F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,għax huma jkollhom b’wirthom l-art.Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja,għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,għax huma jsibu ħniena.Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom”.