L-Istatwa Tal – Kunċizzjoni
Kitba ta’ Sunny Aquilina
F’dan l-artiklu se nkomplu nitkellmu fuq statwi kbar li jżejnu t-toroq u l-pjazez ta’ Bormla. Statwi sbieħ u artistiċi li għandna napprezzaw u nieħdu ħsiebhom. Huma wirt ta’ beltna u tagħna l-Bormliżi. Fl-ewwel artiklu ta’ qabel dan bdejna bl-istatwi ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ quddiem il-Knisja Parrrokkjali u dik li kienet qrib il-mina ta’ Santa Liena, li sfortunatament inqerdet wara l-gwerra.
F’dan it-tieni artiklu se niktbu fuq statwa oħra tal-Kunċizzjoni, dik li qiegħda fi triq imsemmija għaliha; Triq il-Kunċizzjoni, fit-taraġ ftit ‘il fuq mill-każin tas-St. Thomas S.C.
Din l-istatwa twaqqfet fis-seklu tmintax kif jikteb Michele Grech Taylor fil-ktieb tiegħu – Storja ta’ Bormla (1924):
‘Il-Madonna tal-Kunċizzjoni li qiegħda fuq pedestal mal-ħajt, fi Strada Concezione (it-triq ta’ Kozzu) saret fl-1788.
Din l-istatwa tinsab f’parti mill-eqdem ta’ Bormla. Hija statwa maħduma fi stil barokk u bis-simboli ta’ l-Immakulata; ir-ras imdawra bil-kwiekeb, bir-riġel fuq ras is-serp bit-tuffieħa f’ħalqu u l-qamar. L-idejn huma magħqudin ma’ xulxin f’għaqda simbolika ta’ talb u għandha wiċċ hieni li jirrifletti qdusija u umilta’.
Tinsab fuq pedestal għoli li f’nofsu, fuq quddiem, insibu rħama b’kitba li tfakkar l-indulġenza ta’ 40 jum li ngħatat minn Mons. Labini ‘Isqof ta’ Malta’ fit-8 ta’ April, 1801, lil min jgħid ‘Salve Regina’ quddiema. Nintebħu li din l-indulġenza ngħatat eżattament 200 sena ilu u l-istatwa għandha aktar minn mitejn sena. L-istatwa, flimkien mal-kantuniera fejn qiegħda, li turi l-qedem tagħha, ħelsitha ħafif mill-qerda tal-gwerra. Hekk għadna nistgħu narawha, ingawduha u ngħidu xi talba quddiema.
Din l-istatwa tinsab f’nofs it-taraġ li ġej fit-tond f’kantuniera.
Quddiem il-pedestall huwa magħluq b’ħadid ornamentali u prominenti fih hemm emblema tal-Madonna. Illum ma tantx għadek tara bħalu. Hemm ukoll żewġ gastri bil-qsari fuqhom u fuq il-pedestall, f’riġlejn il-Madonna, vażun bil-fjuri u fanal jixgħel fin-nofs. In-nies jieħdu ħsiebha, hekk li nżebgħet dan l-aħħar. Fl-1924 sar xogħol ta’ rikostruzzjoni u dan dokumentat.
Fix-xellug ta’ dan il-pedestall, ma’ ċint mibni ma’ ġenb il-pedestall hemm irħama oħra li tfakkar il-promuturi Salvu Darmanin, li għamel ukoll id-disinn u x-xogħol li sar minn Ċikku Zahra u Pawlu Aquilina.
‘Memorja tal-promuturi S. Darmanin, F. Zahra, P. Aquilina u n-nies tat-triq, disinn ta’ l-istess Darmanin, tlesta fl-1 ta’ Frar, 1924.’
Din l-istatwa hija miżmuma tajjeb u fl-għożża, hekk li nsibu rħama żgħira oħra li tixhed dan. ‘id-devoti b’qima kbira lejn Marija Santissima, kulħadd huwa mitlub biex ma jħallix dan il-lok jiġi mkagħbar.’
L-istoriku Tony Terribile fil-ktieb ‘Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin’ (Pin 2000) jikteb li x-xogħol li semmejna sar fl-1929, imma d-data fuq il-lapida hija ċara 1924, u jkompli li dan sar f’għeluq il-75 sena mill-proklama tad-Domma ta’ l-Immakulata nhar it-8 ta’ Diċembru, 1854 meta f’Bormla saru ċelebrazzjonijiet speċjali.
Fil-fatt sar ħames snin qabel, f’għeluq is-70 sena. Fuq l-istatwa nnifisha Tony Terribile jikteb li din l-istatwa kbira tal-Kunċizzjoni hi waħda mill-isbaħ statwi li nsibu f’dawn il-gżejjer. Wieħed jista’ jgħid dan, wara li jifli sew l-iskultura li fiha, b’mod speċjali fil-panneġġi tal-libsa tagħha. Hi statwa devota ħafna u għalhekk miżmuma tajjeb min-nies ta’ l-inħawi.
Din l-istatwa sabiħa hija f’ambjent Malti ta’ l-antik, tixhed żminijiet ta’ l-imgħoddi. It-taraġ ukoll huwa tipiku ta’ Bormla ta’ dari. U dan għandu sinifikat, kif għidna l-istess isem tat-triq hu għall-patruna speċjali tal-Belt Cospicua.
Tajjeb li dan il-patrimonju tagħna, nagħrfuh, ngħożżuh, nieħdu ħsiebu u ngħadduh fi stat tajjeb lil uliedna u lil dawk li jiġu warajna. Dawn l-istatwi pittoreski jixhdu wkoll id-devozzjoni popolari ta’ niesna. Ħelwa u tajba t-tradizzjoni li ngħidu talba żgħira meta ngħaddu minn quddiemhom. Mhux b’qima lejn l-istatwa imma lejn il-Madonna, dik l-Omm li dejjem tħarisna. “O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.”
Referenzi
Michele Grech Taylor, ‘Storja ta’ Bormla’ ms. 1924
Tony Terribile, ‘Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin’ (Pin 2000)