Monthly Archives: May 2020

Dun Ġorġ U l-Kwadru ta’ l-Immakulata Ta’ Bormla

Kitba tar-Rev. Kan Joseph Bonello

Fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ, il-Madonna kellha post speċjali. Ma kien jgħejja qatt jirrakkomanda devozzjoni kbira lejha. Sa minn żgħożitu kellu mħabba enormi lejn il-Madonna, b’mod speċjali lejn “Il-Konċepiment Immakulat”. Ta’ spiss kien iħobb jitlob hekk: “Alla Missier, nirringrazzjawk għal kull ma Inti għamilt ma’ Marija, speċjalment fil-Konċezzjoni Immakulata tagħha”.

Kull meta kien jiġi Bormla, kważi dejjem kien jgħaddi fis-Santwarju Kospikwan biex jagħmel viżta lill-Madonna. Kien devot ħafna ta’ l-Immakulata tal-kwadru tal-kor, tant li ordna li fid-djar tal-M.U.S.E.U.M. għandu jkun espost fil-kappella ta’ kull Qasam dan il-kwadru tant sabiħ tal-Madonna. Ried ukoll li quddiem ix-xbieha ta’ dan il-kwadru f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. għandu fis-7, 17 u 27 ta’ kull xahar tas-sena tingħad it-talba tant sabiħa VESTIS HONORIS.

Il-Ħamrun u Bormla

Il-Ħamrun u Bormla huma żewġ postijiet ta’ tifkira qaddisa għall-M.U.S.E.U.M. u għal Dun Ġorġ. L-ewwel erba’ djar tal-M.U.S.E.U.M. kienu fil-Ħamrun, imma wara l-Ħamrun, l-ewwel dar uffiċjali tal-M.U.S.E.U.M. kienet f’Bormla; minbarra li dan il-Qasam hu tal-bidu nett, dan hu l-ewwel Qasam li jaf il-bidu tiegħu lil Ewġenju Borg, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M.

Ewġenju Borg kien ħaddiem fit-Tarzna, li wara li jispiċċa mix-xogħol fil-5.00p.m. kien imur f’xi klabb jew ħanut fejn kien ikun hemm ħafna rġiel u żgħażagħ: hekk daħal f’ħafna familjarita` man-nies ta’ Bormla, u nkoraġġit minn Dun Ġorġ iddeċieda li jiftaħ il-Qasam ta’ Bormla. Dan kien fi Frar ta’ l-1908.

L-ewwel Superjur tal-lokal kien Ġiġi Vidal. Jiena niftakru l-M.U.S.E.U.M. fi Triq Nelson fejn dam ħafna snin: mill-ewwel il-M.U.S.E.U.M. f’Bormla għamel progress sewwa, tant li ħafna soċji minn Bormla ġew inkoraġġiti biex jiftħu Oqsma oħra fin-Naxxar, iż-Żejtun, il-Kalkara, u oħrajn kienu jmorru jgħinu fit-tagħlim Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u postijiet oħra. Għall-ħabta ta’ l-1930 kien hemm f’Bormla 24 soċju. Fl-1939 meta jiena kont għadni mal-Magħżulin il-membri kienu 50.

Ta’ min jgħid ukoll li kif Ewġenju Borg ta bidu għall-M.U.S.E.U.M. f’Bormla, hekk ukoll kienet Ġannina Cutajar (l-ewwel Superjura Ġenerali tal-bniet) li fetħet l-ewwel dar f’Bormla. Inzerta li anke għall-bniet it-tieni Qasam hu dak ta’ Bormla. L-ewwel Superjura tal-lokal kienet Konċetta Borg. Għalhekk Dun Ġorġ kien jiġi kemm-il darba Bormla biex jara x’inhu jsir u biex jagħmel kuraġġ lil dawk il-membri ġodda Bormliżi.

Il-Kwadru Santwarju ta’ Bormla

L-idea ta’ dan il-kwadru devot ta’ Marija Immakulata, kienet tar-Rev.du Kan. Ludoviku Mifsud Tommasi, Teologu magħruf, poeta Malti mill-aqwa, u Bormliż devot kbir tal-Madonna. Il-pittur Pietru Pawl Caruana rnexxielu joħloq mill-kapolavuri l-aktar artistiċi li l-Arti Maltija qatt setgħet tipproduċi f’dawk li huma suġġetti reliġjużi.

Il-pittur Caruana, f’dan il-kwadru devot, ġabar b’suċċess kbir – dejjem fuq is-suġġerimenti tas-saċerdot Mifsud Tommasi – il-privileġġi kollha tal-Madonna skond it-tagħlim tad-duttrina Kattolika. Bir-raġun għalhekk li din il-pittura jistħoqqilha tabilħaqq it-titlu ta’ Pittura Teoloġika tal-Madonna.

Dun Ġorġ kien devotissimu ta’ dan il-kwadru santwarju: tant li meta kien jiġi Bormla kważi dejjem kien jgħaddi fil-knisja parrokkjali u wara li jinviżta lil Ġesu` Sagramentat kien jidħol fil-kor biex isellem lil Marija quddiem ix-xbieha sabiħa tagħha li hemm wara l-artal maġġur: kien idum żmien twil jitlob b’devozzjoni kbira, u meta kien imur fil-Qasam tal-M.U.S.E.U.M., lis-soċji kien jgħidilhom kemm huwa devot u mirakoluż dan il-kwadru ta’ l-Immakulata.

Dun Ġorġ kien ħabib ħafna tal-Kanonku Bugelli, saċerdot Bormliż ta’ l-affari tiegħu. Darba fost l-oħrajn waqt li kien fil-knisja ta’ Bormla jinviżta lill-Madonna, resaq lejh dan il-Kanonku Bugelli, li Dun Ġorġ tant kien iħobb u bdew jitgħannqu mimlija bl-imħabba t’Alla u tal-Verġni Marija u Dun Ġorġ stqarr miegħu kemm huwa devot dan il-kwadru. Qallu lill-Kanonku Bugelli: “Qatt ma nixba’ nitlob quddiemu”. Bir-raġun li Dun Ġorġ ordna li xbieha ta’ dan il-kwadru għandha tkun esposta f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. fil-kappella f’post prominenti.

Il-Vestis Honoris

Għal dawk li qatt ma kienu fis-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M., il-kelmiet Vestis Honoris ma jfissru xejn. Għall-kuntrarju, dawk li xi darba messew mas-Soċjeta` ta’ Dun Ġorġ jafu kif dan il-kant sabiħ ta’ Vestis Honoris jitkanta b’devozzjoni kbira kull 7, 17 u 27 tax-xahar tas-sena.

Dan il-kant ta’ Vestis Honoris (Libsa ta’ Ġieħ) huwa speċi ta’ litanija lill-Madonna, li fiha Dun Ġorġ jinseġ tifħir lill-Immakulata. Dun Ġorġ sawwar kuruna ta’ tifħir lil Marija billi sejħilha Domina (Sinjura, Sidt) tal-ħlejjaq kollha.

Kif ġietu l-idea Dun Ġorġ biex niseġ dan il-kant sabiħ ta’ din il-litanija ġdida? Dun Ġorġ ikkompona l-Vestis Honoris qrib is-sena 1924 u l-idea għal din il-litanija ġietu waqt li kien jinviżta l-kwadru tal-kor ta’ Bormla. Jingħad li darba osservawh li dam iħares għal żmien twil lejn ix-xbieha nkurunata u meta xi soċji sabuh u qalulu li kulħadd kien qed jistennih biex jibda l-laqgħa, weġibhom li waqt li kien iħares u jitlob quddiem il-kwadru ġietu l-idea biex jikteb din il-litanija tant sabiħa, biex jgħallimha lis-soċji tiegħu ħalli jkantawha quddiem xbieha bħal dik tal-Madonna. Difatti f’kull Qasam tal-M.U.S.E.U.M. għandek issib kwadru mdaqqas ta’ Marija Immakulata kif pittirha l-magħruf artist Pietru Pawl Caruana.

Dan il-kantiku ta’ Vestis Honoris inizjalment immużikah Toussaint Briffa, Superjur tal-M.U.S.E.U.M. ta’ l-Isla imma wara reġa’ ġie mużikat u adattat għall-vuċijiet minn Maestro Fr. Albert Borg O.S.A., għall-akkademja li saret fl-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Dun Ġorġ.

Id-devozzjoni speċjali ta’ Dun Ġorġ lejn l-Immakulata tidher ċar f’din il-litanija ta’ Vestis Honoris li tispiċċa bil-kant ta’ Salve Filia Patris li s-soċji kull nhar ta’ Sibt ikantaw quddiem ix-xbieha ta’ Marija.

Riferenzi:

  1. Dun Ġorġ 1880 – 1966
  2. Dun Ġorġ Preca Vol. I, Alexander Bonnici
  3. Disgħin Sena ta’ Ħidma Museumina f’Bormla, Jos. Grima
  4. Il-Madonna tal-Kunċizzjoni u Dun Ġorġ, Ġanni Saliba
  5. Il-Vestis Honoris u Dun Ġorġ, John Formosa

Pietru Pawl Castagna (1827 – 1907)

Kitba ta’ Mario Attard

Twelid U Formazzjoni

Nhar is-16 ta’ Ġunju 1827 Antonio u martu Carmela (kunjomha ta’ xebba kien Gonzi) kellhom iben u semmewh Pietru Pawl. Kiber u trabba mdawwar bis-swar li jdawru lil Bormla. Dan il-fatt daħal fil-qalb u l-ħsieb ta’ dan it-tfajjel u rawwem fih ftit ftit l-imħabba għall-istorja ta’ Malta. Din l-imħabba kibret miegħu u tul is-snin tat il-frott.

Studja fil-Liċeo tal-Belt Valletta u daħal jaħdem mal-Gvern bħala għalliem fl-iskejjel elementari. Minn Assistant f’dawn l-iskejjel laħaq surmast fl-iskola ta’ Bormla. Wara sar Direttur ta’ l-Edukazzjoni Elementari.


Pietru Pawl Castagna waqqaf għaqda storika fejn b’riħitha kien jagħti lectures fuq l-istorja ta’ Malta, kien jorganizza ħarġiet kulturali u jagħmel ħafna riċerki storiċi. Barra minn hekk, Castagna kien iħobb ħafna jniżżel in-noti fuq kulma kien iqisu ta’ interess. Iktar tard, il-Prinċep Albert kien ħajru jistampa t-tagħrif storiku kollu tiegħu fi ktieb. Lil dan is-suġġeriment Castagna laqgħu u iżjed tard wettqu.


Bħala Malti li jħobb lil pajjiżu u iktar u iktar imbagħad bħala għalliem, Pietru Pawl Castagna kellu konvinzjoni li l-Maltin għandhom jitgħallmu l-lingwa u l-istorja tagħhom. Dan l-interess u din id-determinazzjoni tiegħu seta’ japplikahom b’iżjed poter meta laħaq Direttur ta’ l-Edukazzjoni Elementari.


Iż-żmien wera kemm Castagna kellu raġun jemmen li l-ilsien Malti huwa għodda eċċellenti biex permezz tagħha l-Maltin jitgħallmu ġrajjiet art twelidhom.
Dan jistqarru pubblikament Castagna nnifsu nhar il-5 ta’ Ottubru 1861 fil-ġurnal “Vessillo Maltese” (jiġifieri Il-Bandiera Maltija). Naraw hawnhekk traduzzjoni Maltija tal-verżjoni oriġinali bit-Taljan:


Issa li, bir-raġun kollu, bdiet il-persważjoni dwar il-bżonn ta’ l-idjoma popolari bħala mezz ta’ edukazzjoni għall-poplu; issa li ħidmiet ġodda f’dan il-qasam qed ikunu milqugħa bi pjaċir mill-pubbliku, xejn ma huwa iktar bżonnjuż u istruttiv minn ġrajja tal-pajjiż miktuba bl-istess lingwa li biha huma miktuba ħidmiet oħra moqrija b’ħila mill-poplu tagħna. L-ewwel ktieb ġewwa librerija għandu jkun bla dubju dak ta’ l-istorja; liema ktieb ikun miktub bl-ilsien tal-poplu. Il-ġrajja ta’ pajjiż, jekk inhuwa ta’ kurżita’ għall-barrani, hija ta’ bżonn u għarfien għall-indiġenu, u l-fatt li hija miktuba b’ilsienu jista’ jaqraha bosta drabi qalb min-nies u li ma jafux…


L-istoriku Bormliż kiteb dan l-avviż lill-poplu Malti sabiex jaqsam miegħu l-fehma li kellu li joħroġ dik li kellha tkun l-ewwel storja ta’ Malta bil-Malti. Fl-istess waqt, b’dan l-avviż għamel talba lill-imseħbin għal dan il-ktieb.


Sena wara li sar dan l-appell, fl-1862, Ġan Anton Vassallo ħareġ storja ta’ Malta bil-Malti. Fir-realta’ iżda ma kienx xogħol oriġinali bil-Malti iżda verżjoni mqassra u maqluba bil-Malti mill-oriġinal bit-Taljan li Dr. Vassallo stess ħareġ fl-1854 mill-istamperija ta’ l-Aħwa Bonello bl-isem Storia di Malta raccontata in Compendio. Għall-kuntrarju, Castagna kiteb l-istorja tiegħu ta’ Malta oriġinarjament b’mod dettaljat b’ilsien il-poplu Malti.  


Meta mbagħad kiteb id-daħla tal-ktieb tiegħu, Castagna stqarr: Illum, li quasi colhat jaf jakra bil malti, ghaib ghalih min ma ghandux lis-storia ta pajisu mictuba bil lingua li jitkellem, dan u l’ewwel ktiebli wihed imissu icollu fil libreria tiegħu… Imbagħad jistqarr ukoll li kien sejjer iqassmu fi tliet partijiet: (i) kelmtejn fuq l-art Maltija u l-prodotti li tagħti, (ii) dak li għadda minn Malta sa mill-ewwel nies, u (iii) qwiel u ħwejjeġ oħra ta’ interess.

L- Ewwel Storja Ta’ Malta Bil-Malti

Pietru Pawl Castagna ħareġ l-ewwel edizzjoni ta’ l-istorja ta’ Malta fl-1865 f’żewġ volumi bl-isem ta’ Malta bil Ghzejjer Tahha u li Ghadda min Ghaliha. It-tieni edizzjoni stampaha fl-istamperija C. Busuttil ta’ 133, Strada Forni, Valletta bejn is-snin 1888-1890, din id-darba b’isem ieħor, Lis Storja ta Malta bil Gzejer Tahha.

Victor Fenech f’Il-Ktieb Malti (paġna 112) iqis lill-ktieb ta’ Castagna bħala enċiklopedija fuq Malta għaliex jippreżenta ħafna tagħrif f’varjazzjoni ta’ oqsma. Jista’ jiżdied ukoll li Castagna b’dan ix-xogħol storiku tiegħu ppreżenta tifsila għall-kittieba li kellhom jiġu warajh. Hekk għamlu G. Faure’ bejn is-snin 1913-16 bl-erba’ volumi tiegħu Li Storja ta’ Malta u Għawdex kif ukoll Tankredi Borg u Vincenzo Busuttil bejn is-snin 1921-32 bid-Dizzjunarju Enciclopedicu f’disa’ volumi. Ġuże’ Cassar Pullicino jgħidilna f’Kitbiet Oħra tas-Seklu Dsatax (p.50) li fuq din il-metodoloġija l-kittieba Maltin baqgħu jibnu xogħolhom sas-Seklu Għoxrin.

Bil-ktieb tal-ġrajja ta’ Malta fil-vernakular, Cassar Pullicino jqabbel lil Castagna ma’ G.F Abela  u G.A. Ciantar. Pietru Pawl Castagna  għamel bil-lingwa Maltija dak li kien għamel Ġan Franġisk Abela bit-Taljan fl-1674 bil-ktieb storiku Della Descrittione di Malta con le sue antichita’ et altre notitiae


Żewġ avvenimenti storiċi seħħew f’Malta fis-snin qabel il-ħruġ ta’ l-istorja ta’ Castagna. Fl-1839 għaddiet il-Liġi ta’ l-Istampa li rat il-ħolqien ta’ l-ewwel ġurnali bil-Malti. Fl-istess waqt fis-snin li ġew wara Malta rat lill-iskejjel joktru u l-qari tal-Malti fihom dejjem jiżdied. Avveniment ieħor u li kellu importanza kbira biex il-Maltin bdew iħobbu u japprezzaw bis-serjeta’ lil pajjiżhom, kien l-ilqugħ f’pajjiżna ta’ l-eżiljati politiċi Taljani fil-ġlieda tagħhom għall-għaqda ta’ l-Italja f’pajjiż wieħed (ħolma li saret realta’ fl-1870). Il-preżenza ta’ dawn l-eżuli kif ukoll il-ħidma patrijottika għal art twelidhom issarrfet f’patrijottiżmu fost il-Maltin għal Malta, art twelidhom. Dik l-epoka kienet ta’ stimulu kbir għal P.P.Castagna biex ikomplu jixgħel dak il-patrijottiżmu bis-saħħa tal-għarfien ta’ l-ilsien nazzjonali Malti fost il-Maltin. 

    
Fit-tieni volum ta’ l-Istorja ta’ Malta li ppreżenta, lil Castagna nsibuh jagħmel referenza għal Bormla b’rabta ma’ l-ewwel festa nazzjonali fl-1891. Referenza oħra li jagħmel għal Bormla hija marbuta ma’ dak li seħħ f’Bormla stess fl-okkażjoni ta’ l-Arblu ta’ Mejju (ara paġna 6 tan-noti). Dan kien sar fid-19 ta’ Mejju 1814 u seħħ wara li kienet ġriet l-aħbar tal-paċi wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Pariġi. F’paġna 425 tat-tieni volum tiegħu, Castagna jagħti tagħrif dwar l-istorbju kbir li kien inqala’ u li ħalla 33 ruħ mejta. 


Tajjeb inżid illi fl-1985 id-dar Maltija tal-kotba Midsea Books, bdiet toħroġ serje ta’ facsimile editions. B’kollox ħarġu għaxar kotba storiċi antiki, fosthom it-tieni edizzjoni ta’ Castagna fejn fit-tieni volum hemm inkluż ukoll it-tielet ktieb.

Castagna U L-Palk Malti

Huwa minnu li Pietru Pawl Castagna huwa miżmum bħala pijunier ta’ l-istorja ta’ Malta miktuba b’ilsien il-poplu. B’danakollu, Castagna fittex li jkompli jqajjem u jkattar l-imħabba għall-ilsien Malti b’medium ieħor  –  il-palk!
Ġuże’ Gatt f’ ‘Il-Berqa” tad-9 ta’ Novembru 1937 jkteb li Castagna kellu xewqa kbira li l-palk Malti jirnexxi u jkompli javvanza. Sehmu tah: kien jagħmel ħiltu sabiex id-dilettanti tal-palk Malti jsiru jafu jirreċtaw tajjeb bħall-atturi barranin.


Gatt jikteb ukoll li Castagna kien l-ewwel wieħed li kiteb bil-Malti rr-regoli tal-palk f’Malta. Dawn l-ikkunsidrati kodiċi tal-Palk Malti kien stampahom bħala żieda mal-farsa Bażlakku fit-Taħbil tal-Makna.


Bil-kontribut li ta lill-palk Malti, P.P.Castagna ngħaqad ma’ Wiġi Rosato, Rikkardu Taylor u Mons. Ludovik Mifsud Tommasi, l-erbgħa li huma Bormliżi. Dawn ilkoll taw kontribut siewi lil-Letteratura Maltija. Barra minn hekk, Castagna u Rosato t-tnejn kellhom rabta mill-qrib mal-Birgu.


Kien żmien li fih il-palk Malti kien biex ingħid hekk l-iktar divertiment imfittex u għalhekk kien effettiv ħafna. Dan ifisser li għal Castagna, il-palk kien l-aħjar mezz ta’ edukazzjoni tal-massa.


Pietru Pawl Castagna kien id-direttur ta’ La Compagnia Filodrammatica ‘Vittoriosa’. Huwa  kien il-moħħ wara din l-għaqda ta’ dilettanti tal-palk. Kien jikteb drammi proprju għall-istess kumpannija biex ittellagħhom fuq il-palk. B’eżempju, din il-kumpannija bejn l-1856 – 59 ħadmet farsa u kummiedja tad-direttur tagħha.
Fares jew kummiedja li kiteb Castagna huma:
L-Aħħar tas-Sena… farsa li nħademt fit-30 ta’ Diċembru 1856
Il-Kongress tas-Sefturi – kummiedja li hija verżjoni Maltija addattata mit-Taljan f’ambjent ta’ Malta fl-1800. Din kienet inħadmet fit-30 ta’ Diċembru 1859.
Bażlakku fit-Taħbila tal-Magna – skerz komiku u
It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin. L-azzjoni ta’ din il-ħidma għall-palk isseħħ fil-Belt Valletta fi tliet atti. L-ewwel parti nsibuha sseħħ fil-Barrakka ta’ Fuq fis-sitta ta’ fil-għodu. It-tieni parti sseħħ fil-ħdax ta’ fil-għodu f’kamra fejn Porta Reale u t-tielet parti ġewwa d-dar tal-=baruni Flavio fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar.
Minnhom kollha, l-ewwel tnejn kienu l-aktar popolari.


Kif jidher, il-komiċita’ kienet il-ġeneru teatrali familjari ma’ P.P.Castagna. F’dan l-istil kien isib l-aħjar għodda biex iperreċ in-nuqqasijiet li kienu jeżistu fis-soċjeta’ ta’ żmienu. F’dawn id-drammi komiċi tiegħu nsibuh juża taħdit bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Malti  –  naturalment ried jiddistingwi l-klassijiet soċjali. Minkejja dan il-lingwaġġ kien wieħed sempliċi kemm jista’ jkun, l-aktar meta juża għajdut popolari.

P.P.Castagna Bħala Folklorista

Ġuże’ Cassar Pullicino fis-seba’ ktieb ta’  Il-Bennejja tal-Folklore Malti jqiegħed lil Castagna ma’ l-ismijiet tal-pijunieri tal-folklor Malti. Dak li wasal lil Cassar Pullicino jqis lill-kittieb Bormliż b’folklorista kien it-tqassim li bih ippreżenta l-istorja ta’ Malta.
Castagna jagħtina leġġendi, kif kienu jiddevertu l-Maltin, użanzi bħall-quċċija u l-ħġejjeġ ta’ San Ġwann u 625 qawl, superstizzjonijiet bħal ilsien San Pawl, il-Waħx u l-Gawgaw…sa anke tagħrif dwar l-Imħallef tal-Beżqa.


Bir-raġun għalhekk Ġuże’ Cassar Pullicino jikteb f’paġna 37 tal-ktieb imsemmi ‘l fuq li “fuq kollox, Castagna għandu ‘l mertu li kiteb fuq id-drawwiet bil-Malti u sal-lum għadek tiltaqa’ ma’ nies li kulma jafu dwar il-qedem u d-drawwiet ta’ missirijiethom tgħallmuh għax qrawh fl-istorja tiegħu…”

Bormla Fl-Istorja Ta’ Malta Ta’ Castagna

Castagna ma jonqosx milli jirrferi għal belt twelidu. Il-qofol ta’ din ir-referenza tinsab fl-ewwel volum ta’ Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min Ghaliha, fil-paġni 101 sa 110.
Bormla hija “l-art li minn fuqha kienu jgħaddu ll-widien, antikament kienet kollha siġar u raba’ bla maħdum”. Il-qala tagħha serqet il-ħarsa u l-qalb tas-sajjieda u l-barklori “li dejjem għażlu xtut qrib l-ibliet, bdew iressqu u jiġbdu l-ferilli u d-dgħajjes tagħhom fil-menqa, li sejħu madraġġ…bdew ipoġġu lejn din-naħa…u bil-ftit il-ftit, qabdu jibnu fejn joqogħdu”. Sa’ l-assedju l-Kbir għammru f’Bormla 1,200 ruħ. Lejn is-sena 1720 dik li qabel kienet bur laħqet abitazzjoni ta’ 660  bi 3,000 ruħ. Bejn is-sehem tagħha fl-Assedju l-Kbir u bejn li kienet imdawra bis-swar, il-Gran Mastru Marc Antonio Zondadari ddikjaraha Citta’ Cospicua.


Castagna jagħti wkoll tagħrif dettaljat fuq is-swar, wieħed wieħed, fuq il-parroċċa u l-knejjes kollha li kienu jinsabu f’Bormla ta’ żmienu. Sa jsemmi wkoll il-knisja tal-protestanti. Jissemmew l-istatwi fit-toroq ta’ Bormla: Sant’Andrija (l-eqdem fosthom kollha), Sant’Elija (c.1818) ta’ Vincenzo Dimech u tal-Karmnu (1854) ta’ Mastru Cens Sammut. Il-Kunċizzjoni mal-parroċċa ta’ Bormla(1759), id-Duluri mal-kantuniera ta’ l-Oratorju (1756), il-Kunċizzjoni fi Strada Concezione (1788) u San Pawl fil-Pixkerija (1870) u saret minnMastru Anton Busuttil.


Ma jonqosx milli jagħmel referenza għat-toroq imtarrġa ta’ Bormla ta’ żmienu. Fosthom jissemmew Strada Buongiorno b’132 tarġa, Strada Toro b’170 tarġa, Santa Liena b’200 tarġa u Strada Oratorio b’215-il tarġa. Interessanti nkunu nafu li fi żmien Pietru Pawl Castagna, f’Bormla kienu jeżistu 120 fanal tal-gass. Mill-banda l-oħra, jgħidilna li l-Pjazza ta’ Santa Margerita kienet irranġata bis-siġar fl-1875.


L-istoriku Bormliż jagħmel referenza għall-għargħar li fl-imgħoddi ġmielu Bormla kienet tbati bil-bosta. ‘Dulluvju’ partikulari seħħ nhar il-Ħadd, 10 ta’ Ottubru 1869 waqt il-festa ta’ San Mikiel. Dak in-nhar Bormla “kienet għoddha fgat fl-ilma, u l-abitanti kellhom joħorġu minn djarhom bid-dgħajjaes: ħaġa, li tant kemm ġiebet biża’, daqs tant ieħor ġiebet daħk u żufjett”.

Għeluq

Nhar it-13 ta’ April 1907, Pietru Pawl Castagna miet. Ħajtu għexha fl-imħabba għall-ilsien Malti. B’determinazzjoni kbira tgħallem biex ikun jista’ jwettaq il-ħolma ta’ ħajtu: li l-poplu Malti jagħraf li għandu lsien b’saħħtu u li permezz tiegħu jista’ jeduka ruħu u jtejjeb il-ħajja soċjali tiegħu.
Għejun ta’ tagħrif:
1. Il-Ktieb Malti, Victor Fenech, Kullana Kulturali, Vol.65, 2004
2. Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku, Robert Mifsud Bonnici, D.O.I., 1960
3. Maltese Biographies of the Twentieth Century, Michael Schiavone, Pubblikazzjoni PIN, 1997
4. Il-Bennejja tal-Folklore Malti  –  Nru. 7, Ġuże’ Cassar Pullicino, Universita’ Rjali ta’ Malta, 1964
5. Kitbiet Oħra tas-seklu Dsatax, Ġuże’ Cassar Pullicino, Kullana
6. “Il-Gazzettier Malti”, Nru.6, 30 ta’ Awissu 1859.
7. “Vessillo Maltese”, 5 jew 15 ta’ Ottubru 1861.
8. Mal bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min Ghaliha, P.P.Castagna, 1865.
9. Lis Storja ta Malta bil Gzejer Tahha, P.P.Castagna, 1888-90..
10. “Malta e Sue Dipendenze”, 13 ta’ April 1907.
11. “Il-Berqa”, 9 ta’ Novembru 1937.
12. Ward ta’ Qari Malti, P.P.Saydon u Ġ.Aquilina (Edituri), it-Tieni Ktieb, 1972, p.p. 181-186.