Kitba ta’ John Galea
Il-Kwadru Santwarju tal-Kuncizzjoni li jiddomina fil-faċċata tal-irħam fil-kor tal-knisja, ġie mpitter minn Pietro Paolo Caruana (1794 – 1852) fl-1828. Il-ħsieb wara din il-pittura kien tal-Kanonku Bormliż Ludovico Mifsud Tommasi li kien teologu, poeta u devot kbir tal-Madonna.
Dan il-kwadru ma ġiex milqugħ mill-ewwel u kien biss fl-1850 li tpoġġa fil-knisja. Il-kwadru l-antik, xogħol Carlo Gimach (1651 – 1730), illum jinsab fis-sagristija tal-parroċċa.
Fil-25 ta’ Ġunju 1905, il-Kardinal Domenico Ferrata, f’isem il-Papa Piju X, inkuruna ix-xbieha ta’ Marija Mmakulata b’kurunu tad-deheb fuq ras il-Madonna. Ħamsin sena wara, fil-25 ta’ Lulju 1955, il-Kardinal Federico Tedeschini poġġa stillarju tad-deheb u d-djamanti madwar ras il-Madonna.
Dan il-Kwadru, flimkien ma’ l-istatwa tal-Kuncizzjoni, f’Jannar ta’ l-1941 ittieħed fil-Bażilika ta’ Birkirkara għall-kenn mill-bombi ta’ l-għadu fit-Tieni Ġwerra Dinjija. Dawn inġabu lura lejn Bormla b’pellegrinaġġ minn Birkirkara għal-Bormla, bħala ringrazzjament li l-Knisja baqgħet bla mitiefsa, nhar id-19 ta’ Novembru ta’ l-1944.