Kitba tar-Rev. Kan Joseph Bonello
Fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ, il-Madonna kellha post speċjali. Ma kien jgħejja qatt jirrakkomanda devozzjoni kbira lejha. Sa minn żgħożitu kellu mħabba enormi lejn il-Madonna, b’mod speċjali lejn “Il-Konċepiment Immakulat”. Ta’ spiss kien iħobb jitlob hekk: “Alla Missier, nirringrazzjawk għal kull ma Inti għamilt ma’ Marija, speċjalment fil-Konċezzjoni Immakulata tagħha”.
Kull meta kien jiġi Bormla, kważi dejjem kien jgħaddi fis-Santwarju Kospikwan biex jagħmel viżta lill-Madonna. Kien devot ħafna ta’ l-Immakulata tal-kwadru tal-kor, tant li ordna li fid-djar tal-M.U.S.E.U.M. għandu jkun espost fil-kappella ta’ kull Qasam dan il-kwadru tant sabiħ tal-Madonna. Ried ukoll li quddiem ix-xbieha ta’ dan il-kwadru f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. għandu fis-7, 17 u 27 ta’ kull xahar tas-sena tingħad it-talba tant sabiħa VESTIS HONORIS.
Il-Ħamrun u Bormla
Il-Ħamrun u Bormla huma żewġ postijiet ta’ tifkira qaddisa għall-M.U.S.E.U.M. u għal Dun Ġorġ. L-ewwel erba’ djar tal-M.U.S.E.U.M. kienu fil-Ħamrun, imma wara l-Ħamrun, l-ewwel dar uffiċjali tal-M.U.S.E.U.M. kienet f’Bormla; minbarra li dan il-Qasam hu tal-bidu nett, dan hu l-ewwel Qasam li jaf il-bidu tiegħu lil Ewġenju Borg, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M.
Ewġenju Borg kien ħaddiem fit-Tarzna, li wara li jispiċċa mix-xogħol fil-5.00p.m. kien imur f’xi klabb jew ħanut fejn kien ikun hemm ħafna rġiel u żgħażagħ: hekk daħal f’ħafna familjarita` man-nies ta’ Bormla, u nkoraġġit minn Dun Ġorġ iddeċieda li jiftaħ il-Qasam ta’ Bormla. Dan kien fi Frar ta’ l-1908.
L-ewwel Superjur tal-lokal kien Ġiġi Vidal. Jiena niftakru l-M.U.S.E.U.M. fi Triq Nelson fejn dam ħafna snin: mill-ewwel il-M.U.S.E.U.M. f’Bormla għamel progress sewwa, tant li ħafna soċji minn Bormla ġew inkoraġġiti biex jiftħu Oqsma oħra fin-Naxxar, iż-Żejtun, il-Kalkara, u oħrajn kienu jmorru jgħinu fit-tagħlim Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u postijiet oħra. Għall-ħabta ta’ l-1930 kien hemm f’Bormla 24 soċju. Fl-1939 meta jiena kont għadni mal-Magħżulin il-membri kienu 50.
Ta’ min jgħid ukoll li kif Ewġenju Borg ta bidu għall-M.U.S.E.U.M. f’Bormla, hekk ukoll kienet Ġannina Cutajar (l-ewwel Superjura Ġenerali tal-bniet) li fetħet l-ewwel dar f’Bormla. Inzerta li anke għall-bniet it-tieni Qasam hu dak ta’ Bormla. L-ewwel Superjura tal-lokal kienet Konċetta Borg. Għalhekk Dun Ġorġ kien jiġi kemm-il darba Bormla biex jara x’inhu jsir u biex jagħmel kuraġġ lil dawk il-membri ġodda Bormliżi.
Il-Kwadru Santwarju ta’ Bormla
L-idea ta’ dan il-kwadru devot ta’ Marija Immakulata, kienet tar-Rev.du Kan. Ludoviku Mifsud Tommasi, Teologu magħruf, poeta Malti mill-aqwa, u Bormliż devot kbir tal-Madonna. Il-pittur Pietru Pawl Caruana rnexxielu joħloq mill-kapolavuri l-aktar artistiċi li l-Arti Maltija qatt setgħet tipproduċi f’dawk li huma suġġetti reliġjużi.
Il-pittur Caruana, f’dan il-kwadru devot, ġabar b’suċċess kbir – dejjem fuq is-suġġerimenti tas-saċerdot Mifsud Tommasi – il-privileġġi kollha tal-Madonna skond it-tagħlim tad-duttrina Kattolika. Bir-raġun għalhekk li din il-pittura jistħoqqilha tabilħaqq it-titlu ta’ Pittura Teoloġika tal-Madonna.
Dun Ġorġ kien devotissimu ta’ dan il-kwadru santwarju: tant li meta kien jiġi Bormla kważi dejjem kien jgħaddi fil-knisja parrokkjali u wara li jinviżta lil Ġesu` Sagramentat kien jidħol fil-kor biex isellem lil Marija quddiem ix-xbieha sabiħa tagħha li hemm wara l-artal maġġur: kien idum żmien twil jitlob b’devozzjoni kbira, u meta kien imur fil-Qasam tal-M.U.S.E.U.M., lis-soċji kien jgħidilhom kemm huwa devot u mirakoluż dan il-kwadru ta’ l-Immakulata.
Dun Ġorġ kien ħabib ħafna tal-Kanonku Bugelli, saċerdot Bormliż ta’ l-affari tiegħu. Darba fost l-oħrajn waqt li kien fil-knisja ta’ Bormla jinviżta lill-Madonna, resaq lejh dan il-Kanonku Bugelli, li Dun Ġorġ tant kien iħobb u bdew jitgħannqu mimlija bl-imħabba t’Alla u tal-Verġni Marija u Dun Ġorġ stqarr miegħu kemm huwa devot dan il-kwadru. Qallu lill-Kanonku Bugelli: “Qatt ma nixba’ nitlob quddiemu”. Bir-raġun li Dun Ġorġ ordna li xbieha ta’ dan il-kwadru għandha tkun esposta f’kull dar tal-M.U.S.E.U.M. fil-kappella f’post prominenti.
Il-Vestis Honoris
Għal dawk li qatt ma kienu fis-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M., il-kelmiet Vestis Honoris ma jfissru xejn. Għall-kuntrarju, dawk li xi darba messew mas-Soċjeta` ta’ Dun Ġorġ jafu kif dan il-kant sabiħ ta’ Vestis Honoris jitkanta b’devozzjoni kbira kull 7, 17 u 27 tax-xahar tas-sena.
Dan il-kant ta’ Vestis Honoris (Libsa ta’ Ġieħ) huwa speċi ta’ litanija lill-Madonna, li fiha Dun Ġorġ jinseġ tifħir lill-Immakulata. Dun Ġorġ sawwar kuruna ta’ tifħir lil Marija billi sejħilha Domina (Sinjura, Sidt) tal-ħlejjaq kollha.
Kif ġietu l-idea Dun Ġorġ biex niseġ dan il-kant sabiħ ta’ din il-litanija ġdida? Dun Ġorġ ikkompona l-Vestis Honoris qrib is-sena 1924 u l-idea għal din il-litanija ġietu waqt li kien jinviżta l-kwadru tal-kor ta’ Bormla. Jingħad li darba osservawh li dam iħares għal żmien twil lejn ix-xbieha nkurunata u meta xi soċji sabuh u qalulu li kulħadd kien qed jistennih biex jibda l-laqgħa, weġibhom li waqt li kien iħares u jitlob quddiem il-kwadru ġietu l-idea biex jikteb din il-litanija tant sabiħa, biex jgħallimha lis-soċji tiegħu ħalli jkantawha quddiem xbieha bħal dik tal-Madonna. Difatti f’kull Qasam tal-M.U.S.E.U.M. għandek issib kwadru mdaqqas ta’ Marija Immakulata kif pittirha l-magħruf artist Pietru Pawl Caruana.
Dan il-kantiku ta’ Vestis Honoris inizjalment immużikah Toussaint Briffa, Superjur tal-M.U.S.E.U.M. ta’ l-Isla imma wara reġa’ ġie mużikat u adattat għall-vuċijiet minn Maestro Fr. Albert Borg O.S.A., għall-akkademja li saret fl-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Dun Ġorġ.
Id-devozzjoni speċjali ta’ Dun Ġorġ lejn l-Immakulata tidher ċar f’din il-litanija ta’ Vestis Honoris li tispiċċa bil-kant ta’ Salve Filia Patris li s-soċji kull nhar ta’ Sibt ikantaw quddiem ix-xbieha ta’ Marija.
Riferenzi:
- Dun Ġorġ 1880 – 1966
- Dun Ġorġ Preca Vol. I, Alexander Bonnici
- Disgħin Sena ta’ Ħidma Museumina f’Bormla, Jos. Grima
- Il-Madonna tal-Kunċizzjoni u Dun Ġorġ, Ġanni Saliba
- Il-Vestis Honoris u Dun Ġorġ, John Formosa