Rikkardu Taylor (1818 – 1868) Għaġna ta’ Reliġjożita u Didattiċiżmu.

Kitba ta’ Mario Attard

Rikkardu Taylor twieled f’era ppenetrata minn elementi qawwija Nisranija u minn patrijottiżmu ferventi. Fuq naħa f’Malta kien hawn inklinazzjoni qawwija għal testi Nsara, bħal talb, Vanġelji u Bibbja, fost l-iskulari Maltin li kienu jaqalbuhom bil-Malti (l-aktar mil-Latin). Il-kunċett li oriġina minn taħriġ bħal dan ħareġ fid-dieher fi żmienna l-aktar bil-Konċilju Vatikan II meta nkoraġġixxa biex it-talb kollu, inkluż il-quddies, ikun ipprattikat bil-lingwa nativa. Fl-1822, jew erba’ snin wara li twieled Rikkardu Taylor, insibu lil G.M. Canolo jaqleb il-Vanġelju ta’ San Ġwann bil-Malti. Dan l-eżempju semmejnieh biex nifhmu naħa waħda tar-realta’ kulturali li twieled u kiber fiha l-istess poeta Bormliż.

Rikkardu Taylor


Fuq naħa oħra, Malta kienet ilha mal-ħmistax-il sena li waqgħet uffiċjalment f’idejn l-Imperu Ingliż wara li l-istess imperu xejjen it-tentattivi Napoleoniċi li seħħew mill-Franċiżi wara t-trattat ta’ Amiens li kien sar fl-1802. Għalhekk, Rikkardu Taylor trabba fl-aqwa tar-realta’ kolonjali  u seta’ jmiss b’idejh il-polz tal-ħteġijiet li kienu jħossu l-kompajżani ta’ żmienu bi bżonn u bi dritt tagħhom fl-istess ħin mingħand l-Ingliżi. Kienu proprju dawn iż-żewġ realtajiet li wittew it-triq lil dan il-kittieb Bormliż biex beda jterraq fihom u jagħti diversi kontributi b’risqhom. Fl-istess waqt, Taylor kellu ġibda lejn il-poeżija. Fil-fatt, il-kontributi li semmejna kienu ppreżentati (fil-parti l-kbira tagħhom) fil-forma ta’ poeżija jew taqbila.


Oliver Friggieri f’li Storja tal-Letteratura Maltija Vol.1, (p.28) jiddiskrivi lill-kontribut tal-poeżija romantika li kiteb Rikkardu Taylor bħala t-tieni tentattiv fl-iżviluppi li seħħew fil-ġrajja tal-poeżija romantika bejn is-seklu dsatax u l-ftuħ nett tas-seklu għoxrin. Biex infisser ruħi aħjar, Taylor u kittieba oħra ta’ żmienu kienu jużaw id-djalogu f’kitbiethom. Inklinazzjoni oħra ta’ żmienu u li Taylor ta sehmu wkoll fiha, kien l-irrakkuntar ta’ delitti (b’mod speċjali) u avvenimenti li jkexkxu jew iqanqlu l-opinjoni pubblika. Il-Mewt ta’ Salvu Farrugia u Salvu Saliba mlaqqmin “il-Voldieri” u “Iz-Zozz” mgħallqin fis-7 ta’ Diċembru 1857 hija xhieda ta’ dak li għadu kemm inkiteb. Każ ieħor huwa Il-Karnival ta’ Malta tat-22 ta’ Frar 1846 li jservi ta’ eżempju ta’ tqanqil fl-opinjoni pubblika.


Meta ngħidu li Rikkardu Taylor kien didattiku rridu nfissru li kien qiegħed jagħti palata lis-soċjeta’ Maltija ta’ żmienu biex tibda tinbidel psikoloġikament għall-isfidi tas-seklu l-ġdid.


Taylor u kittieba oħrajn ta’ żmienu setgħu jiżbroffaw bil-pinna tagħhom f’dak li huwa stampar minħabba li kienet daħlet legalment il-Liġi ta’ l-Istampa f’Marzu 1839. F’dak iż-żmien Rikkardu Taylor kellu 20 sena. Irridu ngħidu li meta Taylor taha għall-kitba, dan kien ftit wara li daħlet f’pajjiżna l-Liġi ta’ l-Istampa, jiġifieri fl-ewwel snin tas-snin għoxrin ta’ Rikkardu Taylor. Din il-liġi l-ġdida offriet pluraliżmu fil-media ta’ dawk iż-żminijiet – media komposta biss mill-istampa u xi mezzi ristretti oħra bħal ngħidu aħna priedki jew diskorsi f’xi okkażjoni. Bis-saħħa ta’ hekk nibtu għadd ta’ ġurnali li b’kitbiethom u l-fehmiet li bdew ixerrdu komplew jgħinui sabiex tinħoloq mentalita’ ġdida minflok il-passivita’ li l-poplu Malti kien imdorri jgħix fiha.


Dawn il-ġurnali servew ta’ għajn letterarja għal Rikkardu Taylor biex b’mod divulgattiv jilħaq lill-poplu. Fil-fatt Taylor ikkontribwixxa b’kitbiet b’mod regulari fil-“Ġaħan” li deher fis-snin 1846-48 u 1854-61, “Il-Ħmar” fl-1850, “L-Għassies” fl-1855, “Ix-Xitan iz-Zopp” fl-1864, “Il-Giurnal Malti” bejn is-snin 1864-65 u “Is-Serduk” fl-1866. Fil-kontribut divulgattiv, Taylor huwa satiriku, karikaturista u folkloristiku. L-istess kontribut joħroġ fid-dieher ir-reazzjoni tiegħu kontra l-preżenza kolonjali f’Malta. Fuq kollox il-kontribut tiegħu fil-ġurnali ta’ żmienu jtalla’ fil-wiċċ esperjenzi personali, l-aktar in-niket tas-solitudni.


Min ikun qiegħed jaqra jaf jistaqsi: x’wassal lil Rikkardu Taylor jaqleb it-tali kitbiet u mhux kitbiet oħra?
Il-Kant XXXIII mid-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri u Jum il-Ħaqq ta’ Edward Young serqu l-intenzjoni ta’ Taylor li waslu biex ġagħluh jaqlibhom bil-Malti minħabba d-diqa, jew biex inkun iktar speċifiku, il-mewt, il-ġudizzju, it-traġiku ta’ l-aħħar jum u l-biża’ li jġib miegħu.


Il-ħsieb prinċipali u kollettiv li kellu Taylor wara t-traduzzjonijiet li għamel kien li (a) jiżra’ b’għeruq iżjed b’saħħithom l-ilsien Malti fost il-Maltin ħalli japprezzaw aħjar ilsienhom u (b) biex bis-saħħa ta’ l-istess kitbiet barranija miġjuba bil-Malti jġedded il-kultura fi żmienu u biex b’hekk ikunu jistgħu jinfetħu orizzonti ġodda għas-snin ta’ li kienu għad iridu jiġu.


Dionligo Valdecio kiteb Lo Scoglio dell’Umanita’. L-aspett satiriku ta’ dan il-kittieb Sqalli kontra n-nisa ħżiena seraq il-ħsieb ta’ Taylor u hekk qalbu bil-Malti.
Is-Salmi ta’ David u l-Lamentazzjonijiet ta’ Ġeremija u testi mill-kotba Bibliċi  jgħinu biex jinħareġ l-aspett morali f’Rikkardu Taylor, f’dik li hija traduzzjoni.


Din il-ħidma tressaq lejn xulxin fil-għan kulturali u iżjed morali lil Taylor mal-Bormliż l-ieħor Ludoviku Mifsud Tommasi. Il-prova ta’ dan it-tqarrib nisiltuha mill-Inni Mqaddsa – l-Antifona tat-Tmiem tal-Brevjarju Ruman u s-Sekwenzi tal-Missal Miġjubin bil-Malti u li Mifsud Tommasi kien ħareġ fl-1853 u It-Triq tal-Ġenna : Talb għal kull Nisrani li jixtieq Isalva Ruħu li Rikkardu Taylor ħareġ fl-1842.


B’danakollu, u fuq kollox, il-kitba reliġjuża f’Taylor hija sinjal ċar tar-rabta li kellu mal-fidi Nisranija peress li, kif sejrin naraw iżjed ‘il quddiem, għadda minn żmien li fih kellu l-fehma li jsir qassis.

Il-Ħajja Fil-Qossor Ta’ Rikkardu Taylor

Meta nqabblu dak li kiteb Taylor fil-ħarġa 28 tal-ġurnal “Ġaħan” (skond kif Ġuże’ Gatt kiteb fl-istudju tiegħu “Richard Taylor – Wieħed mill-Bennejja tal-Malti” li dher f'”t-Torċa” tal-Ħadd, 6 ta’ Settembru 1970, paġna 9) u l-Karta tal-Magħmudija li kien ġabar Ġuże’ Cassar Pullicino mill-Arkivju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla (eżattament Lib. Baptiz., vol.XII, p.311), insibu nuqqas ta’ qbil fil-ġurnata tat-twelid. F’ “Ġaħan” insibu mniżżel it-26 ta’ Marzu 1818, fil-waqt li fil-Karta tal-Magħmudija li ġabar il-folklorista Cassar Pullicino ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu 1818. Lil dawn iż-żewġ dati ma semmejthomx biex niżra’ d-dubju, iżda biex nirreġistra l-istorja kif inhija.


Missier Rikkardu Taylor kien jismu Ġużeppi, fil-waqt li ommu Giovanna kien kunjomha Farrugia meta kienet xebba. Dawn kienu jieħdu interess ħafna f’binhom Rikkardu. Fil-fatt kien bis-saħħa tad-determinazzjoni u l-perseveranza tagħhom li Rikkardu ħareġ mill-fażi ta’ għażż u ġiri ‘l hawn u ‘l hinn – ħwejjeġ li kienu jikkaratteriżżaw lil tfulitu. U hekk, ta’ disa’ snin sar abbati u ddaħħal fl-iskola tas-Saminarju bħala riżultat ta’ ħajra li wera għas-saċerdozju. Bħal bosta żgħażagħ, żgħożit Rikkardu Taylor kienet ikkaratteriżżata mill-inċertezzi u t-tibdil. Il-ħajra fih għas-saċerdozju ċediet postha għas-safar. Wara żmien ibaħħar, tefa’ l-ankri f’Malta. Kien f’dan il-perjodu li kibset fih il-ħajra għall-kitba bil-Malti. Bejn is-solitudni mnissla fih bil-mewt ta’ ommu u missieru, bejn xi dejn li kellu ħtija ta’ l-istampar u bejn li kien influwenzat minn min ried jaqtagħlu qalbu, Taylor ħalla kollox warajh u telaq lejn l-Eġittu fejn ħadem bħala pittur f’teatru. Lura f’Malta ttanta xortih fin-negozju tat-tabakk, u spiċċa minn taħt. Iddejjen ma’ Cumbo l-istampatur u spiċċa fil-ħabs tal-midjunin fuq dejn li kellu ma’ dan l-istess stampatur. U biex il-borma tiegħu sserraħ fuq tliet saqajn bażwija, ħareġ il-qlib ta’ ktieb li jeħodha kontra n-nisa. Lil dan it-tielet pass żmerċ li ħa Taylor jistqarru f’L-Iskoll tal-Bniedem. Kif jistqarr bil-poeżija “Il-Ħajja u l-Vinturi ta’ Ġaħan” miktuba bil-vers tal-ħamsa mżewweġ, ommu u missieru mietu ftit wara li beda jagħtiha għall-poeżija.


Dwar il-Karta tal-Magħmudija ta’ Taylor baqagħlna xi ħaġa oħra x’niktbu. Rikkardu ma kienx l-ewwel isem tiegħu. Immela għaliex baqa’ magħruf hekk? Kienet drawwa fi żmienu, u li kienet ilha ġejja minn żmien il-Kavallieri, li jsejħu lil dak li jkun mhux bl-ewwel isem li jitniżżel fir-reġistru tal-Magħmudijiet. Fil-fatt, Rikkardu kien it-tieni isem. Giovanni Battista kien l-ewwel isem li ngħatalu, fil-waqt li Vincenzo kien it-tielet wieħed. Fiż-żwieġ xejn ma sab xorti.


Iż-żwieġ ta’ Rikkardu Taylor ma’ Carmela Triganza seħħ wara li kien skonta żmienu fil-ħabs tal-midjunin.

Rikkardu Taylor Għalliem Ta’ L-Ilsna

Bħala bniedem imħarreġ fl-ilsna, Rikkardu Taylor ta lezzjonijiet tal-Latin, tat-Taljan, tal-Franċiż u ta’ l-Ingliż. Nistgħu ngħidu li kien jagħmel hekk biex ikun jista’ jaqla l-għaxja ta’ kuljum. Fiż-żmien li fih Taylor kien joqgħod f’61, Triq Zekka, il-Belt Valletta, huwa fetaħ skola (eżattament f’Awissu 1844) fl-istess dar u li kienet issegwi l-istil Ingliż. Lil din l-iskola Taylor taha żewġ orarji mit-Tnejn sal-Ġimgħa bi ħlas ta’ tmintax irbiegħi (12ċ.5 tagħna) kull orarju: waħda mal-jum u sagħtejn oħra ma’ l-Ave Marija għal kull min ried jitgħallem iżda ma kienx ikun jista’ ħlief fil-għaxija. Is-Sibt kien jgħallem id-Duttrina u seta’ jmur min irid.


Bil-ħsieb li jilħaq kemm jista’ mill-massa tal-Maltin u Għawdxin ta’ żmienu, Rikkardu Taylor stampa f’Ċipru fl-1844 it-Taħriġ ta’ Taħdit bit-Taljan, Ingliż u Malti  – Taħditiet Familjari għall-Iskejjel. B’dan il-ktieb, li kien l-ewwel fil-għamla tal-preżentazzjoni tiegħu, Rikkardu Taylor fetaħ għall-ewwel darba medium ġdid ta’ kif it-tagħlim stampat jista’ jinfirex fil-preżentazzjoni tiegħu.


Min-naħa l-oħra, meta fl-istess sena, jiġifieri fl-1844, stampa Tagħlim bil-Malti tal-Grammatika Taljana għall-Ħtieġa tal-Maltin, Taylor ippreżenta format li fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta kien komuni. Fi kliem ieħor, peress li l-Ordni kien stabilita f’pajjiżna, kienu joħorġu kotba tal-grammatika Maltija miktubin bl-ilsna tal-Kavallieri.

Rikkardu Taylor Ġurnalista

Rikkardu Taylor kien editur tal-ġurnal “Ġaħan”. B’kollox ħareġ 46 għadd, bl-aħħar wieħed joħroġ fit-18 ta’ Jannar 1849. Ġuże’ Cassar Pullicino f’ “Dawl Ġdid fil-Poeżija ta’ Rikkardu Taylor” f’paġna 115 ta’ Kitba w Kittieba tal-Malti, jikteb li Taylor kellu x’jaqsam ma’ ftit ħarġiet oħra ta’ “Ġaħan” li dehru bejn is-snin 1854 -1861. Fil-ġurnali li kien imexxi huwa stess, Taylor kien jara strument li bih jattakka lil min ikun attakkah. Fil-fatt, dan il-ġurnal wasslu biex ikum imwaħħal tmien xhur ħabs wara li nstab ħati f’żewġ libelli li kien għamillu Wiġi Preziosi. Din is-sentenza kienu il-ħtija li waqqfet lil “Ġaħan” milli jkompli jissokta.


Minbarra “Ġaħan”, insibu lil Rikkardu Taylor joħroġ “Ix-Xitan iz-Zopp”, li beda jikteb mis-6 ta’ Frar 1864. Il-ħila fis-sengħa tal-kitba li wera f’dan il-qasam ġurnalistiku. Taylor seraq il-ħars u ġibed il-għira. Frott ta’ hekk kien hemm talin li serqulu mill-kitba stampata tiegħu. Kif kien għamel qabel, Taylor inqeda bil-ġurnal tiegħu u attakka lil kull min kien seraqlu minn kitbietu. Dawn l-attakki nsibuhom fis-seba’ ħarġa li dehret fis-6 ta’ April 1864.


F’Mejju 1864 Taylor beda jieħu ħsieb ta’ “Il Ġiurnal Malti” wara li kien spiċċa minn “Ix-Xitan iz-Zopp”. Il-ġurnal il-ġdid dam joħroġ sa Awissu 1865.
“Is-Serduk” kien l-aħħar ġurnal (jew folju) li ħareġ fl-1867 u li kien iġib l-inizjali R.T. Rikkardu Taylor kellu x’jaqsam ukoll ma’ “Il-Ħatar” li deher bejn nofs Ottubru u l-aħħar jum tas-sena 1850, u ma’ “L-Għassies” aktarx fl-1855. 

Jagħmel L-Għedewwa

Il-pubblikazzjoni ta’ L-Iskoll tal-Bniedem ġabitlu l-inkwiet ma’ l-istampatur għax bejniethom ma qablux fuq il-ħlas ta’ l-istampar. Ġuże’ Gatt jikteb f’paġna 9 ta’ “Il-Berqa” tat-22 ta’ Mejju 1939 illi Taylor ta lill-istampatur 100 skud kif ftiehmu qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb isemmi, fil-waqt li l-istampatur stenna 20 skud iżjed. Baqa’ ma ntlaħaqx ftehim bejniethom u spiċċaw il-Qorti. B’riżultat ta’ hekk,  Taylor intefa’ fil-ħabs tal-midjunin.
Minbarra l-għadu maħluq permezz ta’ l-istampar, Rikkardu Taylor għamel għedewwa oħra, din id-darba permezz tal-ġurnaliżmu.


Fl-1847 Taylor mar joqgħod il-Kalkara. Dan kien żmien li fih beda jagħtiha għall-ġurnaliżmu (u allura għall-politika). Kien beda miexi f’din it-triq bil-ħruġ tal-“Ġaħan”. Ġuże’ Gatt, li jiena nqisu bħala l-bniedem fost l-iktar (jekk m hux l-iktar ukoll) li rsistew ħalli Rikkardu Taylor ma jintesiex, jagħtina każ partikulari f'”Il-Berqa” tat-23 ta’ Mejju 1939, fid-disa’ faċċata.


Wara li kien ilu sena joħroġ il-“Ġaħan”, fettillu jistampa poeżija b’karikatura kollettiva marbutin it-tnejn ma’ l-infern. Fl-istampa Ġaħan huwa mistieden mix-xjaten biex jissieħeb magħhom ħalli jagħmlu festa bil-laħam mixwi tal-bnedmin. Fost dawk impinġija kien hemm min kien għadu ħaj! Wieħed mill-uċuħ li kien jixxiebah mal-‘mixwijin’ kien ta’ ċertu Dun Lawrenz Vella, li kien għadu frisk fil-mewta tiegħu. Iżda lil dan kollu Taylor ċaħdu bil-qawwa kollha.


L-istampar ta’ dan ix-xogħol wassal biex Rikkardu Taylor ikun attakkat u msawwat. “Fil-għodwa tat-8 ta’ Settembru 1847, waqt li kien għaddej mis-Suq il-Qadim ta’ Bormla, marru fuqu tnejn minn nies għal għarrieda, u bdew jagħtuh bi bsaten u ponnijiet bla ħniena. Barra milli darbuh sewwa f’moħħu b’dawn id-daqqiet, wieħed minnhom ġidmu wkoll f’sebgħu.” (“Il-Berqa” tat-22.5.1939,p.9).


Kienu ħabtu għalih Lwiġi dei Konti Preziosi u Ninu Frendo, għax qalu li Taylor daħħal fil-borma lill-qassis imsemmi ‘l fuq. Dawn iż-żewġt irġiel kienu mħarrka, ittellgħu l-qorti u Preziosi weħel tmint ijiem ħabs u lira u ħames xelini, fil-waqt li Frendo weħel sitt ijiem ħabs u lira.


Il-biċċa ma waqfetx hawnhekk. Preziosi beda joħroġ ġurnal (jew folju) biex jattakka lill-“Ġaħan” ta’ Taylor. Dan il-ġurnal ġdid kien jismu “Flaġell lil Ġaħan”. U din kienet lixka ta’ Dr.Preziosi li Taylor fl-aħħar waqa’ fiha, billi tilef rasu. Taylor stampa kitba kontra dan it-tabib u dan ta’ l-aħħar għamillu libell. Bħala riżultat tat-telf ta’ dan il-libell, fl-14 ta’ Frar 1848 Taylor weħel tmien xhur ħabs, u seta’ jħallas sa sitta minnhom b’sittax-il lira. B’hekk kellu jieqaf il-ħruġ tal-“Ġaħan”.

Mewta Tal-Minsijin

Fl-aħħar żmien ta’ ħajtu jingħad li Rikkardu Taylor taha għax-xorb. Huwa kien joqgħod il-Birgu. Ġuże’ Gatt jgħarrafna f’ “It-Torċa” tat-8 ta’ Novembru 1970, paġna 8, li aktarx li Taylor spiċċa mwarrab u minsi minn kulħadd, aktar u aktar meta martu kienet ilha li mietet. Jista’ jkun li spiċċa magħluq fid-Dar tax-Xjuħ. L-Att tal-Mewt Nru.560 tal-1868 mir-Reġistru pubbliku jijkkonferma li Taylor miet fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana (fejn il-lum hemm id-Depot tal-Pulizija) fit-18 ta’ Frar 1868. Kellu 50 sena u ndifen fiċ-Ċimiterju tal-Pieta’.

Bormla Fil – Pinna Ta’ Taylor

Bil-ħsieb li nduqu bil-prattika mill-frott li ħareġ mill-pinna ta’ Rikkardu Taylor, sejjer inġib tliet biċċiet xogħlijiet letterarji li kiteb dan l-awtur mill-Karabuża (il-psewdonomu mogħti lil Bormla fid-dinja umoristika ta’ dak iż-żmien). Dawn il-kitbiet juru kemm Rikkardu Taylor kellu għal qalbu lill-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni kif ukoll lil Bormla. Fil-fatt l-ewwel sejrin naqraw rendikont tal-festa tal-Kunċizzjoni li saret fil-parroċċa ta’ Bormla fis-sena 1864. Fl-aħħar parti ta’ dan ix-xogħol l-awtur Bormliż josserva l-għadd ta’ sunetti li qabblulha lill-Madonna, u magħhom ried jingħaqad Taylor innifsu b’poeżija bi tnax-il kwartina li semmiha Tifkira. It-tielet u l-aħħar xogħol li kiteb Rikkardu Taylor jorbotna mal-Milied. Immela Diċembru fil-kalendarju tagħna l-Insara jiġbor fih tnejn mill-akbar festi tal-Kristjaneżmu: l-Immakulata Kunċizzjoni li tolqot lilna l-Bormliżi fil-laħam il-ħaj, u l-Milied. Għalhekk sejrin insibu tmintax-il kwartina bħala tifkira u tifħira fl-istess waqt taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied li saret parroċċa ta’ Bormla nhar il-25 ta’ Diċembru 1864. Il-Malti qiegħed naqalbu għall-grammatika tagħna tal-lum għall-konsistenza.

Il-Festa tal-Kunċizzjoni Immakulata
fil-Knisja Titular Tagħha
tal-belt Cospicua 8 ta’ Diċembru 1864

Mhux ta’ bil-ħaqq, li mhux sena sena aktar mill-oħra jfaħħru l-Kospikwani ‘l-Immakulata Kunċizzjoni bl-akbar pompa u żina li ma bħalha, li biex ngħidu hekka, għalkemm ma ġġibx għira mal-Knejjes ta’ Malta kollha, in kwantu għall-appart, għaż-żina illi dak it-tempju kien l-istess bħala ġenna, li ma tixbax minn ġo fih, kollox f’għajnejk jgħammex bħala dija, illi nieżla mis-smewwiet, għal dik il-qima u venerazzjoni illi għandhom GĦALIHA!! Lejlietha s-soltu fil-għodu kien it-Te Deum sollenni bi kbira kwantita’ ta’ xama’ ma’ l-Immaġini Immakulata, tant kwantita’ li ma fihx għadd. Wara nofsinhar is-soltu bdiet il-kbira orkestra ta’ l-immortali V.Bugeja, għad li huwa miet, iżda l-karti tiegħu ma jmutu qatt u qatt! f’qasir kliem it-translazzjoni s-soltu sollennissima bl-antifona l-ġdida li kient kiteb fl-aħħar, imbagħad beda l-għasar. Hawn l-aħwa Maltin, diffiċli nfissru l-meastożita’ ta’ dik l-orkestra, kant illi tisimgħu kemm tisimgħu dejjem ġdid! Saħansitra wasal it-Tantum ergo hawn ma hemmx bżonn min ifisser x’jiġifieri kant devot, illi jġagħlek toqgħod għarkubbtejk tadura ‘l Alla tiegħek. Is-soltu kif jaf kulħadd illi l-matutin hemm isir dejjem iżjed sollenni minn ta’ kullimkien. In-nies sadattant bi ħrara tistenna illi tibda l-quddiesa, kif kulħadd jaf, jekk Bugeja lil kulħadd iservi tajjeb, hemm intant jippreferih – f’qasir kliem in-nies tisma’ dak il-kyrie li jġiblek devozzjoni. Iżda ah x’nota ta’ gloria għamlilhom, illi kulħadd sodisfatt u ferħan kważi bid-dmugħ f’għajnejh! Sunetti ta’ bosta devoti bravi li kitbulha għad-devozzjoni, fost l-oħrajn tal-bravu Gius. Ruggiero Busuttil unur tal-Gżira, u fl-aħħar nett il-kuruna tal-festa x’inhi? il-panerġierku illi rreċitah bit-Taljan Padre Regente Cilia, Agostinjan, ta’ għaref li hu, kif bosta u bosta baqgħu mgħaġġba. Wara nofsinhar is-soltu għasar sollenni u l-preparazzjoni fis għall-purċissjoni, ma numru innumerabbli ta’ nies titgħaxxaq b’dik l-allegrezza u d-devozzjoni! It-triqat kollha  kienu ppreparati, sa palk a gass għad-daqqaqa tar-reġimenti. Fuq mat-triq ta’ San Pawl il-banda tar-Reġimenti 4 li marru divinament, kulħadd imgħaxxaq jismagħha – in-nies tiġri, issib fis-Suq il-Qadim fuq palk ieħor illi żejjen pjazza, il-banda tar-Reġiment 100, u din ukoll ma nsemmu xejn ħarġet b’foħrija liema bħalha! Titla’ fuq il-Misraħ ta’ Santa Margerita tara l-palk tal-gass li semmejna qabel, u l-mixegħla tiegħu għaġġbet lil kulħadd, bħalma għaġġbet ukoll il-banda tar-Reġiment 8, kulħadd jagħtiha l-akbar prosit!! dana barra minn baned oħrajn pajżani, illi wkoll taw sodisfazzjon.


Bormla kollha kienet iffjorita bil-bandieri, trofej ta’ gosti l-aktar delikati, arkijiet żgħar ben messi u bis-sena,  insomma ma kienx hemm ħaġa li ma kinetx addattata, anzi kienu jagħmlu wisq iżjed li l-istaġun mhux ta’ min jafdah, għax kull spiża li jagħmlu tistgħu tgħidu illi dejjem għal xejn.


Il-purċissjoni kienet mill-isbaħ, il-baned reġgħu daqqew l-istess, iżda tan-numru 4 fil-purċissjoni ħdejn il-palk tar-Reġiment 8, u l-ħlejjaq ta’ nies kienu xi ħaġa partiulari. Il-purċissjoni daħlet, dak it-Tempju donnu ġenna, għax ma hemmx ħaġa li tfittex u ma ssibx, in-nies bid-devozzjoni kollha baqgħu għat-Tantum ergo, ma hemmx bżonn intennu x’inhu Bugeja, biss il-mużika tiegħu tismagħha kemm tismagħha dejjem ġdida fil-widnejn, l-istess daqs l-ikbar opri! Il-festa sbrigat (spiċċat), Sunetti kellhom, mela aħna wkoll debbolment nagħmlulha wieħed bil-Malti għas-sodisfazzjon tal-Maltin kollha.

                             *                           *                           *
Tajjeb wieħed ikun jaf hawnhekk illi dawn il-kitbiet jiena qiegħed neħodhom mill-gazzetta li tagħha Rikkardu Taylor, u min qara iktar ‘il fuq jaf x’qiegħed nikteb, kien l-editur. Qiegħed nirreferi għal “Il Giurnal Malti” ta’ l-10 ta’ Diċembru 1864. Il-kitba li ġibna sa issa kienet tinsab fil-faċċati 3 u 4. Dan il-ġurnal kien joħroġ tliet darbiet fix-xahar – kull 10, 20 u 30 jum tax-xahar. Kienu jitħallsu tliet xelini kull tliet xhur. Is-sħubija kienet issir fl-Ufficju tat-Tipografia Anglo-Maltese, Vicolo Teatro, 94. Kull ħarġa kienet tinbiegħ sitt soldi mill-ħwienet.


Issa mmorru mill-ġdid għall-istess ħarġa ta’ “Il Giurnal Malti” u mir-raba’ faċċata nġibu s-sunett li Rikkardu Taylor semma fl-aħħar tar-rapportaġġ tal-festa tal-Kunċizzjoni tal-1864.

Tifkira
1
Wasal fl-aħħar il-jum hieni
Li MARIA nħolqot fih!
Mingħajr tebgħa, mingħajr ħtija,
Fost in-nisa bl-akbar ġieħ!

2
Kemm profeti f’iżmna qodma,
Kollha ħabbru l-ĦOLQIEN TAGĦHA:
Kif mhux hekk, da’ d-dinja tafu,
Għax għall-ħlejjaq OMM IS-SAĦĦA!!

3
Minn kull qabel żmien maħsuba
Fil-kbir moħħ minn tal-kbir Alla:
Biex tal-ġenna tkun ir-Reġina,
Sa fuq l-anġli wkoll tittalla’!!

4
Bħal Missier u Etern Kbir Alla,
Ried joħloqha b’OMM minn Tiegħu:
Safja u Pura mingħajr tebgħa,
Biex fil-ġenna titla’ miegħu!

5
Oh Maria x’Int tal-għaġeb!
X’ħin MAĦLUQA mn’Alla ġejt:
L-infern triegħed, thenni s-sema,
Kull dnub minna nqered bgħid!!

6
PIJU DISGĦA IL-KBIR MUNARKA,
Lilha ħabbar kullimkien:
Dogma xerred ma’ l-art kollha,
L’HU MFALLIBBLI dal-Ħolqien!!

7
Ma’ l-art kollha l-aħbar xterdet,
Ta’ did-dogma hekk sabiħa:
Biex f’kull Knisja li nfaħħruha,
Minn kull ġens qima jagħtiha!

8
Ma hemmx rokna ta’ did-dinja,
Li ma tqima b’wisq foħrija:
Tisma’ l-ġnus  tad-dinja tgħajjat:
Imbierek iva ĦLUQ MARIA!!

9
Sa l-eretiċi baqgħu ħiemda,
Lil tad-dogma qima taw:
Għaliex jafu illi tad-dogma,
Min ma jqimu jiżbaljaw!!

10
U hekk mal-Knisja mqaddsa kollha,
Dal-ĦOLQIEN bosta għażiż:
Iġru o ħlejjaq għal MARIA
Kant mill-isbaħ kantaw fis!!

11
HI mill-ogħla tat-Tron t’Alla,
Lejn dil-art tħares bil-qalb:
L-ulied TAGĦHA toqgħod tisma’,
Biex fi ĦDANHA jitla’ t-talb!!

12
Mela iġru ħlejjaq iġru,
La tkunux iżjed ingrata:
Leħen wieħed għajtu u tennu,
KUNĊIZZJONI IMMAKULATA!!!!!

Fil-waqt li qiegħed nippreżenta dawn it-tliet għażliet mill-kitba ta’ Rikkardu Taylor, nixtieq niġbed l-attenzjoni illi peress li qiegħed nippreżentahom bil-Malti tal-lum, hemm ċans kbir li minn vers għal ieħor il-metrika taf tintilef. Mela fil-waqt li Taylor kiteb liż-żewġ poeżiji li qegħdin inġibu bil-vers tat-tmienja, nistgħu nsibu xi versi b’sillaba/i żejda jew nieqsa.


Lit-tieni poeżija jiena ħadtha mill-ħarġa 33 tat-30 ta’ Diċembru 1864, u tinsab fil-ħames faċċata ta’ “Il Giurnal Malti”.

IL-MESSIJA
IL-KBIR JUM TAT-TWELID IMQADDES
TA’
SIDNA ĠESU’ KRISTU
MFAĦĦAR
FL-INSIG. KOLL. U PARR.  KNISJATAL-BELT COSPICUA
25 ta’ Diċembru 1864

TIFHIRA

1.
Glorja, Glorja Hosanna għajtu,
L-anġli kollha mis-smewwiet:
Fuq il-Għar sew minn ta’ Betlem,
Bih imtlew sew l-artijiet!

2.
Ir-rgħajja tal-Ġudea,
Bilġri stenbħu b’dan l-agħjat:
Nisa, rġiel, xjuħ u żgħażagħ,
B’dak il-leħen fis skantat!!

3.
Xi tkun qatt did-dija kollha?
Bdew isaqsu ma’ xulxin:
Is-smewwiet reġa’ weġibhom,
Għaliex twieled il-Bambin!

4.
Twieled iva għad fi stalla,
Biex isseħħ il-profezija:
Twieled iva fl-akbar faqar,
Biex iseħħ kliem Isajija!!

5.
Ir-rgħajja lkoll ta’ Betlem,
Jiġru bdew għall-Istalla:
Għax kulħadd qalbu ħebritu,
Illi twieled il-Kbir Alla!!

6.
L-anġli tgħajjat ersqu fiha,
La titilfu l-ebda żmien:
Dawk fis ħarġu lkoll imgħaġġba,
Sa li kienu ġo l-għerien!!

7.
Gloria, Gloria Hosanna għajtu,
Reġgħu l-anġli mis-smewwiet:
Tal-Messija t-Twelid ħabbru,
U n-nies f’daqqa kollha ġiet!!

8.
Iżda x’raw dawk ir-rgħajja,
F’dik il-lejla ta’ kbir bard?
Raw Bambin ta’ fqir imwieled,
L’Hu Sultan tas-sema u l-art!!

9.
Kollha mgħaġġba fis iħarsu,
Lejn it-tfajjel imwieled f’għar:
Dan hu!  qalu, il-Kbir Messija?
Għeġubijiet mill-iżjed kbar!!

10.
Dak id-dawl ta’ fuq l-istalla,
Iżjed nebbaħ lir-rgħajja:
Kollha f’daqqa iqimuh marru,
Minn kull naħa qtajja’ qtajja’!!

11.
Min qatt twieled f’din il-lejla?
Bdew isaqsu lil xulxin:
Kif il-kant tal-Gloria nstema’,
Twieled żgur Ġesu’ Bambin!!

12.
Twieled dak li minn żmien ilu,
Mħabbar kienn minn Isajija:
Min hu iżda l-oħrajn wieġbu?
Hu il-Kbir Kristu, il-Kbir Messija!!

13.
Oh kbir Alla bdew jgħajtu,
Dal-Messija x’ikun qatt??
L-anġli wieġbu lir-rgħajja,
Dak li jifdi lil kulħadd!!

14.
Kollha f’daqqa għarkubbtejhom,
F’bieb l-istalla qima tawh:
Kbar u żgħar kulħadd inġabar,
Bħal Sultan fis adurah!!

15.
Hieni l-poplu ta’ dat-Tempju,
Li f’dal-jum tqimuh ilkoll:
Bl-isbaħ żina ġewwa nieqa,
Pavaljun sawwartu wkoll!!

16.
Qalb l-inċens ta’ l-akbar fwieħa,
L-anġli tkanta t-tifħir tiegħu:
Hekk xejn inqas in-nies kollha,
F’dal-lejl hienja jersqu miegħu!!

17.
Ikantaw u jtennu dejjem,
Twieled twieled il-Messija!!
Seħħ il-kliem minn tal-Profeti,
Illi d-dinja tkun mifdija!!

18.
Gloria mela nkantaw dejjem,
Kbar u żgħar kull waqt u ħin:
Gloria, Gloria Hosanna fl-ogħla,
Għax Twieled Ġesu’ Bambin!!

Xogħlijiet Li Kiteb Jew Qaleb Rikkardu Taylor

Xogħol ta’ Natura Reliġjuża

1839Via Sagra
oriġinarjament miktuba mill-Beatu Pietru Metastasju, li Taylor qalibha fil-Malti fis-sura tal-poeżija
1840Tagħlimiet ħfief tal-Għaqda l-Qadima u l-Ġdida fuq il-Kotba Mqaddsa għall-Ħtieġa tal-Maltin
kitba orġinali maħruġa bi 58 paġna flimkien ma’ l-Indiċi. It-tieni edizzjoni ħarġet fl-1850, u kienet stampata fit-Tipografija Cumbo
1842It-Triq tal-Ġenna: Talb għal kull Nisrani li jixtieq Isalva Ruħu
kitba oriġinali b’168 paġna. komposta minn ħafna talb fil-forma tal-proża kif ukoll tal-poeżija. Tliet edizzjonijiet oħra ħarġu, u minnhom it tielet waħda kellha 168 paġna. Il-ħames edizzjoni ħarġet fl-1850 l-awtur żied 31 meditazzjoni u kitbiet oħra biex il-faċċati telgħu għal 203 flimkien ma’ l-Indiċi. Din l-edizzjoni kienet stampata fit-Tipografija Cumbo. L-edizzjoni tal-1927, li kellha b’kollox 288 faċċata nħarġet  mid-Ditta Giovanni Muscat.
1843Il-Passjoni tas-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu, miktuba minn San Mattew, flimkien mal-Lamentazzjonijiet tal-Profeta Ġeremija
It-tieni edizzjoni ta’ din it-traduzzjoni ħarġet sena wara bi 62 paġna  fit-Tipografija Cumbo. F’din l-edizzjoni, Rikkardu Taylor żied tliet Vanġelji oħra (ta’ San Mark, ta’ Luqa u ta’ San Ġwann). Edizzjoni oħra fost drabi oħra, ħarġet fl-1852 b’136 paġna.
1843Tifħir u Talb lil San Vinċenz Ferreri
kitba oriġanli bi tmien faċċati
1843L-Iskoll tal-Bniedem – Twiddib liż-Żgħażagħ
traduzzjoni li l-awtur oriġinali tagħha huwa Dionligo Valdecio. It-tieni edizzjoni dehret fl-1851 b’108 paġni flimkien ma’ l-Indiċi.
Dan il-kiteb għandu l-għan li jiftaħ għajnejn il-għożżieba u l-irġiel l-oħra kollha mill-ħażen u l-qerq tan-nisa tat-triq. Il-kelma”skoll’ hija aġġettiv użat għal dawn in-nisa partikulari.
1844Tridu Mqaddes lill-Patrijarka San Duminku
kitba oriġinali bi tmien faċċati
1845 Jum il-Ħaqq
tradott mill-oriġinali tat-tabib Edward Young, b’106 paġni.
1846Kiteb tas-Salmi tas-Sultan David u l-Kantiċi
traduzzjoni mil-Latin b’436 faċċata flimkien ma’ l-Indiċi. F’dan il-qlib, Rikkardu Taylor ippreżenta faċċata ta’ xulxin it-test oriġinali bil-Latin u l-verżjoni tiegħu bil-Malti. Il-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienu jġibu d-data tal-pubblikazzjoni 1847.Huwa meqjus bħala l-aqwa ħidma ta’ Taylor
1848 Uffizju tal-Ġimgħa l-Kbira
Traduzzjoni li tinkludi t-testi bil-Latin u bil-Malti fi 380 paġna. It-tieni edizzjoni ħarġet b’588 paġna fl-1859, u kienet stampata fit-Tipografija  Anglu-Maltija. Magħruf bħala l-Ebdomada
1848In-Nisrani ġewwa l-Knisja
Sal-1861 kien ħareġ ħames darbiet
1863   Tifsir mill-Ħajja tal-Virtu’ tal-Beatu Pellegrin Benedittu Giuseppe Labre’
Xogħol li Taylor ħareġ għall-Beatifikazzjoni ta’ dan il-qaddis, f’182  paġna flimkien ma’ l-Indiċi. Stampat fit-Tipografija Luigi Borg
1864 Talb u Orazzjoni wisq Effikaċi sabiex Taqla’ l-Grazzji kollha… mill-Beatu Pellegrin Benedetti Giuseppi Labre’
Xogħol tradott bi 12-il paġna

 Ma’ din il-ħidma kollha għandhom jingħaddu dawk il-poeżiji kollha ta’ tifħir li n-nies kienu jitolbuh jiktbilhom għall-qaddis tagħhom. Talli kien jagħmlilhom hekk, huma kienu jagħtuh xi ħaġa tal-flus. Jiżdiedu wkoll il-għadd mhux żgħir ta’ kitba, l-aktar tal-poeżija, li stampa fil-ġurnali. Minħabba dan il-fatt jistgħu jitqiesu inqas popolari u ġieli lanqas ġabu ismu. Is-suġġetti ta’ dawn il-kitbiet kienu jvarjaw minn profani għal reliġjużi.

Xogħol Ta’ Natura Didattika

1844Tagħlim bil-Malti tal-Grammatika Taljana għall-Ħtieġa tal-Maltin
Xogħol oriġinali stampat fit-Tipografija Anglu-Maltese bi 62 faċċata u b’erba’ paġni oħra fil-bidu
1844Taħriġ ta’ taħdit tat-Taljan, Ingliż u Malti – Taħditiet Ħfief u Familjari għall-iskejjel
Xogħol oriġinali li tiegħu ħarġu diversi edizzjonijiet; fi żmien sitt snin kienu ħarġu tliet edizzjonijiet. Oriġinarjament maħruġ f’Ċipru. Din l- edizzjoni ewlenija nħatfet kollha f’sitt xhur. It-tieni edizzjoni ħarġet fit-Tipografija Anglo-Maltese.Ġuże’ Gatt jikteb f'”It-Torċa” tal-20 ta’ Settembru 1970, f’paġna 8 li dan il-ktieb kien magħruf bħala l-Conversation.
1846Il-Karnival ta’ Malta tat-22 ta’ Frar 1846
Kitba oriġinali bi 33 paġna, stampata fit-Tipografija Anglu – Maltija.
F’din is-sena l-Gvern kien ordna li mill-jiem kollha tal-Karnival, il-jum tal-Ħadd biss ma jibqax ikun iċċelebrat. L-isem tal-ktieb huwa referenza għall-jum li fih inzerta l-Ħadd imsemmi. Dak inhar seħħew tixwix u protesti, kif ukoll kienu arrestati xi nies.Taylor ifittex li juri t- tixwixa, l-arresti u t-tilwim li nqala’ wara. Taylor ħareġ tliet kotba mdaqqsa fil-forma ta’ poeżija flimkien ma’ stampi. Flimkien ma’ dan il-ktieb ħareġ ukoll Id-Dispotiżmu u l-Inġustizzji mgħottijin fil-Parlament bil-Ħjiena u Il-Lixka ta’ l-Imzazen. Ħtija tad-diżordni li qamet bl-ordni li ta, il-Gvernatur Stewart tneħħa u minfloku ntbagħat O’Ferrall. Skond “Il-Berqa” tat-23 ta’ Mejju 1939 (p.9), Taylor kien jgħallem lit-tfal ta’ O’Ferrall. 
1846Id-Dispotiżmu u l-Inġustizzji fuq Malta mgħottijin fil-Parlament bil-Ħjiena
Oriġinali stampat bi 12-il paġna fit-Tipografija Anglo-Maltese
1846Il-Mitra jew Il-Lixka ta’ l-Imzazen
xogħol oriġinali fi 12-il faċċata u stampat fit-Tipografia Anglo-Maltese
1850Exercises of Conversation in Italian, English and Maltese with Familiar and Easy Dialogues
Xogħol oriġinali b’179 faċċata, stampat fit-Tipografija F.W. Franz.
Rikardu Taylor stampa lil dan l-istess volum bl-ilsien Taljan. Din m’hix l-ewwel edizzjoni, iżda sa din is-sena kienu ħarġu tliet edizzjonijiet.
1853 Il-Mewt ta’ Salvu Farrugia u Salvu Saliba Mlaqqmin “Il-Voldieri” u “Iz-Zozz” Mgħallqin fis-7 ta’ Diċembru 1853
Tliet kanti oriġinali stampati f’16-il faċċata
1864Il-Konti Ugolino mid-Divina Commedia Cant. XXXIII ta’ l-Infern ta’ Dante Alighieri
Traduzzjoni bil-Malti fi 23 paġna, stampata fit-Tipografija Luigi Borg
1866Il-Bojja
xogħol oriġinarjament miktub minn Guido Restoni. Dwar din il-ħidma jeżisti ċertu xettiċiżmu. L-intenzjoni kienet li Taylor iwettaq din it-traduzzjoni li kellha tidher f’faxxiklu kull xahar dehret stampata fil-“Malta Advertiser” tal-14 ta’ Novembru 1866. Fit-tfittxija tiegħi ma sibtx ħjiel jekk ħariġx fi ktieb jew le. Iżda fil-fatt inqaleb u deher bħala xogħol postmuż biċċa biċċa bejn is-snin 1887-1888 f’ “Il-Ħabbar Malti”. Deher stampat fi ktieb fejn l-inizjali M.G. dehru bħala l-identita’ tat-traduttur. Deher ukoll stampat fi ktieb ieħor fil-bidu tas-seklu preżenti minn Xandru Coleiro.

Riferenzi

1Storja tal-Letteratura Maltija, Vol.1, Oliver Friggieri, Klabb Kotba Maltin, 1970
2Kitba w Kittieba tal-Malti, Vol.2, Ġuże’ Cassar Pullicino, Universita’ Rjali ta’ Malta, 1964
3“Il-Malti” – Għaqda Kittieba tal-Malti, Universita’ Rjali ta’ Malta, Ħarġa ta’ Settembru 1953
4“Richard Taylor – ‘Wieħed mill-Bennejja tal-Malti’, Ġuże’ Gatt, studju stampat f’ “It-Torċa”, fis-6 ta’ Settembru 1970,  20 ta’ Settembru 1970, 1 ta’ Ottubru 1970, 8 ta’ Novembru 1970
5The Story of Malta, Brian Blouet, Faber, Londra, 1967
6British Malta, Vol 1, A.V. Laferla, A.C. Aquilina Pub., 1946
7Il-Bormliż – Mons.Ludoviku Mifsud Tommasi, Mario Attard, studju li deher fil-Programm tal-Festa Marija Immakulata fil-Belt ta’ Bormla 1996, maħruġ mill-Kumitat Festa Marija Immakulata, Bormla
8Papers in Maltese Linguistics, Ġuże’ Aquilina, Universita’ Rjali ta’ Malta, 1970
9‘Richard Taylor – Għeluq il-121 sena minn Twelidu’, Ġuże’ Gatt, “Il-Berqa”, 22 u 23 ta’ Mejju 1939.
10“Il Giurnal Malti” Nru.31, tal-10 ta’ Diċembru 1864 u Nru.32 tal-20 ta’ Diċembru 1846.

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *