Kitba ta’ Mario Attard
L-Għan Tal-Kitba
Hija ħaġa naturali daqs kemm hija komuni li ċittadin Bormliż jgħid li huwa minn Bormla. L-istess kif jagħmlu ċittadini minn bliet u rħula oħra. Iżda meta nfittxu dwar kemm nafu xi jfisser l-isem tal-belt tagħna, is-sikta tirrenja fuq il-parti l-kbira tal-kotra. Bil-għan li ngħin biex innaqqas minn din is-sikta u ngħarraf liċ-ċittadini tagħna jgħollu aktar is-sens ċiviku tagħhom, ħsibt li nikteb din il-kitba. Minbarra tagħrif fuq isem beltna, ħadt ħsieb li nagħmel referenza lejn inħawi antiki li l-qabda l-kbira tagħhom intesew, iżda mhux minn fuq il-folji tar-reġistri tan-nutara – dawn għadek isibhom imniżżla fl-arkivji notarili. Irrid inżid ukoll li għadd ċkejken ġmielu minn dawn l-inħawi għadhom attwali. Jinsabu għaddejjin minn moħħi l-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa, Santa Margerita u Santa Liena.
Sorsi
Dan il-għan li fassalt f’moħħi bnejtu primarjament fuq il-ktieb voluminuż ta’ Godfrey Wettinger, Place-names of the MalteseIslands ca. 1300-1800. Referenza oħra siewja ħadtha mid-djarju The Siege of Malta 1565 tal-Kavallier Francesco Balbi di Correggio stampat għall-ewwel darba fl-1567 f’Alcala de Henares u fl-1568 f’Barcellona. Fl-1867 kien inqaleb għall-Ingliż mill-Maġġur Henry Alexander Balbi. Il-verżjoni li nirreferi għaliha kienet stampata f’Copenhagen fl-1961. L-Assedju l-Kbir – Ġrajjiet ta’ Kull Jum ta’ Mons. E.Coleiro. Referenza oħra ħadtha mill-ktieb maħruġ mill-Kustodju ta’ l-Altar tal-Kor Bormla bl-isem Żvilupp tal-Qima lejn Marija Verġni Immakulata f’Bormla, stampat fl-1949.
Burmola – Interpretazzjonijiet
Bormla hija “distrett, u llum belt, fil-ġewwieni tal-qala bejn Sant’Anġlu u l-Isla”. In-Nutar C. Canchur fl-att tas-16 ta’ Settembru 1501 jirreferi għaliha bħala contrada ta burmula – id-distrett ta’ burmula (Wettinger, p.65). L-istess nutar jirreferi għal Bormla bħala ta bur mile, contrada fil-5 ta’ Ġunju 1523. In-Nutar Gerolamo Cumbo jikteb fid-19 ta’ Mejju 1537 ta murmule, suburbii maris, contrada – b(m)urmule, subborg mal-baħar u distrett (Wettinger, p.65). Interessanti r-referenza għal Bormla miktuba fil-21 ta’ Ġunju 1577 u misjuba fil-Mużew tal-Kattidral ta’ l-Imdina, burmula citta della Vittoriosa, citta de Malta (Wettinger, p.65).
Godfrey Wettinger f’paġna 72 jagħtina l-isem Bullumeni, insibu li dan kien qasam, jew aħjar fewdu, qrib il-Birgu. Il-possibilita’ hija li dan l-isem imniżżel fis-26 ta’ Marzu 1373, qiegħed jirrferi għal Bormla.
Fuq kollox Wettinger ma jonqosx milli jagħti t-tifsira tal-kelma Bur Mula f’p.65, jiġifieri l-mergħa tal-Mulej jew inkella il-mergħa ta’ Mula. L-istess awtur ma jonqosx milli jfakkarna li Mula sar kunjom u huwa wieħed attwali wkoll. Il-kelma Bur fid-dizzjunarju ta’ Ġuże’ Aquilina English-Maltese Dictionary Vol. III, p(.1824) jiddeskriviha bħala biċċa art baxxa mistagħdra ħafna drabi qrib xi xmara (baħar). Jirreferi għaliha wkoll mill-Għarbi, jiġifieri litteralment art mhux ikkultivata, moxa. Fil-waqt li mula jfissirha mill-Għarbi wkoll bħala Sid jew lord. Aquilina jsemmi l-possibilita’ wkoll li burmula ġejja minn bu ramla għall-bajja li ntilfet fid-dagħbien bil-bini tal-baċir numru wieħed. (Maltese-English Dictionary Vol.1,137).
Erin Serracino Inglott f’Il-Miklem Vol. 1 (p.212) jiddeskrivi lill-bur bħala art moxa (ftit jew wisq ħawlija) li tiswa bħal mergħa li dari r-rgħajja kienu jieħdu l-bhejjem tagħhom jirgħu. Serracino Inglott f’p.188 tad-dizzjunarju msemmi jfisser lill-kelma Bormla bħala il-bur li fih il-milja (i.e. m’huwa nieqes minn xejn, l-aktar, nemmen, f’sens agrikolu, meta nafu li l-biedja u s-sajd kienu l-mezzi ewlenin tal-għajxien. Bormla f’dak iż-żmien kellha mit-tnejn).
Interpretazzjoni mibnija fuq xeħta popolari hija li l-isem ta’ Bormla ġej minn bir-il Mulej. Dan l-isem, imsemmi ħafif ħafif ‘il fuq, huwa mibni grammatikalment bl-istat kostrutt jirreferi għall-fehma li fl-Iżmna mbiegħda sewwa, fejn il-lum tinsab il-belt Bormliża kien hemm ġiebja kbira (jew bir) li kienet taqdi lill-pubbliku ta’ l-inħawi tal-madwar.
Il-preżenza ta’ l-ilma f’pajjiż irrenjat ġmielu min-nixfa (l-aktar f’dawk Iż-żminijiet), ipprovdiet grazzja kbira daqskemm popolarita’. B’danakollu, in l-interpretazzjoni ta’ minn fejn seta’ ġej l-isem Burmola ma tantx qabdet art. (Lulju Settembru 2004)
Il-kelma barbar tipprovdi possibilita’ oħra ta’ oriġini għall-ewwel nofs ta’ l-isem Bormla. Dan l-isem li grammatikalment ħa sura kwadrilitteri, ġejja mill-kelma ripetuta barra barra. Minnha ħa l-ewwel sillaba li ġiet ripetuta. Barr (minn barra) ħadet is-sura ta’ Bur. Min isostni din il-fehma jemmen fiha għaliex Bormla, qabel aktar mil-lum, kienet tinsab barra s-swar tal-Birgu u l-Isla. Din il-fehma emmen fiha bis-sħiħ l-istoriku Annibale Preca.
Bil-ħsieb li nkompli nipperżenta kull interpretazzjoni possibli minn fejn ġej l-isem tal-Belt Cospicua, isnemmi studjuż ieħor qadim ta’ l-istorja Maltija – b’Achille Ferris li emmen li Burmola tfisser post dominanti, fuq l-oħrajn (fiz-zona tiegħu), u għalhekk iħares ‘l isfel lejn il-madwar tiegħu. Biż-żejjed hawn insemmiu lill-għoljiet ewlenin ta’ Santa Margerita, ta’ San Ġwann t’Għuxa u ta’ Kordin (li fl-imgħoddi kienet waħda mill-ħames għoljiet li ffurmaw lil Bormla oriġinali).
Permezz ta’ Wettinger, iżjed ‘il fuq issemma l-kunjom Mula. Naraw l-interpretazzjoni ta’ dan il-kumjom kif jagħtiha b’rabta ma’ Bur Mula Mario Cassar f’The Surnames of the MalteseIslands, f’paġni 260-261. Raħal fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ kien Ħal Mula li tfisser id-dar tar-razzett tal-familja Mula bil-bini madwarha. L-isem Ma;lti kompost minn żewġ partijiet Bormla huwa t-ttaqsira ta’ Bur Mula li tfisser il-mergħa ta’ Mula.
B’kurżita’ nsemmi wkoll li jeżisti raġal fil-provinċja ta’ Potenza bl-isem La Mula. Barra minn hekk, insibu l-kunjom (anki jekk forsi taħt laqam) eżistenti fl-1145 fost l-ilsiera Musulmani f’Malta maħkuma min-Normanni.
Ismijiet Ta’ Nħawi F’Bormla U Madwarha
Il-lista ta’ ismijiet ta’ nibdiha bil-ħames għoljiet li oriġinarjament taw is-sura bikrija lil Bormla. Għad li dawn diġa’ ssemmew fil-kitba tiegħi Bormla – Ħarsa lejn l-għeruq, it-Tnissil u l-Iżvilupp Tagħha (li dehru fl-ewwel tliet ħarġiet tal-gazzetta tal-Kunsill ta’ Bormla, Sehemna), ikun xieraq li jkunu jiffurmaw parti mil-lista sħiħa ta’ partijiet qodma li rnexxieli niġbor.
Il-ħames għoljiet huma l-Għolja tal-Ġonna, li għad li m’hix l-ogħla għolja f’Bormla, fil-quċċata tagħha tinsab il-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata. L-Għoljiet ta’ Pażan u ta’ Santa Margerita li jeħduk lejn Ħaż-Żabbar. L-Għolja ta’ Ġerman tqarrbek lejn iż-Żejtun fil-waqt li Kordin jieħdok lejn ir-Raħal il-Ġdid.
Godfrey Wettinger fi Place-Names of the MalteseIslands ca.1300 – 1800, isemmi bħala l-ewwel naħa eżattament ħdejn Bormla lill-fewdu ta’ Dosa. Minbarra dan l-isem huwa magħruf ukoll bħala ta’ Pietra Longa.
Irridu ngħidu li f’Ħal Millieri (fejn iż-Żurrieq) kien hemm għalqa li ġġib l-istess isem. Ġan Franġisk Abela f’Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano (1647) jkteb hekk: Ta Dosa jew Pietra Lunga, fuq it-territorju ta’ Bormla li kienet f’idejn il-Gran Mastru. Dosa ġejja minn Johannes de Osa li fl-aħħar parti tas-Seklu 14 (circa 1374) ingħata l-fewdu msemmi ta’ Pietra Longa. Fl-20 ta’ Awissu 1408 kien għaddieh lil Puchio de Termis.
Il-Qsajjem ta’ Petra Longa hija referenza oħra għal ta’ Dosa jew San Ġwann t’Għuxa – Nut. Giuliano Muscat, 15 ta’ Settembru 1544. Pietra Longa hija kelma oħra għal menhir li kienet tinsab f’dik iz-zona. Kif nafu, menhir hija ħaġra twila u antika jew imwaqqfa minn żmen il-ħaġar inkella l-ħaġra ttieħdet minn xi lok pre-istoriku u tqiegħdet fil-post bħala monument. (Ottubru-Diċembru 2004)
Bejn ta’ Dosa (jew San Ġwann t’Għuxa) u tal-Barrani f’Ħal Tarxien kien hemm ġiebja msemmija ta’ Bir Għulem. Id-data teħodna fis-27 ta’ April 1568. tajjeb in kunu nafu li għuliem tista’ tfisser żagħżugħ jew ilsir inkella qaddej (p.43).
Ta’ Għuxa (ta huxe) huwa distrett fil-punent ta’ Bormla. In-Nutar Canchur isemmih fl-20 ta’ Frar 1521. Naturalment, il-ħsieb jaqa’ fuq San Ġwann t’Għuxa, hekk imsemmi minn Wettinger f’paġna 495. Dan ta’ l-aħħar jiddeskrvih bħala naħa qrib Għajn Dwieli Mons. E. Coleiro f’L-Assedjdu l-Kbir – Ġrajjiet ta’ Kull Jum jikteb f’paġna 52 li sa żmien l-Assedju tal-1565 fuq San Ġwann t’Għuxa kien hemm ftit abitazzjonijiet u għalhekk kien jitqies bħala l-villaġġ. In-Nutar Canchur iniżżlu bħala distrett, bid-data tkun 15 ta’ Frar 1505. L-istess jikteb in-Nutar Giuseppe de Guevara fid-19 ta’ Settembru 1541. Ġ.F.
Abela jikteb fil-volum tiegħu msemmi ‘l fuq dwar il-knisja tal-qaddis u l-istatwa kbira ta’ l-injam miġjuba fuq waħda mill-karrakki ta’ Rodi. Wettinger joħloq rabta bejn il-knisja ta’ San Ġwann t’Għuxa u l-familja ta’ Johannes de Osa , fejn iqisha bħala l-kappella tal-familja de Osa. Din il-familja għexet f’Malta matul it-tieni nofs tas-Seklu 14. Storikament nafu li l-ewwel kappella ta’ San Ġwann t’Għuxa kienet iktar ‘l hinn minn fejn tinsab il-lum – kienet mibnija fl-1373 u kienet iġġib l-arma tal Isqof Anonio Vulpano li fid-data msemmija kien Isqfof ta’ Malta.
Għall-ewwel kienet tagħmel mal-parroċċa ta’ Bir Miftuħ imma mbagħad mill-1592, meta Ħal Tarxien sar paroċċa, saret tagħmel miegħu. Din twaqqgħet biex inbnew is-swar u flokha nbniet oħra ġewwa s-swar fejn tinsab il-lum. Inbniet fl-1682 bi flus il-Pirjol Fra Pietro Viany. Ma’ din il-knisja kien hemm Palazz (magħruf mal-Bormliżi bħala l-palazzina) li parti minnu kienet is-sagristija u miegħu kellu ġnien.
Dan ġarrab ħsara ġmielha fl-aħħar gwerra u fl-1971 minflok irrestawrawh twitta għal kollox Distrett ieħor f’Bormla kien ta’ l-Għassieli misjub fl-att notarili tan-Nut. Canchur fil-5 ta’ Ottubru 1523. Aayn Duyeli jew aħjar Għajn Dwieli tissemma minn Wettinger f’paġna 182 – qala li Ġ.f. Abela jsemmi lill-baħar tagħha b’wieħed salmastru (kif kienet il-qala fil-Mandraġġ ta’ Bormla qabel ittieħed mill-Ingliżi biex inbena l-Baċir Nru.1). Għad li Dwieli tfisser siġar tal-għeneb, Wettinger ma jeskludix il-fatt li seta’ kien il-Wied ta’ Wali (isem Għarbi). Id-data li jagħti l-volum ta’ Wettinger hija tat-2 ta’ Frar 1649.
Ġnien Gwaltieri hija għalqa f’Bormla li fil-Malti tal-lum ninterpretawh bħala r-raba’ ta’ Walter. Lil din l-għalqa nsibuha mniżżla fl-att notarili tat-30 ta’ Ottubru 1518. in-Nutar kien C. Canchur. L-istess nutar fid-dokument tat-13 ta’ Settembru 1501, isemmi lill-għelieqi tal-Gżir jew talgisir. L-istess Nut. Canchur fil-5 ta’ Ġunju 1523 jikteb fuq l-istess għelieqi “talgisir. galcula in contrada bir mile” (p.176).
Żewġt għelieqi oħra msemmija f’Bormla huma tal-Maqta, hekk imniżżla min-Nutar Gerolamo Cumbo fil-15 ta’ Ottubru 1536.
Ħabel raba’ f’Bormla kien ta’ Twila, hekk imniżżel fid-dokument tan-Nutar de Guevara fis-7 ta’ Marzu 1542.
Ta’ Żinżilin kienet għalqa oħra f’Bormla (p.633) – tazinzili, clausura in contrada taburmula bid-data 12 ta’ Jannar 1535 (fil-Mużew Kattidrali ta’ l-Imdina).
Għalqa magħrufa bħala ta’ Triq Xolantar tissemma f’paġna 556. Hija mniżżla fl-att notarili tan-Nutar G.D. Pace fil-5 ta’ Awissu 1695 bħala għalqa li kienet tinsab ġewwa l-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera. Xolantar jew Xiruntar kien kunjom lokali fl-1483. Bħala prova nsemmu lil Enrico Xirintano fit-30 ta’ Novembru 1428.
Merħlet il-Mogħoż (p.374) huwa l-post fejn il-Birgu fejn fih is-suldati tal-għassa kienu joqgħod fiż-żmien li fih fl-1523 il-Birgu kien maqtugħ mill-bqija tal-madwar minħabba l-pesta. Dan jissemma fid-data 1 ta’ Ġunju 1523. Dan il-lok jerġa’ jissemma min-nutar Mario Briffa fil-31 ta’ Lulju 1621.
L-Imżiebel huwa post qrib il-Birgu; eżattament kien jinsab bejn il-Knisja ta’ Santa Margerita u tal-Għassieli. Fost id-dati li fihom jissemma dan il-post insibu l-eqdem waħda tat-13 ta’ Settembru 1372. (Wettinger p.408).
Barra l-Birgu, tissemma l-lokalita’ ta’ Qarraba bid-data 7 ta’ Ottubru 1523 (p.435).
Barra l-Birgu wkoll, eżattament bejn ħdejn tat-Torba u l-Imżiebel tissemma f’paġna 327 in-naħa ta’ Ħosen. In-Nutar Canchur isemmi dan il-post fit-13 ta’ Lulju 1524.
‘Il fuq sewwa semmiet l-Għolja ta’ Santa Margerita. Wettinger isemmiha f’paġna 512. Hija mfissra min-Nutar Canchur fil-11 ta’ Lulju 1503 bħala barra l-Birgu. Għolja oħra li ssemmiet ‘il fuq hija ta’ Kordin. F’paġna 603 Godfrey Wettinger isemmi x-Xagħra ta’ Għajn Rabib. Din kienet zona ddominata minn għajn imsemmija għal missier jew iben tar-rispett. Id-data miġjuba hija tal-15 ta’ April 1536 fil-waqt li n-nutar kien G. Buttigieg. Qrib Kordin jissemma wkoll Għar Ħanżira. Dan jissemma minn Ġ.F. Abela fl-1647.
Naħa partikulari li tinsab fuq fomm in-nies daqs kemm tinsab Fuq Santa Margerita hija Santa Liena. Nafu li l-bieb ta’ Santa Liena kellu mportanza enormi għas-swar interni tal-Kottonera. Il-fatt li ssemma għal Santa Liena jixhed il-fatt li dik iz-zona kienet magħrufa b’dak l-isem. B’danakollu, il-Kavallieri Balbi jsemmi lil din il-parti ta’ Bormla l-ewwel bħala Santarena imbagħad Santa Liena. Hawn min isostni li Santarena kien kavallier. Hi x’inhi, faċilment jista’ jkun li Santa Liena hija taħsira ta’ Santarena. Daqs ħamsin sena ilu, fuq ġewwa tal-bieb ta’ Santa Liena, kien hemm artal u mwaħħal fuqu pittura ta’ Santa Liena wieqfa bis-Salib ta’ Kristu.
Fid-djarju The Siege of Malta 1565 il-Kavallier Francesco Balbi di Correggio jagħtina s-sehem ta’ l-Għolja ta’ Santa Margerita, Fuq San Ġwann t’Għuxa kif ukoll l-Għolja ta’ Kordin. Ma ninsewx li dawn il-qagħdiet strateġiċi għal dawk iż-żminijiet, kienu f’idejn it-Torok u ntużaw kontra l-qagħdiet ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann fil-Birgu u fl-Isla.
Ħaġa ta’ min josserva f’għadd mill-inħawi msemmija hija marbuta man-nuqqas ta’ eżattezza fejn jinsabu l-inħawi mogħtija. Huwa minnu li għadd ieħor minn dawn l-inħawi jinftiehmu fejn kienu jinsabu. Biss dan in-nuqqas ma setax jingħeleb għall-fatt li n-nutara li niżżluhom fl-atti notarili tagħhom baqgħu ħafna drabi vagi wisq. Madanakollu, dan it-tagħrif flimkien ma’ ftit ta’ l-immaġinazzjoni, jgħin biex min jaqra jikkrea fi ħsiebu ċerti l-imgħoddi ta’ ċerti nħawi ta’ Bormla.