien fil-Ġyminasium, il-Belt Valletta nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, 8 u 9 ta’ Frar 1887. Sabiex iktar ikun prominenti, dak il-bazaar kien taħt il-patronċinju tad-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh (li ftit qabel kienu waslu f’Malta). Il-Gyminasium kien imżejjen bi ħwienet u bnadar żgħar ikkuluriti li kienu mqiegħda mill-baħrin ta’ H.M.S. Alexandria. Fost in-nies distinti li attendew għal dan il-bazaar kien hemm il-Gvernatur Sir Lintorn Simmonds u martu, il-Kaptan Chesney ADC u fuq kollox id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh u l-Prinċipessa Louise.
Il-bazaar infetaħ uffiċjalment mid-Duka ta’ Edinburh li iżjed tard ta donazzjoni b’risq il-bazaar ta’ ħamsa u għoxrin lira sterlina. L-istess soma ngħatat mis-Soldiers and Sailors’ Home tal-Furjana. Qabel il-ftuħ kienu mwiegħda erba’ mitt lira sterlina oħra. Ma naqsetx is-sehem tal-banda: nhar it-Tlieta, 8 ta’ Frar daqqet il-banda tas-South Yorkshire Regiment u l-għadal-Erbgħa l-banda Alexandra. B’kollox mill-bazaar inġabret is-somma ta’ tmien mitt lira sterlina (li tliet mija minnhom ġew direttament mill-bejgħ waqt il-bazaar).
Tqajmet kritika mhux ħażin peress li kif intqal kien hemm iktar postijiet f’idejn il-Metodisti li ħtieġu assistenza finanzjarja. Mr.Laverack ħass li bi tweġiba jippubblika tagħrif li fih jindika li l-bazaar kien qiegħed isir ġbir b’mira ta’ elfejn lira sterlina biex tinxtara l-proprjeta’ ta’ The Rest. B’hekk biss fisser Mr.Laverack setgħet tkun assikurata t-tkomplija tas-servizz utli li l-Metodisti kienu qegħdin jagħtu fl-inħawi tal-Kottonera. Barra minn hekk intefqu ħafna flus biex tinxtara l-għamara neċessarja. F’Diċembru 1886 żdied numru ta’ sodod u, stqarr Mr.Laverack, meta The Rest ikun mgħammar kif ippjanat, ikun jista’ jfendi għal rasu mill-flus li jdaħħal. B’żieda ma’ dan, dan is-sit li kien jagħmel mas-Soldiers’ and Sailors’ House tal-Furjana d’dawn l-aħħar tliet snin (jiġifieri bejn l-1884-87) qatt ma talab għal xi forma ta’ għajnuna finanzjarja. Din l-istqarrija kienet għaqlija biżżejjed biex tmewwet kull kritika.
Fl-1902 The Rest kien mifdi finanzjarjament u hekk ħidmietu kienet assikurata. Bejn wieħed u ieħor mill-1890 ‘il quddiem, il-Metodiżmu f’Malta kien imsaħħaħ ġmielu bil-propjeta’. Kienu żdiedu fil-fatt postijiet f’Pembroke u fl-Imtarfa. Kien ikun hemm servizzi fil-Furjana u f’Bormla kuljum fl-10.30 a.m. fil-waqt li fil-għaxija kienu jsiru fis-6.30 p.m. f’Pembroke u fl-Imtarfa. Fil-Furjana u f’Bormla kien ikun hemm l-iskola tal-Ħadd u din kienet tkun fit-2.45 p.m.
F’dan il-perjodu (jiġifieri fi ftuħ is-seklu għoxrin) inħasset il-ħtieġa li f’Bormla jkun hawn knisja Metodista. Sakemm waslet biex tfaqqa’ l-ewwel gwerra dinjija, il-ħidma Metodsita kienet ibbażata fil-Furjana u f’Bormla, b’kull belt minnhom ikollha l-pastor tagħha.Is-servizz tal-Ħadd f’Bormla u l-Furjana kien isir daribtejn: fl-10.30 a.m. u fis-6.30 p.m., mentri l-iskola tal-Ħadd kienet issir fl-istess ħin bħal ta’ nofs il-ġimgħa.Minbarra servizzi reliġjużi, f’dawn iż-żewġt id-djar kienu jsiru attivitajiet soċjali bħal kunċerti. Il-ħlas tad-dħul kien ikun ta’ tliet soldi (jew ċenteżmu tal-lum) u sitt soldi (jew żewġ ċenteżmi tal-lum).
Peress li fil-gwerra l-kbira tal-1914 Malta serviet ta’ sptar għall-midrubin tal-gwerra, kull naqra wisa’ kienet tissarraf fi sptar. Il-Connaught Home (li ħadet post is-Soldiers’ and Sailors’ Home) u r-Rest kienu jkunu mballati bin-nies u bil-midrubin. Hawn irrid ingħid li sal-1926, meta twaqqfet il-Knisja Metodista f’Bormla, ir-Rest kien jaqdi l-irwol ta’ knisja Metodista wkoll.
Ir-Rest sal-1926 kellu sala kbira li fiha kien isir is-servizz tal-knisja, bitħa fin-nofs li kienet tagħti għad-dar tal-kappillan fuq ix-xellug tagħha, u numru ta’ kmamar żgħar. Is-sala l-kbira kienet tintuża wkoll għall-Badminton, għall-kunċerti kif ukoll għall-iskola tal-Ħadd. Waħda mill-kmamar iż-żgħar kienet tintuża bħala kċina mmexxija minn ċertu ‘Dear Old Dom” fejn kien jaqli l-bajd u ċ-ċips u jagħmel għadd bla qies ta’ te. Huwa kien ikun megħjun min-nisa tal-membri li kienu jagħmlu t-torti tal-laħam u l-pasti bil-ġamm u bit-tuffieħ. Fil-Ħdud fil-bitħa tar-Rest kien ikun hemm it-te bis-sitt soldi (2ċ.5 tagħna) kull tazza, mentri kull nhar ta’ Sibt wara nofs inhar kien ikun hemm ħarġiet fuq old wooden ‘buses5 għal xi piknik jew għal ħdejn il-baħar. Peress li l-Brittaniċi għadhom sal-lum imġenna għal tazza te, “Dear Old Tom” qatt ma kien ifalli u kien ikun imfittex minn dawk kollha preżenti ta’ kull darba. Meta kienu jirritornaw lura, kienu jattendu għal-laqgħa tat-talb. Wara kienu jiddevertu bil-logħob tal-badminton fil-waqt li qabel jirritornaw lura lejn djarhom, kulħadd kien jagħti daqqa ta’ id sabiex is-sala titqiegħed fl-odni ħalli l-għada l-Ħadd fil-għodu taqdi x-xogħol tagħha bħala knisja bis-servizz reliġjuż. Kull nhar ta’ Tlieta fir-Rest ta’ Bormla kienet tiltaqa’ klassi u l-Ħamis kienet tiltaqa’ s-Soċjeta’ Letterarja u Soċjali (Social & Literary Society). Għal din ta’ l-aħħar kienu jattendu mal-120 ruħ li kienu jassistu għal programmi varjati kull darba b’kelliemi distint u differenti. Fost dawn il-persunaġġiI nsemmu lil Lord Strickland (persunaġġ magħruf fil-qasam tal-politika bikrija Maltija kif ukoll kittieb prominenti) kif ukoll lil Sir Harry Luke (li tana kotba storiċi fuq pajjiżna). Imbagħad kull nhar ta’ Ġimgħa fil-għaxija kien imiss it-taħriġ tal-kor kif ukoll kienu jiltaqgħu l-Girl Guides. Nistgħu ngħidu li ta’ kull fil-għaxija dejjem kien ikun hemm xi ħaġa interessanti fir- Rest ta’ Bormla fejn it-te ma kien jonqos qatt. La semmejna t-te tajjeb insemmu drawwa marbuta miegħu. Ta’ kuljum uffiċjal tas-Servizz kien jinħatar bħala ‘I’ll Go” chair. Dmiru kien li jara li l-kitla bit-te tkun dejjem mimlija biex it-te ma jkunx skars meta ssir it-talba għalih. Logħba popolari li tista’ tgħid kienet tintlagħab kuljum kienet dik li tixbah lil-ludo – din tissejjaħ uckers. Kienu jsiru Lejliet Soċjali Kompetittivi fejn gruppi jikkontestaw lil xulxin mużikalment. Kull nhar ta’ Ħadd qatt ma kienet tonqos milli tittalla’ l-pantomina. Wara s-servizz reliġjuż tal-Ħadd fil-għaxija kien ikun il-ħin tas-Siegħa Soċjali fejn fiha kien isir kant ta’ għana popolari. Popolarment dan il-kant kien magħruf ma’ dawk preżenti bħala Sing Song. Ħaġa oħra li kienet tagħmel lir-Rest ta’ Bormla popolari kien il-fatt li ftit bogħod minnu kien hemm tennis court kenni bis-siġar.
Knisja Metodista F’Bormla
Ħaġa li serqet l-attenzjoni tal-mexxejja lokali Metodisti madwar ir-Rest kien ġemgħa ta’ bini n-naħa tat-triq l-oħra tar-Rest li sa ftit żmien qabel kien iservi ta’ skola (il-lum din in-naħa hemm ftit bandli għat-tfal u bħalissa qiegħda ssir it-tomlba). Fl-1926 dawn il-binjiet tbattlu u għalhekk beda x-xogħol min-naħa tal-Knisja Metodista ħalli takkwistahom. Sena wara (fl-1927) il-bini kollu spiċċa f’idejn il-Metodisti6. Għall-ewwel saret xi forma ta’ oppożizzjoni min-nies. Il-Metodisti sarrfu lil dawk il-binjiet fi Knisja u skola. Joseph Bonnici u Michael Cassar jgħidu f’Malta & Gozo The & Now li l-Garrison Church fuq il-Għolja ta’ Santa Margerita f’Bormla hija kopja eżatta ta’ dik li għadha teżisti u li tinsab fejn il-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt7. Hekk, iż-żewġ ċentri Metodisti ta’ Malta, f’Bormla u fil-Furjana, issa kellhom il-knisja tagħhom kif ukoll dar. Id-dar tal-Furjana (Connaught Home) kienet afdata f’idejn il-kappillani tas-servizz Militari u r-Rest ta’ Bormla kien afdat f’idejn il-kappillani tas-Servizzi Navali. Chaplain Irving Davies kien kappillan navali partikulari li fl-għaxar snin li dam iservi fil-knejjes Metodisti tal-Furjana u ta’ Bormla, baqa’ mfakkar b’għożża fir-Rest ta’ Bormla. Fil-fatt dan u aktar huma minquxa fil-lapida li tinsab fil-Knisja tal-Metodisti fil-Furjana.
Il-knisja tal-Metodisti, fejn il-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta – Kopja eżatta tal-knisja tal-Metodisti f’Bormla
Intant, għall-knisja Metodista fuq l-Għolja ta’ Santa Margerita f’Bormla nxtraw mitejn siġġu mill-Ingilterra u waslu f’erba’ kaxxi, kull wieħed żarmat biex ikun ammontat fil-post: id-dahar, fuqhiex toqgħod bil-qiegħda, is-saqajn u fejn isserraħ il-ktieb. Kull biċċa kienet enumerata minn 1 sa 50. Bħala voluntieri biex jammontawhom offrew ruħhom ix-shipwrights u l-joiners. Meta waslu xi ħadd ħallat l-ordni tan-numri b’tali mod li minflok għen ħarbat tħarbita nobis! Ftit kienu dawk li qabblu l-partijiet tas-siġġu, u l-joiners damu l-ġimgħat jissegaw is-saqajn tas-siġġijiet biex ikunu jistgħu jieqfu dritti u mhux joqogħdu jixxenglu.
L-attendenza fil-knisja Metodista ta’ Bormla kienet waħda tajba u wara s-servizzi reliġjużi kienu jmorru r-Rest (fuq in-naħa l-oħra tat-triq) fejn kienet issir il-bibita kif ukoll is-Siegħa Soċjali. Fl-1928 inħatar kappillan navali sabiex jassisti għas-servizzi reliġjużi fuq il-baħar. Dan kien jattendi wkoll Bormla u l-Furjana. Sa qabel faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, din kienet il-ħidma Metodista f’Malta.
Kien il-bidu tat-tieni gwerra dinjija u sal-1940 insibu li fil-knisja Metodista ta’ Bormla kienu jsiru servizzi reliġjużi kuljum fl-10.30 a.m. u fis-6.30 p.m. fil-waqt li nhar ta’ Ħadd kienet issir l-iskola tal-Ħadd fit-2.45 p.m.
Is-snin li kienu resqin mill-1939 ‘il quddiem kellhom jibnu atmosfera li kellha taqleb il-folja tal-metodiżmu f’Bormla. In-nisa u l-familji tas-suldati u l-baħrin intbagħtu lura lejn darhom fil-pajjiż tagħhom. Għad li kienet deċiżjoni għaqlija, b’danakollu s-serenita’ li pajjiżna kien jinsab fih kellha tieħu daqqa ta’ ħarta kbira li ma treġġax il-biċċa lura lejn kif kienet qabel. Irridu nqisu li l-Għolja ta’ Santa Margerita kienet tinsab fil-qalba tal-mira tal-għedewwa Ġermaniżi u Taljani. Tant huwa hekk li kemm il-knisja Metodista u l-iskola kif ukoll ukoll ir-Rest ġarrbu ħsarat kbar mill-attakki mill-ajru waqt l-ewwel snin tat-tieni gwerra dinjija. Eżattament il-knisja Metodista u l-iskola ta’ magħha kienu ċeduti f’idejn l-awtoritajiet sabiex iservu ta’ mħażen għall-ħtiġijiet ta’ dawk il-mumenti diffiċli. Fil-fatt f’dan il-bini kien maħżun bosta ikel u meta nqered bil-bombi, bosta kienu n-nies ta’ l-inħawi li fittxew għall-ikel qalb ir-radam. Fl-1942 il-knisja tal-Metodisti nqerdet. Dan il-fatt waqqaf kull ativita’ tal-Metodisti f’Bormla. Għalhekk, il-ħidma Metodista ċċentrat fil-Furjana biss, fejn il-knisja tal-Metodisti skappat għalkemm mhux għal kollox mill-attakki tal-għadu. Irridu niftakru wkoll fl-1942 inqerdet il-knisja tal-Metodisti li kienet tinsab fi Triq Brittanja fil-Belt Valletta.
Issa kellha tittieħed deċiżjoni jekk il-knisja Metodista ta’ Bormla kellhiex tinbena jew le. Kien hemm it-tamiet li r-Rest ikun irranġat mill-ħsarat li ġarrab, iżda dawn sabu ma’ wiċċhom żewġ diffikultajiet ewlenin: l-istrajk tal-ħaddiema tal-barrieri u d-dewmien min-naħa tal-Gvern Malti dwar jekk għandux jibni jew le mill-ġdid lir-Rest. B’rabta mal-knisja tal-Metodisti f’Bormla, fl-1944 wasal f’Malta Rev.S.H.Keen, Principal Chaplain tal-R.A.F.. Huwa kellu jieħu d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbena jew le. Id-deċiżjoni kienet li l-knisja Metodista ta’ Bormla ma tinbeniex u l-ħidma tal-Metodisti f’Malta tkun iċċentrata fil-Furjana biss. The Floriana Story8 jikteb li din id-deċiżjoni ġabet ħafna qsim il-qalb u nostalġija. B’danakollu ż-żmien xehed li kienet deċiżjoni flokha. Hekk ġiet fi tmiemha l-preżenza tal-Metodżmu f’Bormla. Fil-waqt li l-ewwel gwerra dinjija (1914 -1918) saħħet b’mod tremend lill-Metodiżmu f’Bormla, it-tieni gwerra dinjija temmet għal kollox dik il-ħidma. B’danakollu, kulma seħħ f’dan il-qasam jibqa’ mniżżel fl-istorja kemm ta’ pajjiżna kif ukoll ta’ Bormla nnifisha.
Referenzi:
1
Fl-1800 l-Ingliżi kienu daħlu f’Malta fuq talba tal-Maltin stess biex jgħinuhom jeħilsu mill-preżenza tal-Franċiżi. L-Ingliżi mhux biss keċċew lill-Franċiżi imma baqgħu jindokraw lil Malta biex kif xtaqu l-Maltin stess, Malta taqa’ taħt l- Ingliżi u mhux mill-ġdid taħt il-Kavallieri ta’ San Ġwann kif kien jordna l-ftehim tat-Trattat ta’ Amiens f’Marzu 1802. Ħafna minn dan il-ftehim ma kienx onorat u dan wassal għall-gwerer Napoleoniċi li damu bejn l-1803-14. Wara t-telfa ta’ Napuljun, sar l-ewwel Trattat ta’ Pariġi f’Mejju 1814 fejn Malta saret uffiċjalment kolonja ta’ l-Imperu Brittaniku.
2
Trumbun huwa tip ta’ xkubetta tal-qedem bit-toqba wiesgħa li kienet tispara f’distanza qasira.
3
L-Istitut għax-xebbiet, dak magħruf bħala l-Konservatorju ta’ San Ġużepp inbena fl-1910 fi żmien l-Isqof Labini. Matul Iż-żmien kompla jitkabbar mill-Isqfijiet Mattei u Sant. Qablu kien hemm ieħor li mbagħad inbidillu l-użu tiegħu.
4
The Floriana Story, paġna 28.
5
Ibidem, paġna 36.
6
Ibidem, paġna 37.
7
Malta & Gozo Then & Now, Joseph Bonnici u Michael Cassar, BDL, 1989, paġna123.
8
The Floriana Story, paġna 41.
Stampi
Il-plakka ta’ tifkira lil Rev. Irving Davies u agħti t-traduzzjoni tagħha (The Floriana Story, paġna 31)
Is-sit tal-knisja Metodista u l-iskola mwaqqgħin u r-Rest (The Floriana Story, paġna 26)
HMS Hibernia u fl-isfond jidhru tajjeb il-Garrison Church u r-Rest fuq l-Għolja ta’ Santa Margerita (Malta & Gozo, Then & Now, paġna 38)
Il-Garrison Church fejn il-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta (Malta & Gozo, Then & Now, paġna 123)
Dehra ġenerali ta’ Xatt Iż-Żejt (Oil Wharf) f’Dockyard Creek, Bormla. F’dan ir-ritratt tidher tajjeb ħafna l-Knisja tal-Metodisti fuq l-Għolja ta’ Santa Margerita. (The Malta Grand Harbour and its Dockyard, Joseph Bonnici & Michael Cassar, p.40)
Il-Knisja tal-metodisti ta’ Bormla maħruġa minn ritratt tal-bastiment Hibernia stampat f’Malta & Gozo Then & Now