Kitba ta’ Carmel Galea Scannura
Il-Fratellanza tal-Kurċifiss bdiet torganizza l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Tissemma’ għall-ewwel darba meta Mro. Gerolamo Ciumi nħatar Rettur, imma sal-1694 l-ispejjeż meħtieġa kienu hekk kbar li ma tantx kont issib min kien lest jieħu fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ din il-kariga.
Dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Purċissjoni ta’ Kristu Mejjet.
Fiha kienu jieħdu sehem il-fratelli flimkien ma’ tfal b’lanterni u torċi fidejhom, li kienu jimxu wara standard iswed.
Il-purċissjoni kienet dejjem issir fil-għaxija, ġieli fit-tard, u dejjem nhar il-Ġimgħa l-Kbira. L-ewwel darba li jissemmew il-vari huwa f’rapport finanzjarju ppreżentat fl-1699. Sa l-1702 kienu għadhom isiru l-ispejjeż biex jitlestew minn kollox. Dik il-ħabta sar ix-xogħol kollu meħtieġ bil-ħidma ta’ Giovanni Mamo, Argużin, li aktar tard inħatar Rettur.
Inventarju ta’ nofs is-seklu tmintax jindika lista tradizzjonali ta’ tmien vari li maż-żmien inbidlu fis-seklu dsatax. Sal-1738, it-triq tal-purċissjoni kienet tieħu lejn il-knisja żgħira ta’ San Pawl. Imbagħad tgħaddi lejn it-triq li tagħti għall-Isla, u wara li taqsam minn fuq pont lejn il-knisja ta’ Santa Tereża, kienet tkompli lura mit-Triq tax-Xatt lejn il-Parroċċa.
Minħabba l-bini tal-fortifikazzjonijiet u l-bini li kompla tiela’ ġewwa Bormla, il-Fratellanza bidlet id-dawra tal-purċissjoni li issa bdiet tgħaddi minn Triq l-Oratorju, lejn in-naħa tal-knisja ta’ Santa Margerita minn Strada San Giorgio, Santa Tereża u lura lejn il-Knisja Parrokkjali. Fl-1982 saret bidla oħra: il-purċissjoni bdiet tinżel mill-Parroċċa lejn Pjazza Paolino Vassallo, tgħaddi minn Triq Santa Tereża u minn hemm tibqa’ għaddejja lejn il-Knisja Parrokkjali mit-toroq tas-soltu.
Id-Daqqaq Tal-Flawt
U Tat-Tanbur
Sa għadd ta’ snin wara l-gwerra, quddiem il-purċissjoni, kien ikun hemm id-daqqaq tal-fifra u miegħu tifel idoqq it-tanbur. Nafu li dari d-daqq tal-flawt u t-tnabar ġewwa Bormla kien isir ukoll quddiem purċissjonijiet oħra bħal dik tas-Salib Imqaddes li kienet issir fit-3 ta’ Mejju. Kienu jdoqqu melodiji kiebja bħallikieku biex iħabbru l-misteri kbar tal-Passjoni u l-mewt tal-Mulej. Nafu li f’Malta, sa miż-żminijiet tan-nofs, Uffiċjali Pubbliċi li kienu jaqraw il-bandi, jew avviżi uffiċjali f’diversi bliet u rħula, kien ikollhom quddiemhom lil tal-flawt, tnabar u wkoll trombi.
Id-Daħla F’Ġerusalemm
L-aħħar episodji tal-ħajja ta’ Ġesu’ seħħew f’Ġerusalemm. Sitt ijiem qabel l-Għid tal-Lhud Ġesu’ mar Betanja għand Lażżru.
‘ll-għada, il-folol ta’ nies li kienu ġew
għall-festa, kif semgħu li Ġesu’ kien ġej
Ġerusalemm, ħadu l-friegħi tal-palm u
Ħarġu jilqgħuh. U bdew jgħajtu: “Hosanna!
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierek
is-sultan ta’ Iżrael!” Ġesu’ sab felu u rikeb
fuqu, kif hemm miktub. “Tibżax, bint Sijon!
Ara, ġej is-sultan tiegħek, riekeb fuq felu
ta’ ħmara.'”
Ġwanni 12, 12-15
Dan huwa l-ftuħ tar-rappreżentazzjoni drammatika tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’. Wieħed jinnota li minbarra l-fratelli tal-Kurċifiss u l-kleru, jieħdu sehem ukoll f’dan Il-pageant religjuż tfal b’ilbies tradizzjonali, kif ukoll kbar b’vestwarju li jirrappreżentaw persunaġġi storiċi u bibliċi. Din id-drawwa jingħad li daħħalha fir-Rabat, Malta, il-Baruni Giuseppe DePiro Gourgion. Ġewwa Bormla bdiet fl-1968 bil-figura biblika ta’ Xmun minn Ċireni jġorr is-salib flimkien maż-żewġ uliedu.
L-Istandard Tal-Fratellanza
Kurċifiss akkumpanjat minn żewġ lanterni.
Żewġt itfal libsin iż-żimarra jżommu platti b’simboli tal-misteri tal-passjoni – il-ħaruf u l-kalċi.
Il-Fratellanza kellha standard antik. Kien iswed u fuqu kellu rappreżentazzjoni ta’ Kristu Msallab. Din saret mill-arazzier Francesco Lamora u tħallset mill-Kaptan Giovanni Maurico fl-1752. Qamet 25 skud. Fl-1819 sar standard ġdid li ħallas għalih Ġużeppi Azzopardi, u fl-1856 Filippu Tabone ħareġ l-ispiża għall-kruċetta u l-lasta tar-ram indurati, li nħadmu f’Ruma.
Bandalora: Passio Domini Nostri Jesu Christi
Żewġt itfal bil-misteri – il-pellikan u l-ħuta.
Din il-bandalora tinġarr fil-bidu tal-purċissjoni bħallikieku biex tħabbar it-tema tar-rappreżentazzjoni religjuża tal-Ġimgħa Mqaddsa li nkunu se naraw. Din saret fl-1962 mis-Sinjura G. Minuti taħt id-direzzjoni tal- Kan. Ġużeppi Cassar.
Jimxu tnejn bil-lanterni u warajhom żewġt itfal bil-misteri – il-kalċi u l-għeneb, u fanal żgħir.