Category Archives: Evanġelizzazjoni

Avvent u Milied 2020

Avvent u Milied 2020

daħlu d-dar,

u raw lit-tifel ma’ ommu Marija,

inxteħtu fl-art iqimuh;

u fetħu t-teżori tagħhom … (Mt 2, 11)

Matul din s-sena esperjenzajna u għadna qed nesperjenzaw realta’ partikulari, fejn ħafna minna qattgħu u għadhom qed iqattgħu ħafna ħin fid-dar.  Min forsi kellu jgħaddi żmien ta’ kwarantina, min minħabba li hu vulnerabbli, jew qed jgħix ma’ xi ħadd vulnerabbli, min qed jaħdem mid-dar, u min ikollu jibqa’ d-dar minħabba t-tfal li qed ikollhom lezzjonijiet online, insomma naħseb li lkoll xi ftit jew wisq qed noqogħdu lura minn ħruġ bla bżonn.

Mhux neċessarjament hi aktar komda li toqgħod ġewwa f’darek; għal kuntrarju, għal dawk li mdorrijin joħorġu hi ferm aktar diffiċli!

Imma li toqgħod id-dar tista’ wkoll  tgħinek tesperjenza affarijiet ġodda. Tista’ tagħtik aktar sens ta’ stabbilta’ u profondita’. Forsi meta nkunu qed niġru minn ħaġa għal oħra, minn post għal ieħor, nimirħu, u faċli ħafna li moħħna jinfirex fuq diversi affarijiet. Imma meta nkunu miġbura hemm ċans akbar niffukaw u napprofondixxu l-esperjenza tal-ħajja li nkunu qed ngħixu. Inġibu quddiem għajnejna siġra, li għax ma tiġrix minn post għal ieħor, tniżżel l-għeruq fil-fond u tagħmel il-frott. Kapaċi tibqa’ fl-istess post sew fil-maltemp kif wkoll fil-bnazzi, sew fis-sħana kif wkoll fil-kesħa; tirċievi dak kollu li l-ħallieq jagħtiha; sew ix-xita kif wkoll ir-riħ. 

Bl-istess mod aħna nistgħu ngħixu dak kollu li ngħaddu minnu bi tranwkillita’ u nemmnu li kollox jista’ jiswa għall-ġid; jgħinna nikbru u nimmaturaw spirtwalment. Dan iż-żmien jista’ jkun ta’ grazzja għax insibu aktar lil Alla fi djarna kif sabuh il-Maġi meta daħlu d-dar. Hemm huma raw lil Ġesu’ ma’ ommu Marija, niżlu jadurawh u fetħu r-rigali tagħhom.

Għalhekk matul l-avvent ta’ din is-sena se nirriflettu fuq il-preżenza ta’ Kristu fina u madwarna, biex aħna wkoll nadurawh, waqt li nagħrfu r-rigali tagħna, nkunu kapaċi nifthuhom u noffruhom…

L-Ewwel Ġimgħa.

Introduzzjoni tal-Ġimgħa – “Daħlu d-dar”.

Matul ż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied ta’ din s-sena aħna mistieda nakkumpanjaw lill-Maġi, li terrqu fuq li terrqu sakemm sabu d-destinazzjoni tagħhom – ID-DAR.

Id-dar kienet għalihom il-post li tant fittxew b’ħerqa; lok li fih sabu dak li riedu. F’din id-dar għamlu esperjenza li bidlithom għax sabu lis-Sid, miegħu bnew relazzjoni partikulari; miegħu tkellmu??, miegħu qagħdu, miegħu kielu, u miegħu għexu. Aħna wkoll imsejħa biex din l-ġimgħa nidħlu fid-dar u nkomplu nagħmlu esperjenza intima ma’ Sid id-dar – ma’ Alla nnifsu.   

Il-Ħadd, 29 ta’ Novembru 

Mill-Evanġelju skont San Mark (13, 33-37)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.

F’Mark, id-dar (hi liema hi) hija simbolu tal-proġett ta’ Alla li jsalva lill-bniedem. Għalhekk lill-paralitiku riedu bilfors idaħħluh fid-dar u mhux jistennew barra sakemm joħroġ Ġesu’, biex idaħħluh fil-proġett ta’ salvazzjoni ta’ Alla permezz ta’ Ġesu’.

Id-dar li daħlu fiha l-Maġi kienet dar Alla, għax dik it-Tarbija kienet Alla u bniedem; fiha qagħdu għal xi żmien. F’dan iż-żmien saret darhom ukoll; xi grazzja kellhom!  Anke jekk kien hemm bżonn imiddu jdejhom u jaqdu fil-bżonnijiet ta’ kuljum, kienu kuntenti.  Kieku riedu setgħu baqgħu barra jterrqu minn post għall-ieħor, setgħu ifittxu toroq differenti li jwassluhom għall-palazzi kbar, setgħu baqgħu għand Erodi, imma, le, ferħu fuq li ferħu meta daħlu ġewwa u qagħdu mas-Sid. Fid-dar baqgħu imqajma, jishru biex igawdu kull sekonda li kellhom f’din id-dar tas-Sinjur.

O, li kien aħna wkoll nagħrfu l-grazzja li għandna; ġejna mogħtija żmien biex ngħixu f’dar Alla u naqduh b’fedelta’. Noqogħdu attenti biex ma nitilfu ebda mument mill-ħin li għandna fuq din l-art, u ngawdu l-preżenza ta’ Alla f’kull ġrajja li ngħaddu minnha.  Noqogħdu attenti li ma naljenawx rasna u ninħlew fuq dak li hu sekondarju waqt li ninsew lis-Sid. Ma nħallux it-taħbit ta’ kuljum jgħajjina, b’tali mod li ninsew lis-Sid innifsu.  Ejjew illum inkunu aktar konxji li kull mument ta’ ħajjitna qed ngħadduh qrib is-Sid tad-dar.

Talba

Mulej tħalliniex interrqu weħidna fit-toroq tal-ħajja, imma wassalna biex insibu postna fid-dar tiegħek, u ngħixu miegħek kull mument ta’ ħajjitna.

It-Tnejn, 30 ta’ Novembru

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (10, 9-18)

 Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej,’ u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustifikazzjoni, u jistqarr, b’xofftejh biex ikollu s-salvazzjoni.

L-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx.’ Ma hemm ebda għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd, u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. 

Għax ‘kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.’ Imma kif jistgħu jsejħu lil min ma emmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’min ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jippritkawlhomx? Kif jistgħu jippritkaw jekk ma jkunux mibgħuta?

Bħalma hemm miktub, ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid!’ Iżda mhux kulħadd qagħad għall-kelma ta’ Kristu. Imma, ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-Iskrittura tgħid, ‘Leħinhom xtered mal-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.’

II-Maġi ma’ kinux Lhud. Biex waslu li għarfu lil Alla veru, biex waslu jemmnu li dan Alla kien sar bniedem, u biex sabu d-dar tal-imwieled Messija, kellhom bżonn gwida ċara: il-kewkba. Ma kienu qatt jaslu sa din id-dar kieku ma sabux direzzjoni. San Pawl jurina tant tajjeb li l-Kelma mxandra hi d-direzzjoni ewlenija li kull bniedem għandu bżonn biex isib lil Alla.  “Fanal għal riġlejja kelmtek, Mulej, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119, 105).

Illum qed nagħmlu l-festa tal-Appostlu Sant’Andrija. Sant’Andrija kien wieħed miż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, li meta semgħu dwar Ġesu’, emmnu u marru warah. Kif Ġesu’ rahom, dar lejhom u staqsihom xi jridu, huma weġbuh: ‘Fejn toqgħod, Rabbi?’. Ġesu’ qalilhom ‘Ejjew u taraw’. Sant,Andrija skopra dar il-Mulej, u dak inhar qagħad miegħu (Ġw 1, 37-40). Kienet esperjenza qawwija, tant li malajr mar jiġri jgħid lil ħuh. Sant’Andirja ma kienx kuntent li sab id-dar hu, imma mill-ewwel ried ikun ta’ gwida għal ħuh biex wkoll jiskopri dar il-Mulej. Sant’Andrija dejjem iwassal nies oħra għand Ġesu’: lit-tifel bil-ħobżiet biex Ġesu’ kattarhom (Ġw 6, 8-9), lil xi Griegi li xtaqu jaraw lil Ġesu’ (Ġw 12, 22). Sar kewkba, leħnu xtered mal-art kollha, u kien ta’ direzzjoni għal ħuh Xmun.  Bħal Sant’Andrija, ejjew inkunu gwida u direzzjoni għal ħutna; ma nistħux u ma nibżgħux nitkellmu dwar l-esperjenzi spiritwali tagħna ma’ ħutna. J’Alla huma wkoll isibu dar il-Mulej minħabba fina jew permezz tagħna u joqogħdu miegħu.

Talba

Mulej, urina fejn toqgħod, biex nibqgħu miegħek. Wassalna biex nuru lil ħutna fejn hi darek u nħajruhom jidħlu ħa joqogħdu miegħek.

It-Tlieta, 1 ta’ Diċembru

Mill-Evanġelju skont San Luqa (10, 21-24)

 F’dak iż-żmien, Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”. Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx”.

Il-Maġi kienu tassew għorrief, tant li għarfu, li l-għerf tad-dinja ma hu xejn ħdejn l-għerf ta’ Alla.  Alla jagħti l-għerf tiegħu lil min hu ċkejken, biex huma jsiru tassew għorrief. Biex il-Maġi għarfu min kien dak it-tifel, bilfors kellhom qalb miftuħa u lesti jilqgħu b’umilta’ ħwejjeġ ġodda; kieku kienu mimlijin bihom infushom ma setgħux jaċċettaw lil Alla fiċ-ċkejken tarbija.

Jekk irridu nkunu għorrief, hemm bżonn li nkunu miftuħa għall-ġdid. Jekk ikollna nkunu sinċiera, irridu nistqarru li t-tfal ċkejknin kapaċi jgħallmuna. Id-dar hi tassew skola li fiha kulħadd hu student u għalliem fl-istess ħin. Kemm inkunu mqarrqa meta naħsbu li kbirna u nafu kollox! Kemm nitilfu meta nipprovaw insikktu lil xi ħadd għax hu żgħir, għax ma jifhimx, jew għax ma għandux esperjenza!

Ejjew llum inħallu liż-żgħar isiru l-għalliema tagħna. Inħalluhom jgħallmuna bil-mod sempliċi imma sinċier tagħhom. Jekk fil-familja tagħna hemm xi ħadd żgħir, nagħtuh iċ-ċans u nieqfu nisimgħuh għax hu ukoll għandu x’jgħidulna. Henjin aħna li naraw lil Alla u nisimgħuh jitkellem fiċ-ċkejknin…

Talba

Iftħilna għajnejna ħa narawk fiż-żgħar, iftħilna widejna ħa nisimgħuk titkellem f’min hu ċkejken. Wessgħalna qalbna biex nilqgħuk fl-oħrajn.

L-Erbgħa, 2 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (15, 29-37)

Bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, persuni b’diżabbiltà, imbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom, hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-persuni b’diżabbiltà qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael.

Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq”. Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?”. Ġesù staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.

Il-Maġi kienu ‘lbogħodmingħajr sing minn darhom, u għalhekk kellhom bżonn isibu dar oħra fejn jidħlu u jistrieħu.  Kienu għajjenin u bil-ġuħ, imma fl-istess ħin kienu ferħana u mimlija entużjażmu. Il-Maġi kienu jixbhu lil ħafna nies, li resqu għand Ġesu’ u ħadu magħhom lil dawk li kienu qed ibatu. Dawn in-nies kienu ‘l bogħod minn darhom u kellhom bżonn min iserraħhom u jitmagħhom; kellhom bżonn dar. Kellhom bżonn il-qalb ta’ Kristu li setgħet tħobbhom u tilqgħhom għandha. Sew il-Maġi, li ġej milqugħa fid-dar ta’ Betlehem, kif wkoll in-nies li marru wara Ġesu’, ifakkruni f’tant persuni li llum iħossuhom għajjenin minħabba s-sitwazzjoni li jinsabu fiha; minħabba mard, faqar, nuqqas ta’ xogħol, vizzji, nuqqas ta’ liberta’, vjolenza, u tant u tant sitwazzjonijiet oħra.  Dawn in-nies qed iterrqu u jiġġerrew biex forsi jsibu ftit kenn, biex isibu dar li fiha jistrieħu. Illum Ġesu’ jħares lejn il-marid u l-batut, lejn il-vittmi tal-vjolenza u tal-vizzji, lejn min qed ibati inġustizzji, lejn kull minn hu mtaqqal u mħabbat u jieqaf miegħu; Ġesu’ jdaħħal lil dawn in-nies għandu u jitmagħom biex ma jħosshomx ħażin fit-triq u jmutu fl-apatija u fil-medjokrita’. Ejjew illum nagħtu kas lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli u nitolbu għaihom.

Talba

Mulej, imla bit-tama lil dawk li qed jaqtgħu qalbhom fil-ħajja. Agħti nifs ġdid lil kull min iħossu fallut, u bla ħila jkompli l-mixja tal-ħajja tiegħu.

Il-Ħamis, 3 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (26, 1-6)

 Dakinhar jitkanta dan l-innu fl-art ta’ Ġuda: “Għandna belt qawwija; bnielna swar u ħitan għall-ħelsien tagħna. Iftħu l-bibien, biex jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa. Il-fehma tiegħu sħiħa fik; inti ssaħħaħlu s-sliem, għax fik ittama.

Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem. Lil min kien fl-għoli niżżlu, il-belt imkabbra niżżilha, waqqagħha għal isfel, fit-trab xeħitha; taħt is-saqajn tirtifes, saqajn il-fqir, ir-rifs tal-imsejknin”.

Il-Maġi daħlu l-belt jistaqsu fejn twieled is-Sultan tal-Lhud. Il-belt tiġbor fiha numru ta’ djar flimkien, u tgħaqqad lin-nies flimkien.  Imma l-belt li twarrab lil Alla, tispiċċa belt mifruda flok magħquda, kif kienet il-belt li daħlu fiha l-Maġi.  Fiha kien hemm Erodi, imbeżża’ li s-sultan li twieled joħodlu postu. Tant tfixkel li ma damx jaħsibha wisq biex jeqred il-ġenerazzjoni futura u qatel it-trabi subien kollha ta’ Betlehem u tal-madwar. Kienet belt li fiha ħadd ma kien jaf x’laqtu, ħadd ma kien jaf li s-salvatur li twieled kien f’nofshom.

Iżaija, għall-kuntrarju, joħlom f’belt qawwija, bil-bibien miftuħa li fiha jidħol poplu ġust li jżomm is-sewwa. Poplu li jemmen u jħalli lil Alla f’nofsu.  Isaija ħabbar dwar il-belt il-qaddisa li nsibu fil-ktieb tal-Apokalissi: Ġerusalemm il-ġdida, li niżlet mis-sema mingħand Alla (21, 2-3).

Il-qari jistedinna biex darna jkollha sehem minn din il-belt il-qaddisa. Nibnuha fuq il-blata ta’ dejjem – Ġesu’ Kristu. Ejjew inkunu parti mill-poplu qaddis ta’ Alla u ma nħallux l-individwaliżmu jmexxina. Nibdew  mill-familji tagħna billi nipprovaw naqsmu kollox bejnietna, inkluż l-fidi tagħna fi Kristu.

Talba

Mulej, urina li aħna ma aħniex maħluqin biex ningħalqu fina nfusna, imma biex inkunu wkoll rigal għall-oħrajn. Għinna nibnu soċjeta’ aktar mibnija fuq il-Blata ta’ dejjem, Ġesu’.

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (29, 17-24)

Dan jgħid il-Mulej Alla: “Ftit ieħor, jerġa’ jsir bħal ġnien il-Libanu, u l-ġnien jitqies bħall-masġar! U dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb; u, meħlusin mis-swied u d-dlam, għajnejn l-għomja jaraw; u l-imsejknin jifirħu fil-Mulej, u l-fqajrin fost il-bnedmin jaqbżu bil-ferħ bil-Qaddis ta’ Iżrael. Għax it-tirann għab, u l-insolenti ntemm, u tqaċċtu dawk kollha li jfittxu d-dnewwa; li jwaqqgħu l-ħtija fuq ħaddieħor, u jonsbu n-nassa lill-imħallef fil-bieb, u jwarrbu l-ġust għal kull xejn.

Għalhekk dan jgħid il-Mulej; hu li feda lil Abraham, lid-dar ta’ Ġakobb: “Ma jistħix aktar Ġakobb, u wiċċu aktar ma jisfarx. Għax meta jara lil uliedu, l-opra ta’ jdejja f’nofsu, iqaddsu ismi; iqaddsu l-qaddis ta’ Ġakobb, u jibżgħu minn Alla ta’ Iżrael. U dawk li jiżbaljaw f’ruħhom, jiksbu d-dehen, u dawk li jgemgmu, jiksbu t-tagħlim”.

Il-Maġi rnexxielhom jaslu sad-dar għax kellhom tama qawwija. Nimmaġina li tul il-vjaġġ kien hemm, fost il-Maġi, min beda jaqta’ qalbu, jew jiddubita li xi darba seta’ jirnexxielhom jilħqu l-għan tagħhom. Imma, nemmen, li kienu jinkuraġixxu lil xulxin u jwettqu lil xulxin – kieku ma waslux!

Kemm hu importanti li nieħdu l-eżempju tagħhom u fi djarna nikkultivaw it-tama.  Inkunu kapaċi ninkuraġġixxu lil xulxin u nagħmlu l-qalb lil xulxin. Ma għandniex minn x’hiex nistħu jew nibżgħu, anqas meta xi ħadd minna jiżbalja – niftakru li f’nofsna għandna Salvatur li jgħidulu l-Mulej.  Noqogħdu attenti li djarna ma nagħmluhomx postijiet tat-tgergir, ta’ kritika jew ta’ kundanna għal xulxin; dan ma jwassal għal xejn għajr li niskuraġġixxu u naqtgħu qlub xulxin, flok inwettqu lil xulxin fit-tama. Niftakru dak li Alla qal lid-dar ta’ Ġakobb; dawk li jiżbaljaw f’ruħhom, jiksbu d-dehen, u dawk li jgemgmu, jiksbu t-tagħlim. Il-wegħda ta’ Alla lill-poplu għażiż tiegħu hi waħda ta’ prosperita’; dan hu li Alla għadu jwiegħed lilna wkoll li nemmnu fih.

Talba

Mulej, agħmel li djarna jkunu mimlijin bit-tama li jagħtina l-Evanġelju Mqaddes tiegħek.

Is-Sibt, 5 ta’ Diċembru

Mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. U tahom dawn l-ordnijiet: “Morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Kif daħlu fid-dar ta’ Betlehem, il-Maġi kienu sorpriżi; minkejja li kien ‘sultan li twieled’, ma sabux xi villa jew palazz imma missew b’idejhom is-sempliċita’ u l-faqar; madanakollu xorta rrealizzaw ġid kbir. Setgħu jagħrfu wkoll lilhom infushom li minkejja li kienu sinjuri, xorta kien jonqoshom ħafna, tant li kienu qed ifittxu kif se jimlew il-vojt ta’ qalbhom.  Nistgħu ngħidu li kulħadd jonqsu xi ħaġa – min flus u ġid materjali, min saħħa, min xogħol, min ftit ħin għalih innifsu u min paċi u kuntentizza tal-qalb. Nitħabtu kemm nitħabtu ma nistgħu qatt ngħidu li ma jonqosna xejn. Kemm indumu fuq din l-art, dejjem nirsistu biex nakkwsitaw dak il-ftit aktar. 

Kull dar, kull familja, kull poplu għandu fih ġid u faqar, tajjeb u ħażin. Kull dar, kull familja, kull poplu ssib fihom sew min hu mpenjat u jipprova jagħmel li jista’, u sew nagħaġ mitlufa. Il-perfett ma jeżistix fuq din l-art!

Għandna bżonn nagħrfu fejn hemm bżonn jidħol is-Salvatur Ġesu’ biex ifejjaqna u  jsaħħaħna. Hu ġie biex iwaqqaf saltna ġdida li fiha għandu post kulħadd, inklużi l-morda, dawk li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.  Ejjew inħarsu ftit lejn il-familja tagħna u naraw x’jonqosha. Mhux l-aktar dak li jgħaddi, daqskemm dak li hu spirtwali. Nitolbu lil Sid l-ħsad jibgħat ħaddiema biex jgħinuna nsibu dejjem dak li jfawwar lil qalbna.

Talba

Mulej, fejjaq lil dawk morda spiritwalment u qajjem mill-ġdid lil min tilef il-fidi. Għaqqadhom mal-familja tiegħek fis-saltna tiegħek.

It-Tieni Ġimgħa.

Introduzzjoni tal-Ġimgħa – “Raw lit-tifel ma’ ommu Marija”.

Matul it-tieni ġimgħa se nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq it-Tifel.  Kull tifel u tifla huma wegħda ta’ ġenerazzjoni ġdida.  Fit-tfal inpoġġu t-tama tagħna – araw ftit fil-ġenituri kemm ikun hemm ħolm, kemm xewqat, kemm asprazzjonijiet għaluliedhom.  Din il-ġimgħa ejjw mal-Maġi nħarsu lejn dan ‘it-Tifel ma’ ommu Marija’, biex jgħinna nissaħħu fit-tama, jgħinna nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu, jgħinna naffrontaw dak li hu nċert b’kuraġġ.  Ejjew insibu ftit ħin kuljum biex nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq dan it-Tifel u nikkontemplawh / niggustawh.

Il-Ħadd, 6 ta’ Diċembru

Bidu tal-Evanġelju skont San Mark (1, 1-8)

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

L-aħbar li tkun ġejja tarbija ma tistax tħallik indifferenti, tista’ tferrħek jew tista’ tnikktek, tista’ tbeżżgħek jew tista’ timlik b’entużjażmu. Hu x’inhu dak li tgħaddi minnu, kull tqala hi żmien partikulari ta’ tħejjija u stennija fl-istess ħin. Ma tistax tipposponi dak li għandu jsir għax iż-żmien hu dak li hu (disa’ xhur). Ħafna drabi din l-preparazzjoni tinvolvi lill-familja kollha, u kultant anke numru akbar ta’ familji, għax kull min ikun qed jistenna lil dik t-tarbija b’xi mod jew ieħor irid iħejji ruħu.

Quddiem il-Maġi nsibu tarbija, li mhux biss ommu Marija u Ġużeppi kienu qed jistennew, imma l-poplu kollu. Il-poplu kien ilu sekli sħaħ jistenna lis-salvatur, imma sfortunatament ma għarfux li kien wasal iż-żmien. Twieled u ma ndunawx. Kellhom ikunu Maġi barranin li jintebħu b’dak li kien qed jiġri.  Imma Alla jibqa’ jagħti ċ-ċans u bagħat lil Ġwanni biex iqajjem lin-nies min-nagħas li sabu ruħhom fih. Hu ħabbar il-wasla tal-Kelma ta’ Alla nkarnata u għen lin-nies biex jerġgħu lura lejn Alla.   

Meta nieqaf inħares lejn xbieha ta’ Ġesu’ tarbija, x’sentimenti jqumu fija? Kif qed nilqgħu f’ħajti? Tajjeb li llum nara ftit kif qed inħejji ruħi biex nilqa’ l-Evanġelju ta’ Ġesu’ Kristu, kif qed nisimgħu u kif qed ngħixu.

Talba

Mulej, għinni nuża ż-żmien ta’ issa tajjeb, ħalli nħejji ruħi għalik, biex nagħrfek kull meta niltaqa’ miegħek u nilqgħek ġewwa fija.

It-Tnejn, 7 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (5, 17-26)

Ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù.

Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura”. Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”. Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef: tgħid “Dnubietek maħfura”, jew tgħid “Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art – qal lill-mifluġ –: qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek”. U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.

U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!”

Ma tantx jien kapaċi nxebbah; imma ħafna drabi ssib min kif jara tarbija, jipprova jxebbahha ma’ missierha jew ma’ ommha. It-tfal ħafna drabi nidentifikawhom mal-ġenituri tagħhom; ngħidu dak it-tifel ta’… 

Il-Maġi setgħu ixebbhu lil Ġesu’ ma’ ommu Marija. U tassew kien jixbahha l-aktar fid-dispożizzjoni tiegħu li jagħmel ir-rieda ta’ Alla f’kollox. Imma wkoll setgħu jxebhuh ma’ Alla l-Missier għax rawh bl-għajnejn tal-fidi. Ma ħarsux biss lejn ġismu, li kien jixbahħ lill-ġisem tagħna, imma ħarsu wkoll lejn dak li ma jidhirx u emmnu li kien Alla.

Fl-evanġelju tal-lum għandna lin-nies jistaqsu: “Dan min hu?”  Għalkemm kienu għadhom ma jafuhx, setgħu jaraw l-għemejjel ta’ Alla f’għemilu, u għalhekk stagħġbu. Dak li kien qed jagħmel Ġesu’ ħadd ma seta’ jagħmlu ħlief Alla: li ħafer id-dnubiet waqt li fejjaq lir-raġel mifluġ. 

Illum ejjew nieqfu nħarsu lejn dan it-tifel u naraw ma’ min se nxebbhuh. Ejjew naraw fih il-kobor tal-ħniena u tal-imħabba u nħalluh jistedinna nqumu u nimxu.

Talba

O Ġesu’, aħfrilna dnubietna li jifilġuna u ma jħalluniex inħaffu fit-triq tiegħek.

It-Tlieta, 8 ta’ Diċembru

 Qari mill-Evanġelju skont San Luqa. (1, 26-38)

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”. 

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Il-Maġi raw lit-tifel ma’ ommu Marija. Marija, dik t-tfajla mbierka minn Alla, kif kien qal l-anġlu Gabrijel.  Kienet imbierka għax kienet mimlija bil-grazzja, imbierka għax il-Mulej kien magħha, imbierka għax kienet omm Alla. Marija għaddiet din l-barka lill-oħrajn kull fejn kienet tkun. Għaddietha lill-familja tagħha, għaddietha lil Eliżabetta, għaddietha lill-Maġi.

Jekk nieqfu nirriflettu ftit aħna wkoll imbierka, mimlija bil-grazzja, aħna wkoll għandna lill-Mulej magħna u lkoll imsejħa biex inkunu bħal Marija, qaddejja ta’ Alla.

Kemm minna huma mbierka bit-tfal, imbierka b’ġenituri twajba, b’persuni li jħobbu! Kultant ma nirrealizzawx biżżejjed kemm aħna tassew imberkin u forsi ngergu jew nisħtu xortina. Hemm bżonn li nieqfu ftit, kif waqfet Marija u nisimgħu l-Bxara t-Tajba dwarna, u nirrealizzaw kemm aħna mberkin. Bħal Marija, mbagħad, inbierku lil dawk li nkunu magħhom. Ġenituri jbierku lil uliedhom. Ulied ibierku ‘l-ġenituri tagħhom. Għalliema jbierku ‘l-istudenti tagħhom. Żgħażagħ ibierku lil sħabhom. Għarajjes u miżżewġin jbierku lil xulxin.  Niftakru fi kliem San Pawl, ‘bierku dejjem u la tisħtu lil ħadd’ (Rum 12, 14).  Ejjew illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ kull barka, waqt li ngħaddu din il-barka lill-oħrajn. 

Talba

Grazzi, Mulej, talli llum qed timliena b’kull barka mis-sema. Wassalna biex ma nehdew qatt inberkuk.

L-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (40,25-31)

 “Ma’ min ixxebbhuni jew tqabbluni?”, jistaqsi l-Qaddis. Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa ta’ qawwietu, bil-qawwa ta’ setegħtu, ħadd minnhom ma jonqos. Għaliex titkellem Ġakobb, u int, Iżrael, tgħid: “Triqti moħbija mill-Mulej, u mwarrab il-jedd tiegħi minn Alla”? Jaqaw ma tafx? Lanqas ma smajt? Il-Mulej hu Alla ta’ dejjem, il-ħallieq ta’ truf l-art. Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx, l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu. Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel. Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.

Jekk tistieden lil xi ħadd għandek id-dar, tara li d-dar tkun fl-ordni u nadifa.  Fil-fatt żjara ta’ xi ħadd bla mistenni taf taħsdek u faċli timbarazza ruħek jekk tħoss li fid-dar għandek ħafna taqlib u affarijiet fin-nofs.

Kemm noqogħdu attenti għall-mod ta’ kif nidhru; kemm hi importanti nipproġettaw immaġini tajba tagħna nfusna u tal-familja tagħna!  Kemm noqogħdu attenti li l-‘performance’ ta’ xogħolna tkun sodisfaċenti!  Kultant dan joħloq fina anzjeta’ qawwija, li faċli tgħajjina; il-fatt li dejjem nipprovaw nidhru perfetti jista’ jwassalna f’punt li nċedu.

Ħafna drabi dan jiġri għax inħossu li se jgħaddu xi kumment fuqna jew jiġġudikawna.  Dan, pero’, ma jkunx il-każ jekk nidhru quddiem xi tarbija jew quddiem it-tfal żgħar.  Il-maġi hekk kif daħlu quddiem it-tifel, ma ħassewx il-bżonn li jipproġettaw xi immaġini partikulari, imma setgħu ikunu dak li tassew huma. Ħassew li quddiem it-tarbija Ġesu’: qed ‘jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjjew, jimxu bla ma jintelqu’.

Ejjew nieqfu quddiem it-tarbija Ġesu’ kif aħna u, waqt li nittmaw fih, nitolbuh iserraħna, għax aħna wkoll ġieli nittamaw fina nfusna u nsiru bħaż-żgħażagħ li ngħejjew, u nogħtru bħall-irġiel fl-aħjar tagħhom.

Talba

Mulej, agħti l-mistrieħ lil ruħna. Tħalliniex nintilfu fuq dak li jidher minn barra imma wassalna biex insibu t-triq għal għandek kif sabu l-Maġi.

Il-Ħamis, 10 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (11, 11-15)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.  Min għandu widnejn ħa jisma’!”.

Tarbija hi ħelwa wisq! Imma t-tfal iridu ħafna attenzjoni u ħafna xogħol.  Mhux biżżejjed li tkun tixtieq li jkollok it-tfal, imma aktar minn hekk trid tkun lest tieħu ħsiebhom b’għożża kbira. Trid tinsa lilek innifsek u tħoġġi lilhom l-ewwel.

Il-fatt li l-Maġi raw lil Ġesu’ bħala tarbija, tpoġġi quddiemna l-istess impenn tal-ġenituri lejn uliedhom ċkejknin. Mhux biżżejjed li tkun tixtieq li Ġesu’ jkun f’ħajtek, imma trid ukoll taħdem biex tikkultiva dik il-preżenza ta’ Ġesu’ ġewwa fik. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesu’ qalilna li ‘dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfu s-Saltna tas-smewwiet’. Ma nistgħux ngħixu l-fidi tagħna b’medjokrita’.  Jekk nieqfu nammiraw ‘il-qaddisin u lil nies twajba biss, inkunu qisna qed niggustaw biss lil dik it-tarbija, bla ma nagħmlu xejn għaliha. Hu meta nidħlu għall-impenn tal-fidi, li nkunu bħall-omm dejjem pronta mat-tarbija tagħha.

L-eżami tal-kuxjenza hu ta’ għajnuna kbira fil-ħajja spiritwali tagħna. Iżommna attenti u konxji għall-mod ta’ kif qed ngħixu l-esperjenza ta’ Alla f’ħajjitna. Jgħinna nagħrfu kif Alla qed jaħdem fina (attenti għall-grazzja li nirċievu), imma wkoll jgħinna nintebħu meta ma nkunux qed nikkoperaw mal-istess grazzja. Ejjew illum nieqfu u naraw fejn hu l-impenn tal-fidi tagħna f’Ġesu’.

Talba

Mulej, kun magħna fit-taħbit u l-impenn tagħna biex nikkoperaw mal-grazzja li tagħtina.

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (11, 16-19)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Imma ma’ min se nxebbhu dan in-nisel? Inxebbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazez jgħajtu lil sħabhom u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt, u ma żfintux, għannejnielkom in-niket, u ma bkejtux!”. Għax tassew, ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu: “Għandu fih xitan”. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin”. Imma l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”.

It-tifel li raw il-Maġi ma kienx waħdu, imma ma’ ommu Marija. Il-bniedem mhux maħluq biex jgħix waħdu. Nitwieldu magħquda mal-omm, nikbru fi ħdan familja, u ngħixu qrib ta’ oħrajn; ir-relazzjonijiet huma neċessarji u meħtieġa. Il-mixja spirtwali tagħna trid twassalna biex insaħħu r-relazzjonijiet tagħna, mhux biss ma’ Alla imma wkoll ma’ xulxin. Ir-relazzjoni ta’ bejn it-tifel u l-omm hi waħda li tispira sigurta’,dik is-sigurta’ li hi bżonn li kull bniedem għandu.  Dan it-tip ta’ sigurta’ xejn ma jista’ jassiguraha għajr relazzjonijiet sani u f’posthom. 

L-individwaliżmu, ħafna drabi jdgħajjef, jekk mhux ukoll ipoġġi f’periklu din s-sigurta’. Il-poplu ta’ żmien Ġesu’ kien poplu li kellu kriżi ta’ relazjonijiet, tant li ma’ kienx jifraħ ma’ min jifraħ, anqas jibki ma’ min jibki. Kien poplu ħafif biex jikkritika u jgħid fuq l-oħrajn. Dan iġib ħafna insigurta’ u jiżra’ biża’ li tagħlaq lil dak li jkun fih innifsu – twassal għal solitudni (loneliness). Ġesu’ tarbija jistedinna biex insaħħu r-relazzjonijiet tagħna. Ejjew illum inħarsu lejh u nħalluh iqanqal fina x-xewqa ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom.

Talba

O Ġesu’, bierek u saħħah ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna biex inħossuk u narawk f’dawk ta’ madwarna.

Is-Sibt, 12 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (17, 10-13)

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien nieżel minn fuq il-muntanja, id-dixxipli staqsewh: “Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”. Hu weġibhom: “Elija jiġi, iva, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom”. Imbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.

Tixtieq kieku tara tarbija dejjem titbissem, imma r-realta’ hi li tarbija tibki wkoll. Nimmaġina li l-Maġi semgħu l-biki tat-tifel kemm damu fid-dar. Il-biki hu espressjoni tal-qalb, li ħafna drabi juri uġigħ, skumdita’, limitazzjoni u l-bżonnijiet tagħna l-bnedmin.  Ladarba Ġesu’ għażel li jsir bniedem bħalna, iddeċieda wkoll li jibki, li joqgħod għat-tbatija u l-uġigħ, anzi għażel li jifdina permezz tal-istess tbatija. Fl-evanġelju tal-lum nisimgħu li ‘Bin il-bniedem għandu jsofri’. 

Ġesu’ jitkellem minn Elija li għandu jiġi. Elija kien profeta li qanqal lill-poplu jerġa’ lura lejn Alla u jħalli l-ħajja tad-dnub. Id-dixxipli fehmu li meta Ġesu’ kien qed jitkellem dwar Elija, kien qed jirreferi għal Ġwanni l-Battista, għax Ġwanni l-Battista wkoll sejjah għall-indiema meta għammed fil-Ġordan. Minħabba l-ħidma tagħhom ta’ profeti, li stiednu għall-konverżjoni, sew Elija u sew Ġwanni l-Battista kellhom jgħaddu minn tbatija kbira. Elija kellu jaħrab u jinħeba fil-wied għax kienu qed ifittxulu ħajtu, u Ġwanni spiċċa l-ħabs u eventwalment maqtul.

Ejjew llum inħarsu lejn it-tarbija Ġesu’ u nitgħallmu minnu kif ngħixu t-tbatijiet tagħna.

Talba

Ġesu’, fil-mumenti tat-tbatija u l-uġigħ ħallina nitwaħħdu miegħek fuq is-salib u mhux nitfixklu u neħduha kontrik.

It-Tielet Ġimgħa.

Introduzzjoni tal-Ġimgħa – “inxteħtu fl-art iqimuh”.

Matul it-tielet ġimgħa imħeġġin mal-Maġi nagħrfu aktar lil Ġesu’ bħala Alla, u nfaħħruh, nadurawh u nigglorifikawh. Nagħrfuh biex inħobbuh u naqduh. Il-Maġi waslu fid-destinazzjoni tagħhom, laħqu l-għan tagħhom; bħalhom aħna wkoll imsejħin inkomplu nimxu sad-destinazzjoni tagħna, aħna wkoll imħeġġa nilħqu l-għan tagħna. Niftakru li aħna għalhekk maħluqa:  biex nagħrfu, inħobbu u naqdu lil Alla u wara din l-ħajja nkunu nistgħu ngawduh għal dejjem.

Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (1, 6-8, 19-28)

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl. Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Maġi kienu għorrief tassew għax għarfu min kienu. Minkejja li kienu xjentisti, minkejja li kienu nies ta’ ċerta importanza u kellhom pożizzjoni, minkejja li kellhom ħafna ġid, xorta għarfu li m’humiex allat, anzi ħassew il-bżonn li jfittxu lil Alla veru u jinxteħtu quddiemu jadurawh.

Li tkun taf min int hi grazzja, għax tkun tista’ żżomm postok. Ġwanni l-Battista kien jaf min hu; kien jaf li hu mhux il-Messija, anqas Elija, u lanqas il-profeta. Għaraf li kien leħen li kellu jħejji t-triq għall-Kelma nkarnata, għall-Messija.

Inkunu kapaċi nagħrfu minn tassew aħna, jekk niddawlu mid-dawl ta’ Alla nnifsu. Meta ngħixu f’Alla mhux biss nintebħu min aħna, imma wkoll nagħrfu l-missjoni tagħna. Fit-twettiq tal-missjoni nkunu qed naduraw u nagħtu qima lil Alla.  Min jinxteħet għarkoptejh biex jadura ġenwinament lil Alla, jfittex ukoll li jgħix il-missjoni tiegħu b’fedelta’, kif għamel Ġwanni.  Ejjew illum ninxteħtu naduraw lil Alla billi naqdu l-missjoni afdata f’idejna.

Talba

Mulej, għinna nagħrfu aħjar min tassew aħna u għinna naqdu l-missjoni li qed tafdalna f’idejna fuq din l-art.

It-Tnejn, 14 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (21, 23-27)

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”.

U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?”. Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintux?”. U jekk ngħidulu: “Mill-bnedmin”, nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta”. Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux”. U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.

Kultant ikun hemm min jgħid kelma u jkun kapaċi jinfluwenza ħafna nies b’li jgħid. Tħoss li kliemu jqanqal u jikkonvinċi lil diversi. Nies bħal dawn għandhom setgħa li jiġbdu warahom ħafna ammiraturi.

Il-Maġi għarfu s-setgħa li kellu Ġesu’, minkejja li kull ma raw quddiemhom kien tifel. is-setgħa ta’ Ġesu’ tarbija kienet setgħa li tagħti direzzjoni u tiggwida l-ħajjiet tal-oħrajn. Ġesu’ tarbija kellu setgħa fuq ir-ragħajja, tant li telqu l-imrieħel tagħhom. Hu wera s-setgħa tiegħu quddiem id-dutturi fit-tempju, meta kellu tnax-il sena, tant li baqgħu mistagħġba bl-għerf tiegħu.  Ġesu’ baqa’ juri din is-setgħa fi kliemu tul il-missjoni tiegħu kollha, għax kliemu kien jispira lil diversi persuni, tant li ħafna ħallew kollox u minnufih marru warajh u saru dixxipli tiegħu. Kliemu kellu setgħa saħansitra li jibdel il-ħajja ta’ diversi nies li fiequ u bdew ħajja ġdida.

Tajjeb li llum nistaqsi x’setgħa għandu Ġesu’ fuqi? Kif inħoss li l-Kelma nkarnata qed tispirani u tidderiġini f’ħajti? Illum ninżel nadura lill-Kelma ta’ Alla u nitlob biex ngħixha fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Nagħmel bħall-Maġi li niżlu jaduraw lil Ġesu’ għax raw fih is-setgħa ta’ Alla.

Talba

Mulej, dawwalni bil-kelma tiegħek u ħalliha tibdilli ħajti biex inkun tassew dixxiplu tiegħek.

It-Tlieta, 15 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (21, 28-32)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”. U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi”, qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.

Il-Magi emmnu li dak li raw quddiemhom kien Alla, tant li niżlu quddiemu jadurawh.  Imma l-fidi tal-Maġi ma dehritx biss f’dan il-ġest; dehret b’mod aktar qawwi meta ġew biex imorru lura lejn darhom; huma qagħdu għal dak li ġie mgħarraf lilhom fil-ħolm minn Alla, u għaddew minn triq oħra. Il-fidi tidher aktar fl-ubbidjenza milli fil-kliem – li temmen ma jfissirx biss li tkun kapaċi tgħid il-Kredu b’fommok, imma aktar li tgħix dak li temmen.

Fil-parabbola li għandna quddiemna llum insibu żewġ ulied; wieħed jgħid b’fommu li se jagħmel dak li talbu l-missier imma l-fatti kienu ħaġa oħra, u l-ieħor, għalkemm wera li ma riedx jagħmel dak li ġie mitlub, biddel fehmtu u wettaq ir-rieda ta’ missieru. San Ġorġ Preca kien jgħid: ‘waqt il-prova kollox’.  Il-fidi tagħna tidher f’għemilna. Dak li nagħmel jaqbel ma’ dak li jitlob minni Ġesu’?

Kultant il-fidi tagħna titlob minna li nieħdu deċiżjonijiet kontra l-kurrent, drabi oħra jkollna nitilfu opportunitajiet li jidhru sbieħ imma li jistgħu jwassluna għad-dnub, u ħafna drabi jkollna noħroġu mill-‘comfort zone’ tagħna u nimxu minn toroq ġodda, nimxu b’fidi li Alla miexi magħna.

Talba

Mulej, saħħah fina l-fidi u urina t-triq il-ġdida li tridna nimxu minnha. Għall-Mostin, it-triq il-ġdida hija Triq il-Kungress Ewkaristiku J

L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (7, 19-23)

F’dak iż-żmien, Ġwanni sejjaħ tnejn mid-dixxipli tiegħu u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”. Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. Imbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”

Nimmaġina li l-Maġi ma waqfux jirrakkontaw dak li għaddew minnu, hekk kif irriturnaw lejn pajjiżhom. Saru xhieda ta’ Kristu. Huma baqgħu jaduraw lil Ġesu’ anke wara li ħallew id-dar ta’ fejn kien Ġesu’. L-adorazzjoni u l-qima bdew jagħtuha bl-istess xiehda li taw.

Fl-evanġelju tal-lum inisbu lil Ġesu’ jibgħat lid-dixxipli ta’ Ġwanni lura għand Ġwanni l-Battista u jgħidulu dak li raw u dak li semgħu; bagħthom jagħtu xhieda tal-esperjenza li kienu għamlu ta’ Ġesu’. Huma għarfuh bħala l-Messija għax ħeles lill-morda mill-mard tagħhom, ħeles lill-midinbin mid-dnub tagħhom, u dawwal bit-tagħlim tiegħu lil dawk li kienu fid-dlam tal-injoranza.  B’hekk bix-xhieda li taw, Ġesu’ ġie mfaħħar u glorifikat.  Kull meta naqsmu l-esperjenza ta’ Kristu mal-oħrajn inkunu qed nadurawh, nigglorifikawh u nfaħħruh. Ġesu’ stess bagħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja kollha biex jagħtu xhieda tiegħu. Ejjew għalhekk illum nagħtu xhieda ta’ Kristu biex oħrajn jagħrfuh, iħobbuh u jaqduh.

Talba

Mulej, agħtina l-grazzja li naqsmu l-esperjenza tagħna ma’ dawk li ngħixu magħhom u ma’ dawk li niltaqgħu magħhom.

Il-Ħamis, 17 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 1, 1-17)

… Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.

Il-Magi skoprew il-verita’ wara li għaddew ħajjithom ifittxu l-istess verita’. L-interess fit-tfittix tal-verita’ żgur li ġabuh minn x’imkien. Il-probabbilta’ hi li kienu l-ġenituri tagħhom li qanqlu fihom dan l-interess; jista’ jkun li l-ġenituri tagħhom kienu qed ifittxu li jiskopru l-verita’ huma stess – b’hekk tgħallmu josservaw il-kwiekeb fis-smewwiet, fittxew u studjaw imma wkoll baqgħu miftuħa għal skoperti ġodda.

L-evanġelju tal-lum jagħtina l-arblu tar-razza ta’ Ġesu’, għax Ġesu’ daħal u sar parti minn razza ta’ bnedmin.  Aħna, dak li aħna, minħabba l-ġenituri tagħna.  Ilkoll għandna l-għeruq tagħna x’imkien, u f’dawn l-għeruq insibu antenati li kienu ta’ ġieħ u oħrajn li kienu ta’ diżunur. Bil-Malti ngħidu: kull razza fiha l-paljazza. L-istess insibu fir-razza li minnha twieled Ġesu’.

Nieħdu gost meta fir-razza tagħna, niskopru nies li kienu ta’ unur u ta’ ġieh. Dan iqanqal fina responsabbilta’ biex aħna wkoll inħallu impatt posittiv fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Tajjeb li nistaqsu jekk b’dak li qed nagħmlu llum hux se nkunu ta’ ġieh jew ta’ diżunur għaluliedna u għal ulied uliedna. Meta nkunu ta’ eżempju tajjeb, inkunu wkoll qed nagħtu ġieh u qima lil Alla li qed jafdalna f’idejna l-ulied. Ejjew illum inroddu ħajr lil Alla li qed jafdalna l-ġenerazzjoni ta’ warajna.

Talba

Mulej, waqt li rroddulek ħajr għal dak li rċivejna mingħand ta’ qabilna, nitolbuk tagħtina l-Ispirtu qaddis tiegħek biex jgħarrafna x’eżempju għandna ngħaddu lil ta’ warajna.

L-Ġimgħa, 18 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija (23, 5-8)

Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej – meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa tagħna. 

Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem – oraklu tal-Mulej – meta ma jgħidux iżjed: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li tella’ ’l ulied Iżrael mill-art tal-Eġittu!”, imma: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li tella’ u ħareġ in-nisel ta’ dar Iżrael mill-art tat-Tramuntana, u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom!” Imbagħad jistgħu jgħammru f’arthom”.

Il-Magi ġieli nsejħulhom slaten. Dan biss bi tradizzjoni għax l-evanġelju ma jgħid bl-ebda mod li kienu slaten jew li biss kienu tlieta! Slaten ta’ fejn, slaten ta’ min? Ma nafux eżatt, imma naħseb li xi tip ta’ responsabbilta’ kellhom. Madanakollu huma stess kienu qed ifittxu Sultan; mhux sultan kwalunkwe, imma sultan ġust, li jagħmel is-sewwa u l-ħaqq. Sultan tajjeb imexi b’ġustizzja u fejn hemm il-ġustizzja jkun hemm ukoll is-sliem. Il-profeta Ġeremija jħabbar żmien ta’ paċi, li fih jitwieled sultan ġust, li jagħmel is-sewwa. Il-Maġi kif sabu lil dan is-Sultan ta’ sliem, niżlu jqimuh u b’hekk saru huma nfushom strumenti ta’ paċi.

Meta nagħmlu s-sewwa, meta nkunu ġusti ma’ xulxin, u meta niżirgħu l-paċi, nkunu qed naduraw u nagħtu qima lil Alla.  Alla ma jridx l-offerti tal-ħruq u sagrifiċċji, ma jridx anqas xema’ u flus, imma jrid il-ġustizzja u s-sewwa.  Waqt li ninxteqħlu quddiem t-tarbija Ġesu’ ejjew naraw jekk aħniex ġusti ma’ xulxin, naraw jekk hux qed infittxu li nagħmlu s-sewwa f’kollox, u ejjew naraw jekk aħniex f’paċi ma’ kulħadd. Jekk hu l-każ, nitolbu lil Ġesu’ jgħinna nsewwu l-ingustizzji tagħna, nerġgħu lura mill-ħażen tagħna u nirrikonċiljaw biex inkunu f’paċi ma’ kulħadd.

Talba

Mulej, agħmilna strument tal-paċi tiegħek; fejn hemm il-mibgħeda ħallini nħeġġeġ l-imħabba.

Is-Sibt, 19 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin (13, 2-7, 24-25a)

F’dak iż-żmien, kien hemm raġel minn Sorgħa mit-tribù ta’ Dan, jismu Manuħa, u martu kienet sterili, u ma kellhiex tfal. U deher l-anġlu tal-Mulej lill-mara u qalilha: “Ara, int sterili u ma għandekx tfal, imma int se titqal u tiled iben. Issa qis li ma tixrobx inbid, u anqas xorb li jsakkar, u tiekol xejn imniġġes. Għax, ara, int se titqal u tiled iben, u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-Filistin”.

U l-mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja raġel ta’ Alla, wiċċu wiċċ ta’ anġlu ta’ Alla, wiċċ li jbeżżgħek tarah. Ma staqsejtux mnejn ġie, u lanqas hu ma qalli ismu. U qalli: “Ara, inti titqal u tiled iben, u issa tixrobx inbid jew xorb li jsakkar, u tiekol xejn imniġġes, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu sakemm imut”.

U l-mara wildet iben u semmietu Sansun, u t-tifel kiber u l-Mulej bierku. U l-ispirtu tal-Mulej beda jaħdem ġewwa fih.

Sansun; imħallef u mexxej tal-poplu Lhudi, kien bniedem ta’ saħħa tremenda, saħħa li għaġgbet lil bosta. Is-silta tal-lum turina kif Sansun kien tassew rigal għal Manuħa u martu; huma ma setax ikollhom ulied, iżda Alla berikom b’dan it-tifel. Il-qawwa ta’ Alla tidher fl-aqwa tagħha sewwa sew fejn hemm id-dgħajjef. Manuħa u martu raw f’binhom Sansun l-id ta’ Alla. L-ispirtu tal-Mulej kien jaħdem ġewwa Sansun, u permezz tiegħu Alla ried jifdihom minn id il-Filistin, imma Sansun tkabbar u ħareġ mit-triq tas-sewwa u tilef saħansitra saħħtu u qawwietu.

Il-Maġi għarfu fit-tarbija Ġesu’ dik il-qawwa divina li mhux biss wasslitu biex ikun l-awtur tal-ħolqien kollu imma wkoll is-salvatur ta’ kulħadd. Raw f’dik t-tarbija l-potenzjal tal-fidwa.  L-Ispirtu s-Santu qagħad fuq Ġesu’ u kkonsagrah biex iwassal l-bxara t-tajba lill-fqarjin, u jagħti l-ħelsien lill-imjassrin. Ġesu’ ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla b’umilta’ kbira ħeles lill-umanita’ mill-ħakma tax-xitan.

Illum ejjew naduraw lill-Ispirtu s-Santu li qed jaħdem f’kull wieħed u waħda minna, anke jekk aħna dgħajfa u midinba, fina hemm il-potenzjal għall-qdusija. Hu l-Ispirtu li jikkonsagrana u jibagħtna kif bagħat lill-magi jxandru l-Aħbar it-Tajba f’pajjiżhom u f’belthom.

Talba

Mulej, nirringrazzjawk talli fil-magħmudija għamiltna Tempju tal-Ispirtu qaddis. Għinna ngħixu b’umilta’ fit-triq tas-sewwa billi nżommu l-wegħdiet li għamilna fil-magħmudija tagħna.

Ir-Raba’ Ġimgħa.

Introduzzjoni tal-Ġimgħa – “fetħu t-teżori tagħhom”.

Fl-aħħar ġimgħa tal-Avvent mistiedna niftħu ftit it-teżori tagħna, nagħrfuhom u noffruhom lura lil dak li tahomlna. Ma ninsewx li dak kollu li għandna rċevejnieh, mhux biex inżommuh moħbi fid-dlam imma biex nużawh għall-ġid tagħna u tal-oħrajn waqt li nagħtu glorja lil Alla permezz tiegħu. Niftakru xi ġralu dak r-raġel li ħeba t-talent tiegħu flok mar ħaddmu; spiċċa tilfu wkoll. Ara l-oħrajn li ħadmu bit-talenti li kellhom, irduppjawhom u offrewhom mill-ġdid lis-sunjur. Dan li mistednin nagħmlu din il-ġimgħa: inroddu lura l-frott tat-teżori li rċevejna, waqt li nħallu lill-Mulej jgħidilna: ‘ejjew qaddejja tajba u fidili, idħlu fil-hena ta’ sidkom; intom kontu fidili fil-ftit u jien se nafdalkom ħafna[1] (Mt 25, 21). tista’ tne]]i l-footnote  

Il-Ħadd, 20 ta’ Diċembru

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel (2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16)

Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!”.

U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: Mur għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.

David għaraf dak li Alla kien għamel miegħu matul ħajtu, b’mod speċjali tul iż-żmien li dam isaltan fuq Iżrael. Għalhekk, xtaq li jibni tempju lill-Mulej bħala rigal. David kien lest li jagħmel kull ma jista’ biex id-dar li xtaq jibni lil Alla, tkun waħda xierqa; ried joffri l-aħjar. Imma Alla wrieh, permezz tal-profeta Natan, li ma kienx bżonn id-dar ta’ David; minflok Alla wiegħdu li jagħtih aktar milli kien diġa’ tah; wiegħed li jsaħħaħlu l-familja tiegħu u tibqa’ għal dejjem, billi jqajjem minn nislu lis-sultan ta’ dejjem – lil Ġesu’.

L-istess ġest narawh fil-Maġi.  Meta għarfu dak li Alla għamel magħhom, l-aktar tul il-vjaġġ lejn Iżrael, fetħu t-teżori tagħhom u xtaqu joffrulu b’rigal l-aħjar. Imma Alla ried jagħtihom aktar, ried joffrilhom paċi u ferħ fil-qalb tagħhom li jibqa’ għal dejjem.  

Kultant aħna wkoll inħossuna xxurtjati u grati bil-ħafna li nirċievu mingħand Alla, u nħossu li għandna rrodulu l-aħjar mit-teżori tagħna, imma nindunaw li Alla jroddilna bil-wisq aktar lura; jagħtina wkoll paċi u ferħ fil-qalb.  Ejjew illum noffru lil Alla ftit aktar ħin, għax il-ħin hu ferm prezzjuż f’ħajjitna, billi nitolbu ftit aktar jew nieqfu ma’ xi ħadd li għandu bżonn ftit ħin minn tagħna.

Talba

Mulej, fakkarna li meta nagħtu aħna naqilgħu. Tħalliniex inkunu xħaħ miegħek, għinna niftakru li dak kollu li għandna ġie mogħti lilna biex nagħtuh mill-ġdid.

It-Tnejn, 21 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet (2, 8-14)

Leħen il-maħbub tiegħi: arah, hu ġej, jaqbeż fuq il-muntanji, jitqâbeż fuq l-għoljiet. Il-maħbub tiegħi qisu xi għażżiela, jew ferħ iċ-ċriev. Hemm huwa, wieqaf, wara l-ħajt tagħna, iħares minn ġot-tieqa, u jgħarrex wara l-gradi tal-ħadid. Qabad jitkellem hu, il-maħbub tiegħi, u qiegħed jgħidli: “Maħbuba tiegħi, qum, ejja, sabiħa tiegħi! Għax, ara, għaddiet ix-xitwa, spiċċat ix-xita, marret. Fuq l-art ġa deher il-ward, iż-żmien tal-għana wasal, fuq artna nstama’ leħen il-gamiem. Diġà beda mit-tin ħiereġ il-frott, in-nwar tad-dwieli jxerred riħa ħelwa. Maħbuba tiegħi, qum, ejja, ġmiel tiegħi! Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq tal-blat, moħbija ġo xi rdum, urini wiċċek, semmagħli leħnek, għax leħnek ħlejju, u sbejjaħ wiċċek”.

X’ma jagħtux il-maħbubin lil xulxin; x’ma jagħmlux għal xulxin. Xejn ma hu tant impossibbli u iebes għal min iħobb.  Jaslu li jsiru rigal għal xulxin. Dan li jagħmlu l-miżżewġin fiż-żwieġ: jagħtu l-ħajja waħda li għandhom lil xulin, waqt li jirċievu l-ħajja ta’ xuxlin b’rigal. Hu rigal wisq prezzjuż, u għalhekk, għandhom dmir kbir li jibżgħu ħafna għal ħajjet xulxin. 

B’xi mod dan li għamlu l-Maġi. Ma ġewx quddiem Ġesu’ biex jagħtuh id-deheb, l-inċens u l-mirra. Kieku ma kellhomx għalfejn jiġu huma personalment; kien ikun biżżejjed li jibagħtu r-rigali tagħhom ma’ xi messaġġiera! Imma le, riedu jiġu huma stess għax riedu joffru lilhom infushom. Ir-rigali li ħarġu mit-teżori tagħhom kienu biss espressjoni li turi l-għotja tagħhom infushom lil Ġesu’. Qishom bħaċ-ċkriet fil-miżżewġin; iċ-ċurkett huwa biss sinjal tal-għotja tal-ħajja; hu biss simbolu li jfakkar lill-miżżewġin fil-kelma li taw lil xulxin ħalli jgħixu b’fedelta’ dik li wiegħdu.

Niftakru li fil-magħmudija aħna wkoll għamilna wegħda li ningħataw għal Alla; għandna diversi simboli, diversi sinjali li jfakkruna f’din l-wegħda. Ejjew illum naraw kif qed ngħixu din il-wegħda, waqt li nitolbu lill-Mulej jgħinna nkunu aktar fidili għall-kelma li tajnieh.

Talba

Mulej, aħna tiegħek u tiegħek biss irridu nkunu. Nixtiequ nagħtuk qalbna u dak kollu li aħna; nixtiequ nagħtuk lilna nfusna ħalli nibqgħu dejjem magħquda miegħek. Għamel li din ix-xewqa titwettaq f’kull jum ta’ ħajjitna.

It-Tlieta, 22 ta’ Diċembru

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel (1 Sam 1, 24-28)

F’dak iż-żmien, Anna tellgħet ’il binha Samwel magħha fid-dar tal-Mulej f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq u żaqq inbid, u marret bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli, u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. Għal dan it-tifel kont tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-Mulej”. U qiemu lill-Mulej hemmhekk.

Ma nafx x’jista’ jkun aktar għażiż għall-ġenituri, minn uliedhom stess. Ħafna ġenituri jibqgħu lura huma biex jaraw lil uliedhom kuntenti. L-ulied huma tassew teżor. Li toffri lil uliedek hi xi ħaġa tassew kbira!

Illum għandna quddiemna lil Anna, mara li ma setax ikollha uliedtfal. Hi talbet fuq li talbet lil Alla biex jagħtiha iben; xtaqet li tkun omm u wegħdet lil Alla li jekk ikollha iben toffrih lil Alla biex ikun fis-servizz tiegħu. Hekk ġara; kellha lil Samwel u meta Samwel kiber ħaditu fit-tempju biex ikun qaddej ta’ Alla.

Meta l-Maġi offrew mit-teżori tagħhom, kienu qed joffru mhux biss lilhom infushom imma wkoll lill-għeżież tagħhom. Il-Maġi jħeġġuna biex kuljum noffru lill-għeżież tagħna, lil dawk li huma kollox għalina, lil dawk li tassew inħobbu. Noffru f’idejn il-Mulej lill-ġenituri tagħna, liluliedna, lis-sieħeb/a tagħna, lill-qraba u ħbieb tagħna, u kull min għalina hu teżor. Ejjew llum nagħmlu din l-offerta lil Alla u nafdaw f’idejh lil dawn il-persuni.

Talba

Mulej, Alla tagħna, nixtiequ noffrulek lil kull min għandu post speċjali f’qalbna. Nafdawhom f’idejk biex tieħu ħsiebhom u tberikom.

L-Erbgħa 23 ta’ Diċembru

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija (3, 1-4.23-24)

Dan jgħid il-Mulej Alla: “Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq quddiemi, u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu; u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej, jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher? Għax hu bħan-nar ta’ wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela. U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda, u jnaddaf ’l ulied Levi, u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda, u huma jsiru għall-Mulej nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa. U tibda togħġbu lill-Mulej l-offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari, bħal fis-snin l-imgħoddija. Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża’. U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered”.

Il-messaġġier hu mibgħut minn Alla, biex permezz tal-ħidma tiegħu jgħin lill-poplu kollu. Xogħol il-messaġġier hu li jwassal lill-poplu biex iħejji ruħu sew ħa jilqa’ lis-Salvatur.  Kull vokazzjoni hi sejħa minn Alla għall-ġid tal-bnedmin. Li ngħixu l-vokazzjoni tagħna hi offerta safja li nagħmlu lil Alla, għax xogħolna stess isir sagrifiċċju jfuħ li jitla’ quddiem Alla.

Il-Maġi kienu xjentisti, li bl-istudji u l-osservazzjonijiet tagħhom għenu lil diversi oħrajn. Ix-xogħol jagħti dinjita’ għax permezz tax-xogħol inkunu nipparteċipaw fil-ħidma ta’ Alla.  Meta Alla ħalaq id-dinja, afdaha f’idejn il-bniedem biex jieħu ħsiebha. Ħafna drabi naħsbu li x-xogħol hu kastig u effett tad-dnub, imma le, ankeqabel id-dnub Alla sejjaħ il-bniedem biex jipparteċipa fil-ħidma tiegħu – sejjaħlu biex iħares u jieħu ħsieb il-ħolqien.

Tajjeb li naraw kif qed inwettqu l-ħidmiet u r-responsabbiltajiet tagħna.  Naraw kif qed ngħixu l-vokazzjoni tagħna, waqt li noffru ħidmietna u dak kollu li nagħmlu għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid ta’ xulxin.

Talba

Mulej, noffrulek dak kollu li nagħmlu għas-salvazzjoni tad-dinja. Għinna ngħixu s-sejħa li għamiltilna biex nipparteċipaw fil-ħimda tiegħu b’dak kollu li nagħmlu.

Il-Ħamis, 24 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (1, 67-79)

F’dak iż-żmien, Żakkarija, missier Ġwanni, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda  jħabbar u jgħid:

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu, bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu, biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna. B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha. U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”.

Dan l-innu ħareġ mill-fomm u mill-qalb ta’ Żakkarija; qisu bħal fetaħ it-teżor ta’ qalbu u minnu ħareġ innu ta’ gratitudni u radd il-ħajr lil Alla. It-tifħir sinċier li joħroġ minn fomm minn jemmen hu offerta li żgur li Alla jilqa’ u jitpaxxa biha. L-importanti hu li t-tifħir li nagħtuh ma jkunx biss tpaċpiċ u ritwali fiergħa. L-innijiet u t-talb iridu jkun esperessjoni sinċiera ta’ dak li hemm fil-qlub tagħna.

Waqt il-liturġija nsibu diversi ġesti, simboli u kliem li jesprimu dak li hemm fi qlubna, imma noqogħdu attenti biex ma jsirux biss ċerimonji fiergħa.  Il-Maġi offrewlu l-inċens; ma għamlux dan b’formalita’ imma biex jesprimu li huma għarfuh bħala Alla tagħhom. 

Meta nieħdu sehem fil-liturġija nieħdu sehem attiv fiha u nipparteċipaw b’mod sħiħ. Ma’ nersqux għall-quddies bi drawwa imma naraw li tassew inkunu ħaġa waħda ma’ Ġesu’, hu li joffri lilu nnifsu lill-Missier għas-salvazzjoni tagħna. Inħejju ruħna sew minn qabel u nersqu biex nirċievu l-Ewkaristija b’fidi sħiħa f’Ġesu’. Dan nagħmluh wara li nkunu mtlejna bil-Kelma li tkun ġiet proklamata lilna.

Talba

Mulej, jien nemmen li int preżenti fl-Ewkaristija. Nemmen li int bqajt magħna f’dan is-sagrament. Saħħaħ il-fidi dgħajfa tiegħi, u għamel li f’dan il-Milied niġġeddu fik.

Jum il-Milied – saru huma stess offerta.

L-Ġimgħa, 25 ta’ Diċembru

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2, 1-14)

F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.

Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.

Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.

F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.

Ninsabu f’soċjeta’ ta’ bnedmin li jinteressha ħafna min-numri; soċjeta’ li tkejjel is-suċċessi; isiru surveys u studji biex naraw hux qed nirnexxu jew le. Inkejlu kemm għandna likes fuq xi post li nkunu qegħdna fuq il-mezzi soċjali.  Ngħoddu kemm kien hemm nies waqt xi attivita’ li ġiet organizzata, eċċ. Dan mhux xi ħaġa tal-lum biss; fi żmien Ġesu’ diġa’ niltaqgħu ma’ ċensimenti.  Fiċ-ċensimenti kull bniedem isir numru.

Imma għal Alla mhux hekk; aħna ma aħniex numri għalih. Fil-Milied niftakru li wieħed għamel id-differenza kollha fl-umanita’; wieħed biddel il-ħajjiet ta’ ħafna u ħafna nies; wieħed kien is-Salvatur ta’ kulħadd.

F’għajnejn Alla aħna lkoll prezzjużi, ilkoll teżori; hu jafna b’isimna u jħares lejna bħala ulied. It-twelid ta’ Ġesu’ wassal biex aħna nsiru ulied adottivi tiegħu.  Meta nagħrfu li aħna ulied, nagħrfu wkoll lil Alla bħala Missier.  F’din il-familja ta’ Alla nsibu l-imħabba vera li twassalna biex ninfetħu beraħ waqt li niftħu beraħ it-teżori tagħna, bla ma nżommu u nipproteġu xejn għalina nfusna. Dan li għamlu l-Maġi. Huma fetħu beraħ it-teżori tagħhom bla ma baqgħu jipproteġu dak li ġarrew magħhom tul it-triq kollha; infetħu beraħ għal Alla waqt li fetħu beraħ it-teżori tagħhom.

Talba

Ġesu’ Bambin, ejja twieled ġewwa fija, biex nagħraf aħjar li jien iben/bint maħbub/a tal-Missier. Ħallini ninfetaħ beraħ għalik u għall-oħrajn.