Rokku Buhagiar (1725 – 1805) Il-Pittur Li Jinsab Midfun Fil-Kunvent Ta’ Santa Tereża, Bormla

Kitba ta’ Mario Attard

Rokku Buhagiar huwa wieħed mill-pitturi ewlenin ta’ l-aħħar fażi ta’ l-era Barokka f’Malta. Ma jkun qiegħed jingħad xejn ħażin jekk insemmu lill-Franċiż Antoine de Favray, lil Rokku Buhagiar u lil Giuseppe Grech bħala tlieta mill-aqwa esponenti ta’ l-arti Barokka fil-fażi aħħarija tagħha f’Malta. Ma rridux ninsew li l-identita’ Barokka f’pajjiżna bażikament ġiet minn Ruma u minn Napli.


Ma niskanta xejn li awtomatikament mill-qarrejja jkun hemm min jistaqsi Barokk x’inhuwa? Din il-kelma “barrueco”, li tfisser perla raffa hija ta’ oriġini Portugiża u li daħlet fil-Malti mill-Franċiż. Hija mod ta’ espressjoni bl-arti (fil-każ tagħna bil-pittura) li oriġinat fis-Seklu Sbatax u baqgħet ħajja sas-Seklu Tmintax. L-oriġini tiegħu dan l-istil artistiku jafu lil Ruma tal-Papiet. Żviluppa bħala gost ta’ ornament jew moda. Imbagħad il-Barokk ħareġ mill-Italja u nfirex ma’ l-Ewropa u daħal fl-Amerika Latina. Nistgħu ngħidu li kull pajjiż addotta l-istil Barokk b’dik il-laqta tiegħu. F’Malta, bosta huma tal-fehma li l-Barokk għandu miegħu taħlita Rinaxximentali.

Il-Barokk bħala pittura tali beda biex ikun ta’ dekorazzjoni mal-ħitan jew mas-soqfa b’mod speċjali fil-palazzi u fil-knejjes. Mas-soqfa b’mod partikulari bdew jitpittru dehriet kbar u vasti, xeni mimlijin attivita’. B’dan il-mod, b’mod illusiv, tinħonoq l-eżistenza tas-saqaf ngħidu aħna, jew tal-ħajt. Din il-forma kienet eżistenti fir-Rinaxximent. B’danakollu l-Barokk fittex li jikkombina fatturi estetiċi…il-grandezza, l-aspett teatrali, il-moviment, rappreżentazzjoni ta’ l-inifinita’…
 
Fi kliem ieħor il-Barokk għaqqad flimkien diversi fatturi minn forom oħra ta’ l-arti li ġew qabel.
Fis-Sekli Sbatax u Tmintax seħħ f’Malta fil-forma ta’ minjatura l-istil Barokk fil-pittura u fl-arkitettura. Dan seta’ jkun possibli bis-saħħa tal-livell kulturali għoli li kellha t-tmexxija tal-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Barra minn hekk, it-tmien lingwi differenti li kien iħaddan l-Ordni kellhom rivalita’ bejniethom min minnhom kien kapaċi jkollu l-aqwa xogħol ta’ l-arti fil-palazzi u fil-knejjes tagħhom. Minn din ir-rivalita’ ddakkru l-knejjes Kattoliċi tal-gżejjer tagħna li ‘l quddiem huma wkoll kienu jikkompetu f’dik li hija arti mal-Kavallieri.


Dan il-perjodu Barokk seħħ f’żewġ fażijiet, u nibdew bl-arkitettura fejn l-ewwel fażi jista’ jingħad li kienet iddominata fost l-oħrajn minn Francesco Buonamici (1596-1677) li permezz tax-xogħol tiegħu fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt li kienu esponuti għall-ewwel darba f’Malta l-ewwel sinjali espressivi tal-Barokk, Melchiore Gafa’ (1635-1667) li studja f’Ruma u li kien l-uniku artista Malti li seta’ jħabbatha ma’ skulturi oħra barranin ta’ żmienu, Ercole Ferrata (1610-1686) u Giuseppe Mazuoli (1697-1720) (skultur minn Siena li kien inġieb f’artna biex ikompli x-xogħol mhux komplut fuq ix-xogħol fl-irħam tat-Tgħammid ta’ Kristu, wara li Melchiore Gafa’ kien waqa’ minn fuq l-armar waqt dan ix-xogħol u miet fl-1667). Mentri fil-qasam tal-pittura Barokka fl-ewwel fażi tagħha nsibu primarjament lin-Naplitan Mattia Preti (1613-1699) li stabbilixxa ruħu fil-Belt Valletta fl-1661. Fil-fatt il-Barokk fil-pittura nġieb f’Malta minn Preti nnifsu. Stefano Erardi (1630-1716) segwaċi tal-Preti u huwa meqjus bħala l-uniku pittur tas-Seklu Sbatax li seta’ joffri sfida lill-istess Mattia Preti, Michelangelo Merisi da Caravaggio (1573-1610), Giuseppe d’Arena (c.1633-1719), Guido Reni (1575-1642), Stefano Erardi (1630-1716), Lionello Spada (1576-1622), Jusepe Ribera (1589-1652) u Andrea Sacchi (1599-1661), b’dan ta’ l-aħħar miżmum bħala l-aqwa esponent tal-Barokk Ruman f’Malta.

Iż-Żebbuġi Gian Nicola Buhagiar (1670-1745) jista’ jitqies bħala figura ewlenija u rappreżentattiva tal-fażi aħħarija tal-Barokk f’artna f’dik li hija pittura. Buhagiar studja f’Ruma. Student ta’ Buhagiar li wera kapaċitajiet ħafna iktar minn min għallmu kien is-Senglean Francesco Vincenzo Zahra (1770-1773) – magħruf iżjed bħala Francesco Zahra – anki jekk jidher li ma studjax barra xtutna. Fil-knisja tal-Kunvent tal-Klawsura fuq Santa Margerita, Bormla, Zahra pitter ix-xogħol ewlieni li jinsab fuq l-artal maġġur bil-Madonna tal-Karmelu, b’San Ġwann tas-Salib iħares attent  fil-preżenza ta’ Santa Tereża, fil-waqt li Santa Margerita (patruna tat-twellid) tinsab sigura fid-dell tal-Madonna tal-Karmnu. Dan il-kwadru huwa miżmum b’wieħed mill-kapolavuri ta’ l-arti Maltija. Pietro Paolo Troisi (c.1700-1750) kien esponent ieħor abbli li studja f’Ruma. Andrea Belli (1703-1772) huwa esponent ieħor ta’ l-aħħar fażi tal-Barokk f’Malta. Belli kien kontemporanju ta’ Zahra, iżda ħiltu ftit kienet tikkompara ma’ ta’ Zahra.  Jingħad li fejn kienet tidħol il-ħila, l-invenzjoni u l-ħass, Zahra kien jgħaddi anki lill-imgħallem tiegħu Gian Nicola Buhagiar.


Hawnhekk niġu għall-aħħar snin ta’ l-arti Barokka f’Malta, u proprju esponent partikulari minn dawk li jimmarkaw dan il-perjodu aħħari huwa s-suġġett ewlieni ta’ din il-kitba…Rokku Buhagiar.
Nistgħu ngħidu li l-fażi aħħarija tal-pittura Barokka huwa mmarkat fost l-oħrajn mill-aħħar snin ta’ Francesco Vincenzo Zahra, bir-ritorn tal-Franċiż Antoine de Favray (1706-1798) li kien ħabib tal-qalb ta’ Zahra u li kien il-pittur l-aktar popolari mal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta, Enrico Regnaud (1692-1764), l-aljiev tiegħu Rokku Buhagiar (c.1725-1805) – Cfr. The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900 ta’ Mario Buhagiar, paġna 155, referenza Nru.49 – li jingħad li studja f’Ruma u li wara l-mewt ta’ Zahra stabilixxa ruħu bħala esponent ta’ l-arti sagra u  Giuseppe Grech (1755-1787) li tgħallem taħt Rokku Buhagiar (Ibidem, p.151), u li mal-mewta traġika tiegħu fl-għomor ta’ 32 sena f’Ruma fejn jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-parroċċa ta’ San Lawrenz (Ruma stess), għalaq il-perjodu Barokk fil-gżejjer Maltin. Irridu ngħidu li dan l-aħħar perjodu ma pproduċiex wisq pitturi tajbin.

Hawnhekk nixtieq nosserva żewġ affarijiet. G. Calleja f’ L’Arte, ħarġa tas-7 ta’ Settembru 1865 jikteb li Rokku Buhagiar kien aljiev ta’ Arrigo Arnau u mhux Enrico Regnaud. L-istess jagħmel Robert Mifsud Bonnici f’ Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali f’paġna 64. It-tieni ħaġa tirrigwarda lil Giuseppe Grech. Dr. N. Zammit f’ L’Arte tat-22 ta’ Novembru 1865 ma jsemmix direttament li Grech kien aljiev ta’ Rokku Buhagiar; minflok jikteb li tgħallem taħt diversi surmastrijiet. Barra minn hekk, qabel ma ntbagħat jistudja Ruma kien taħt idejn Antoine de Favray.


Il-mewt ta’ Francesco Zahra fid-19 ta’ Awissu 1773, ħalliet vojt artistiku li mbagħad imtela speċifikament minn Rokku Buhagiar u l-Franċiż Antoine de Favray.


Nistgħu ngħidu li kull perjodu ppreżenta ta’ l-inqas żewġ pitturi f’rivalita’ artistika. Li kieku Pasquale Buhagiar (missier Gian Nicola) għex iktar mill-45 sena li kellu, kien ikollu b’rivali lil Alessio Erardi (ċ1671-1727), iben Stefano. Minflok Alessio (li fil-parroċċa ta’ Bormla pitter lill-Madonna ma’ San Ġwann u l-Erwieħ) kellu b’rivali lil Gian Nicola Buhagiar. Gian Nicola mbagħad ra lill-ħila ta’ Francesco Zahra tegħilbu. Fil-każ ta’ Rokku Buhagiar, ngħidu li kien hemm żmien meta flimkien mal-pittur Għawdxi Michele Busuttil (1758-c.1828) kienu jieħdu l-kummissjonijiet għal xogħol ta’ pittura. Busuttil ukoll studja f’Ruma, fl-Accademia di San Luca  taħt il-pittur Mariani Rossi. Fl-għoxrin sena bejn l-1770-90 tista’ tgħid li Rokku Buhagiar ħadem bla rivali. Imbagħad tfaċċa Giuseppe Grech (li kif nafu tħarreġ taħt l-istess Rokku Buhagiar) li bbrilla f’Ruma. Grech iżda, li miet tnax-il sena qabel Rokku Buhagiar, ħadem ftit wisq f’Malta. Minflok, tneħħi l-ftit li hawn lokalment, il-parti l-kbira tal-pitturi tiegħu jinsabu fl-Italja, partikolarment f’Ruma.


Lill-ħidma artistika ta’ Rokku Buhagiar naqsmuha fi tnejn. L-ewwel perjodu jirrappreżenta lill-maturita’ bikrija tiegħu. F’dan iż-żmien Buhagiar jidher ikun influwenzat iżżejjed mill-istili artistiċi ta’ nofs is-Seklu Tmintax. Pitturi li ħallew influwenza fuq Rokku Buhagiar u li dan ta’ l-aħħar applika f’ħidmietu estratti artistiċi tagħhom kienu Gian Nicola Buhagiar, Francesco Zahra u Enrico Regnaud, Guido Reni u Carlo Maratta (1625-1713).

Jekk ikollna niżnuh lil Rokku Buhagiar ma’ Francesco Zahra, insibu lill-vivaċita’ li rriżultat mid-daqqiet tal-pinzell ta’ Zahra tinbidel fi lwien li jeżerċitaw il-kalma f’Rokku Buhagiar. Barra minn hekk, il-ħila ta’ l-invenzjoni f’Buhagiar kienet limtata mhux ħażin b’tali mod li nsibuh ikun ripetittiv l-aktar meta jiġi biex jagħti interpretazzjoni artistika fuq l-istess tema. Il-kwadri ta’ l-Assunta li Rokku Buhagiar pitter f’Santa Marija ta’ Ħaż-Żebbuġ, fl-Oratorju San Ġużepp f’Bormla u f’Santa Marija tar-Rokna f’Ħal Tarxien jirrenduh ripetittiv. 


It-tieni perjodu tal-ħajja pittorika ra fih lil Rokku Buhagiar jilħaq il-maturita’, liema akkwist wasslu sabiex jibni gradwalment l-identita’ tiegħu bħala pittur. Kien f’dan il-perjodu li l-aktar ipproduċa x-xogħlijiet l-iżjed magħrufa tiegħu. Hawnhekk insibuh jilħaq il-kwalitajiet artistiċi li jinterpretaw dawk li studjaw fl-iskola Rumana ta’ l-arti. L-użu ta’ l-ilwien ċari u l-għarfien tajjeb ta’ l-użu tal-kuluri għenuh jinterpreta l-espressjonijiet tiegħu u fl-istess ħin għenuh ukoll jikseb dik l-identita’ li kien għad jonqsu.

Dwar il-ħajja ta’ Rokku Buhagiar ftit li xejn nafu. Jingħad li twieled f’Bormla fejn il-jum u x-xahar m’humiex magħrufa. Lanqas is-sena li twieled fiha, biss, huwa magħruf li twieled madwar is-sena 1725. Sa mill-ewwel snin ta’ żgħożitu wera inklinazzjoni bis-serjeta’ għall-pittura. Rokku rċieva l-attenzjoni meħtieġa mill-ġenituri tiegħu, u wara li ngħata edukazzjoni skolastika xierqa, kien afdat f’idejn għalliem tal-pittura. Kemm il-ħajra kif ukoll il-progress ma naqsux fih. Kien għalhekk li beda jattendi fil-bottega tal-pittur Enrico Regnaud, li f’dawk iż-żminijiet kien fost l-aktar pitturi rinomati fil-gżejjer Maltin. Taħt dan l-għalliem Rokku Buhagiar kompla miexi ‘l quddiem ġmielu hekk li rnexxa fil-prinċipji u t-teknika tad-disinn. Dan l-għalliem irnexxilu jgħin lil Rokku Buhagiar jibni bażi tajba biżżejjed ħalli ‘l quddiem ikollu l-ħila jibni stil partikulari tiegħu megħjun mis-saħħa ta’ għarfien tajjeb tal-qawwa tal-kuluri – xi ħaġa li nafu li Buhagiar laħaqha iktar ma mmatura. Biss, dak li tgħallem kellu l-limitazzjonijiet tiegħu. Mhux hekk nistgħu ngħidu għall-għira artistika li kompliet tissaħħaħ fiż-żagħżugħ Bormliż u li nibbtet fih ix-xewqa li jkompli jżid iktar il-livell tat-tagħlim pittoriku tiegħu. Dak iż-żmien Ruma kienet is-soluzzjoni għax-xewqa ta’ Rokku. Kellu madwar 30 sena meta telaq lejn Ruma. Mar mimli ħeġġa mimlija mill-inkoraġġiment u l-assikurazzjoni li għamlulu sħabu li f’Ruma kien se jikseb l-immortalita’ artistika tiegħu.

Qatta’ diversi snin f’Ruma u ġie lura Malta fl-1763. waqt li kien l-Italja, inġibed mill-ħila ta’ Giacomo Zoboli u finalment sar aljiev fil-bottega ta’ Zoboli fejn dam għal xi snin. Wara li laħaq il-mira tiegħu, Rokku Buhagiar twebbel li jsegwi l-passi tal-pittur Guido Reni. F’dan il-qasam irnexxa wkoll tant, li ma kinetx ħaġa faċli li tagħraf pittura ta’ Buhagiar minn ta’ Reni.  Kollox ma’ kollox,  l-arti Rumana biż-żmien ħalliet influwenza f’xogħlijietu u kienet essenzjali biex akkwista dak l-għarfien u dik l-identita’ li kien jeħtieġ.


Rokku, flimkien ma’ ħuh, kien telaq minn Bormla u mar joqgħod fil-Belt Valletta. Ma naqasx li huwa wkoll ikollu l-ħanut tax-xogħol tiegħu (jew il-bottega) fil-Belt stess. Fiha kien iħarreġ diversi artisti ġodda bil-għan li jispikkaw xi wħud minnhom (kif kien għamel Giuseppe Grech, ħaġa li diġa’ ssemmiet ‘il fuq). Għajnejn il-Gran Mastru u l-Kavallieri kienu jkunu bħal seqer fuq dawn il-bottegi u l-aljevi tagħhom biex jisfruttaw minnhom l-aħjar pittur prospettivi.


Iż-żmien li għex fih Rokku Buhagiar kien politikament inċert, bl-Ordni ta’ San Ġwann jinsab għaddej minn qalbiet influwenzati l-aktar mill-qalbiet politiċi li kienet għaddejja minnhom l-Ewropa. Fil-fatt, Buhagiar ra l-bidliet l-aktar importanti li sawru lil Malta tal-lum: ‘it-tkeċċija’ tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Malta u d-dħul tal-Franċiżi fl-1798, it-tkeċċija tal-Franċiżi fl-1800 u peress li miet fl-1805 ra l-aċċettazzjoni tat-tmexxija kolonjali Ingliża mill-Maltin.


Mil-lat pożittiv iżda, Buhagiar gawda minn dak li ma laħqux l-artisti ta’ qablu. Qiegħed nikteb hekk għaliex l-artisti ta’ l-aħħar tas-Seklu Tmintax sabu perjodu inqas fertili. Dan ġara peress li l-parroċċi tista’ tgħid kienu fornuti biżżejjed bil-kwadri mportanti li kienu jeħtieġu. Fattur ieħor kien li knejjes ġodda qajla kienu għadhom jinbnew. L-unika possibilita’ kienet tkun in-neċċessita’ – kull meta kien jinħass il-bżonn tagħha – li pittura qadima tkun maqlugħa minn oħra ġdida.

Meta kien qorob lejn it-tmenin sena, maħkum mill-għeja li radditlu l-karriera artistika tiegħu li kienet mimlija daqs bajda, kif ukoll l-għomor li kellu kien qiegħed jagħfas fuqu, Rokku Buhagiar irtira flimkien ma’ ħuh fil-Kunvent tal-patrijiet Tereżjani f’Bormla. Hemmhekk qatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajtu fit-trankwillita’ – għalkemm ftit jew wisq diżilluż peress li kien waqa’ fil-faqar, sa l-anqas kellu biex jindifen, ħaġa li ħadu ħsiebha l-istess patrijiet Tereżjani tal-kunvent ta’ Bormla.       Miet fl-istess kunvent fl-10 ta’ Lulju 1805. fejn jinsab midfun fil-qabar tal-fratelli.

 Rokku Buhagiar kien bniedem integru, urban u ta’ natural kordjali ħafna…imma fuq kollox kellu qima kbira lejn il-fidi Nisranija. Ħajtu ddedikaha lill-professjoni artistika tiegħu. Dan il-fatt ġagħlu jgħix ħajja irtirata ħafna.


L-ewwel xogħol importanti mogħti lil Rokku Buhagiar kien fl-1760, meta l-pittur kien jinsab fit-tletinijiet ta’ ħajtu. Sa issa, ftit li xejn jeżistu kwadri li jistgħu jkunu attribwiti lilu qabel dik is-sena. B’kuntrast ma’ dan, l-ewwel dokument fid-deher li jippreżenta lil Rokku Buhagiar bħala pittur (anki jekk mhux mal-ħitan tal-knisja), jġib id-data tal-1752 meta tħallas 300 skud għall-pittura tal-Baldakkin għall-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi. Hija ħasra iżda li dan il-baldakkin il-lum jinsab mitluf.


Element ieħor li jiġi qabel id-data 1760 huwa marbut mal-kwadru tal-Madonna tal-Porto Salvo, li tinsab fil-knisja ta’ Santunuzzu, fil-Ħamrun. Fuq wara ta’ din il-pittura hemm id-data 1746. Madanakollu kulma nistgħu ngħidu f’dan il-każ huwa li jeżistu ċerti kritiċi ta’ l-arti li jattribwixxu  lil din il-pittura lil Rokku Buhagiar. Xejn ma jista’ jingħad fiż-żgur, iżda dak li jattribwiha lil Buhagiar huma sensiela ta’ xejriet stilistiċi li applika fil-kwadri tiegħu li jappartjenu lill-ewwel fażi tal-ħidma artistika tiegħu.


Fiċ-ċert madanakollu hija l-ħidma artistika li saret fl-1767 ġewwa x-Xagħra Għawdex. Lir-riżultat li ħareġ minnha, jidher kif Rokku Buhagiar beda jikseb l-għarfien, fil-waqt li Francesco Zahra, beda riesaq lejn it-tmiem tal-karriera tiegħu (kif ukoll ta’ ħajtu).


Fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra, insibu lil Rokku Buhagiar ipitter lill-Madonna tar-Rużarju fl-1767. Sentejn wara, fl-1769, Francesco Zahra pitter fl-istess knisja lill-Madonna tal-Karmnu u sena wara pitter ukoll lill-Madonna tad-Dawl. Hawnhekk sar taqbil bejn il-ħiliet fid-daqqiet tal-pinzell bejn iż-żewġ pitturi Maltin. Prova ta’ kemm ix-xogħol ta’ Buhagiar intlaqa’ tajjeb, tniżżel f’inventarju tal-parroċċa tax-Xagħra li l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju kien xogħol mill-isbaħ. B’riħet dan u b’kuntrast mal-ħila diġa’ stabbilitia’ ta’ Zahra, l-istess parroċċa kkummissjonat il-ħidma pittorika ta’ l-artal tal-kappellun lil Rokku Buhagiar meta setgħet tatu lil Zahra.


Prova oħra ta’ ħilet Rokku Buhagiar reġgħet ħarġet meta fl-istess perjodu, il-Parroċċa ta’ Bormla tatu x-xogħol tat-tpinġija tal-kwadru ta’ San Mark Evanġelista għal wieħed mill-kappelluni tagħha. Il-qawwa viżiva u s-sens qawwi ta’ l-espressjoni kkonvinċa bla kliem lill-Kapitlu Bormliż, li min-naħa tiegħu, b’sinjal ta’ ħajr u għarfien ikkommissjonah għall-erba’ laterali tal-kappelluni li jirrappreżentaw lil Santa Katarina quddiem Maxentius, Il-Martirju ta’ Santa Katarina, il-Lunzjata (li Keith Sciberras jikteb f’L-Arti Barokka f’Malta, p.146, li l-pittur jagħmel referenzi ċari għall-istil ta’ Guido Reni) u San Ġużepp. Dawn il-pitturi jmorru lura għas-sena 1770. Irrid ingħid dwar il-kwadru ta’ San Mark, li din il-pittura mhux biss ikkonvinċiet lill-Kapitlu Bormliż dwar il-ħila artistika ta’ Rokku Buhagiar, imma l-kritiċi ta’ l-arti jqisu lil din l-opra bħala waħda mill-aħjar li qatt pinġa l-istess Buhagiar.


Lil Rokku Buhagiar insibuh ipitter lill-Madonna tar-Rużarju din id-darba fil-parroċċa tas-Siggiewi. Meta jitqabblu b’mod kritiku, Buhagiar jinħass aktar tekniku fil-kwadru tas-Siggiewi fil-waqt li f’dak tax-Xagħra l-pittur joħroġ dik il-freskezza bikrija tiegħu. Fuq l-istess binarji nsemmu lill-kwadru tal-Kunċizzjoni flimkien ma’ Sant’Andrija u San Nikola fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq, bl-attenzjoni tintefa’ fuq San Nikola.

Fl-ewwel nofs tas-snin 1770s, Rokku Buhagiar pitter tliet kwadri titulari tal-knejjes żgħar: fl-1771 ta’ Santa Marija tar-Rokna, f’Ħal Tarxien, fejn l-Assunzjoni ta’ Marija f’Ħal Tarxien insibu lill-Madonna flimkien mal-kerubini (jew l-anġli) tielgħa s-Sema permezz ta’ sħaba li tispikka bid-dawl li qiegħda tarmi; fl-1775  ta’ Santa Marija, Ħal Muxi f’Ħaż-Żebbuġ u fl-1776 tal-Madonna tal-Bon Kunsill fil-knisja magħrufa bħala ta’ San Bert f’Ħal Tarxien.


Lil Rokku Buhagiar insibuh f’ ‘konfront’ analoġiku ma’ Filippo Vincenzo Pace fil-Parroċċa ta’ San Publiju fil-Furjana. Sejjaħtlu analoġiku lil dan il-‘konfront’ għaliex qabbiltu ma’ dak li ktibt iżjed ‘il fuq, Rokku Buhagiar u Francesco Zahra tqiegħdu fil-kefef separati tal-miżien tal-kritika artistika wara li t-tnejn pittru fil-parroċċa tax-Xagħra, Għawdex. Din id-darba, r-rivalita’ pittorika ma qabditx l-għeruq peress li Filippo V. Pace ma baqax interessat fl-arti sagra. Ma rridux ninsew li Flippo Vincenzo flimkien ma’ ħuh Giuseppe Pace kienu tħarrġu taħt Antoine de Fravray. Kienet is-sena 1773 meta F.V. Pace pitter il-kwadru titulari tal-parroċċa tal-Furjana.  Fl-istess parroċċa Rokku Buhagiar pitter il-kwadri ta’ Sant’Antnin u San Pawl.


Fis-snin 1880s Rokku Buhagiar pitter il-kwadru tal-Konverżjoni ta’ San Pawl fi knisja żgħira oħra din id-darba ta’ San Pawl f’Bormla. F’dan il-kwadru San Pawl jinsab ippreżentat fil-waqt tal-konverżjoni tiegħu, fejn jinsab mixħut ma’ l-art imdawwar minn sħabu waqt li kienu jinsabu fi triqithom lejn Damasku. Fil-parti ta’ fuq tal-kwadru jidher Alla. Ta’ min iqisu kurjuż kif ukoll interessanti l-fatt li l-kwadru titulari ta’ din il-knisja kien ikkummissjonat sabiex jitqiegħed minflok ta’ qablu li kien impitter minn Francesco Zahra – kwadru li qabel kien miżmum fis-Sagristija imma llum jinsab mitluf. Irridu ngħidu hawn li Francesco Zahra fl-1759 kien pitter il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara fl-istess knisja ta’ San Pawl, f’Bormla.


Fl-istess snin tat-tmeninijiet insibu lil Rokku Buhagiar ipitter lill-Madonna ta’ l-Anġli fil-Mużew tal-parroċċa tal-Birgu u lil San Ġwakkin fil-knisja tal-Kappuċċini fir-Rabat ta’ Għawdex. Fl-1783 Buhagiar pitter mill-ġdid lil San Ġwakkin imma din id-darba fil-kwadru tal-Kunċizzjoni flimkien ma’ Sant’Anna u San Ġwakkin fil-parroċċa ta’ Ħal Balzan.


Fl-1875 Buhagiar reġa’ pitter lill-Madonna ta’ l-Anġli, din id-darba fil-knisja ddedikata lill-istess Madonna f’Ħaż-Żebbuġ. Fl-istess sena pitter iż-żewġ laterali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja tat-Tereżjani f’Bormla.

F’Ħaż-Żebbuġ Rokku Buhagiar pitter il-Verġni Marija tal-Konsolazzjoni jew kif inhija magħrufa Il-Madonna taċ-Ċintura. Dan ix-xogħol artistiku huwa meqjus bħala wieħed ambizzjuż ħafna fil-waqt li huwa folt f’dawk li huma persunaġġi. Marija Verġni flimkien ma’ binha Ġesu’ tarbija  jinsabu mdawrin minn disa’ qaddisin. Kull wieħed minnhom iġib l-emblema tiegħu. id-dehra ta’ Santa Barbarba għar-rkobbtejha, jikteb Mario Buhagiar f’The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900, paġna 156, hija influwenza mill-pittur Taljan Agostino Masucci (1691-1758). Ta’ min iżid li pittura tal-Masucci, San Karlu Borromeo, li postha jinsab fil-Kappella tar-Relikwiji, jew preċiżament fil-Kappella tal-Lingwa Anlo-Bavarjana, f’San Ġwann, kienet għall-wiri fil-Mużew ta’ l-Arti l-Belt Valletta f’April 2004 wara li kienet restawrata.


L-element ta’ kwadri ex-voto (jiġifieri kwadri mpinġija bħala radd ta’ ħajr għal xi grazzja maqlugħa) joħroġ b’eżempju mill-kwadru kbir tal-Madonna ta’ l-Isperanza (1754) li jinsab fil-kappella ta’ l-Isperanza, f’Wied il-Għasel, il-Mosta. F’dan il-kwadru mill-iktar bikri ta’ Rokku Buhagiar, insibu lill-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha tassisiti ġifen ta’ l-Ordni jissielet mal-mewġ f’maltempata mill-ikreh (espressa mis-sħab iswed). Minn ħdejn saqajn il-Madonna jinsab ħiereġ ċipp ta’ ankra. L-ankra għall-ewwel insara kienet simbolu tat-tama (jew ta’ l-isperanza).


Kwadru ieħor li nistgħu nsejħulu ex-voto wkoll, ma jġib l-ebda ikona qaddisa, jirrappreżenta dgħajsa tal-latini maqbuda f’maltempata. (ara Referenza 99 ta’ Il-Kwadri Ex-Voto Marittimi Maltin, Joseph Muscat. L-indikazzjoni ta’ din ir-referenza tinsab f’paġna 199 ta’ l-istess ktieb).


Kwadru ieħor li Rokku Buhagiar pitter kien tal-Madonna tal-Kunċizzjoni fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, eżattament fuq wieħed mill-artali tal-ġnub.


Il-ħidma kontinwa u fl-istess ħin fejjieda ta’ Rokku Buhagiar li maż-żmien għamlitu kompetittiv wasslet mhux biss biex ikun ikkumissjonat mill-Kapitli ta’ bosta parroċċi f’Malta u f’Għawdex, imma wkoll mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Kavallieri tal-Lingwa ta’ Kastilja kienu qabbdu lil Rokku Buhagiar bejn is-snin 1770-1790 sabiex imexxi x-xogħlijiet li kienu saru fil-Knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta, u li kienet taqa’ taħthom.

Servewni Ta’ Għajnuna:

Sammut Edward, Art in Malta, Progress Press, 1960
Mifsud Bonnici Robert, Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali, D.O.I., 1960. fejn Mifsud Bonnici jikteb li Rokku Buhagiar kien imitatur ċelebri ta’ Guido Reni.
De Piro Nicholas, The International Dictionary of Artists who painted in Malta Said International Ltd., 1988.
Buhagiar Mario,  The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900, World Confederation of Salesians Past Pupils of Don Bosco  –  Lions Club, 1988.
Muscat John, Il-Kwadri Ex-Voto Marittimi Maltin, Ġabra Kullana, P.I.N., 2003.
Coleiro Charles, Il-Festi Tagħna, Ġabra Kullana, P.I.N. 2003.
Sciberras Keith, L-Arti Barokka f’Malta, Gabra Kullana, P.I.N., 2003. – Dan l-awtur huwa l-uniku wieħed li jagħti l-1723 (minflok 1725) bħala data approssimattiva ta’ twelid Rokku Buhagiar.
Treasures of Malta, Vol. VI, No3 Summer 2003, “The Baroque Art of the Maltese Islands”, Mario Buhagiar, p.p. 29 – 34.
Treasures of Malta, Vol. IX, No2, Easter 2003, “Francesco Zahra (1710-1773) “Great Artist of the Eighteenth Century”, Emmanuel Fiorentino, p.p. 39 – 45.
Conti, Dr. Flavio, How to Recognize Baroque, Rizzoli Editore, Milano, 1978
Roccu Buhagiar (1725-1807)”, Joseph C. Camilleri, “It-Torċa”, il-ħadd magazin, 4 ta’ Mejju 2003, pagna 24.
G. Calleja, L’Arte, anno 3o, 7 settembre 1865, nro. 64, p.4
Dr. N. Zammit, L’Arte, anno 2o, 22 novembre 1863, nro. 25, p.2
Oreste Ferdinando Tencaioli, Artisti Maltesi a Roma, Roma, 1936  p.3
Malta, 8 Luglio, 1936, p.1 (sensiela ta’ artikli miġbura fil-ktejjeb Artisti Maltesi a Roma)
Dominic Cutajar, Artists of the Buhagiar and Zahra Families, “The Times”, October 3, 1980, pp. 4-5Irrid irrodd il-ħajr lill-Pirjol Patri Martin Borg OCD tal-Kunvent ta’ Sta. Tereża, Bormla tat-tagħrif li tani.

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *